Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004D0006

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Novembru 2003 li tistabbilixxi Kumitat tas-Sorveljaturi ta' l-Assigurazzjoniet u tal-Pensjonijiet tax-Xogħol EwropejTest b'rilevanza għaż-ŻEE.

    ĠU L 3, 7.1.2004, p. 30–31 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 29/01/2009; Imħassar b' 32009D0079

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2004/6(1)/oj

    32004D0006



    Official Journal L 003 , 07/01/2004 P. 0030 - 0031


    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

    tal-5 ta' Novembru 2003

    li tistabbilixxi Kumitat tas-Sorveljaturi ta' l-Assigurazzjoniet u tal-Pensjonijiet tax-Xogħol Ewropej

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    (2004/6/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Billi:

    (1) F'Ġunju 2001, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjonijiet 2001/527/KE [1] u 2001/528/KE [2] li jistabbilixxu l-Kumitat tar-Regolaturi tat-Titoli Ewropej u l-Kumitat tat-Titoli Ewropej rispettivament.

    (2) Fir-Riżoluzzjonijiet tiegħu tal-5 ta' Frar u tal-21 ta' Novembru 2002, il-Parlament Ewropew endorsja l-qafas regolatorju fuq erba' livelli mitkellem favuru fir-Rapport Finali tal-Kumitat ta' l-Għorrief u sejjaħ għalbiex jiġu estiżi ċerti aspetti ta' dan l-avviċinament għas-setturi tal-banek u ta' l-assigurazzjoni bla ħsara għal impenn ċar mill-Kunsill għal riforma sabiex jiġi ggarantit bilanċ istituzzjonali xieraq.

    (3) Fit-3 ta' Diċembru 2002, il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni sabiex timplimenta dawn l-arranġamenti fl-oqsma tal-banek u ta' l-assigurazzjoni u tal-pensjonijiet tax-xogħol u li tistabbilixxi malajr kemm jista' jkun kumitati ġodda f'kapaċità konsultattiva fejn jidħlu dawn l-oqsma.

    (4) Għandu jiġi stabbilit Kumitat tas-Sorveljaturi ta' l-Assigurazzjonijiet u l-Pensjonijiet tax-Xogħol Ewropej (minn issa 'l quddiem imsejjaħ "il-Kumitat") sabiex iservi bħala korp indipendenti għar-riflessjoni, id-dibattitu u l-pariri għall-Kummissjoni fl-oqsma ta' l-asikurazzjoni, l-assigurazzjoni mill-ġdid u l-pensjonijiet tax-xogħol. Madankollu, rigward il-kamp tal-pensjonijiet tax-xogħol, filwaqt li l-Kumitat għandu jikkunsidra l-aspetti regolatorji u tas-sorveljanza fejn jidħlu dawn l-arranġamenti, ma għandux jindirizza aspetti tax-xogħol u soċjali, bħalma huma l-organizzazzjoni tar-reġimi tax-xogħol, u b'mod partikolari, il-kwistjonijiet li jkollhom x'jaqsmu mas-sħubija (affiljazzjoni) obbligatorja jew mar-riżultati tal-ftehimijiet tan-negozjati kollettivi.

    (5) Il-Kumitat għandu jikkontribwixxi wkoll għall-implimentazzjoni konsistenti u f'waqtha tal-leġislazzjoni Komunitarja fl-Istati Membri billi jiżgura koperazzjoni iktar effettiva bejn l-awtoritajiet nazzjonali tas-sorveljanza, iwettaq rivisti ta' bejn l-isħab u jippromwovi l-aħjar prattiċi.

    (6) Il-Kumitat għandu jorganizza l-arranġamenti operattivi tiegħu nnifsu, b'mod partkolari iqis l-ispeċifikazzjonijiet ta' l-awtoritajiet kompetenti rilevanti, u jżomm rabtiet operattivi mill-qrib mal-Kummissjoni u mal-Kumitat stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/9/KE tal-5 ta' Novembru 2003, li tistabbilixxi Kumitat ta' l-Assigurazzjonijiet u l-Pensjonijiet tax-Xogħol Ewropej [3]. Għandu jeleġġi l-President tiegħu minn fost il-membri tiegħu.

    (7) Fi stadju bikri, il-Kumitat għandu jikkonsulta b'mod estensiv u f'manjiera miftuħa u trasparenti lill-parteċipanti tas-swieq, lill-konsumaturi u lill-utenti ta' l-aħħar.

    (8) Il-Kumitat għandu jfassal ir-regoli tiegħu nnifsu tal-proċedura u jirrispetta bis-sħiħ il-prerogattivi ta' l-istituzzjonijiet u l-bilanċ istituzzjonali stabbiliti bit-Trattat,

    IDDEĊIDIET DAN LI ĠEJ:

    Artikolu 1

    Huwa hawnhekk stabbilit grupp konsultattiv dwar l-assigurazzjonijiet u l-pensjonijiet tax-xogħol fil-Komunità, imsejjaħ "il-Kumitat tas-Sorveljaturi ta' l-Assigurazzjonijiet u l-Pensjonijiet tax-Xogħol Ewropej" (minn issa 'l quddiem riferit bħala "il-Kumitat").

    Artikolu 2

    Ir-rwol tal-Kumitat għandu jkun li jagħti pariri lill-Kummissjoni, jew fuq it-talba tal-Kummissjoni, fil-limitu taż-żmien li l-Kummissjoni tista' tistabbilixxi skond l-urġenza tal-materja, jew fuq l-inizjattiva tal-Kumitat innifsu, b'mod partikolari rigward it-tħejjija ta' l-abbozz tal-miżuri ta' implimentazzjoni fl-oqsma ta' l-assigurazzjoni, l-assigurazzjoni mill-ġdid u l-pensjonijiet tax-xogħol.

    Il-Kumitat għandu jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni konsistenti tad-Direttivi Komunitarji u għall-konverġenza tal-prattiċi tas-sorveljanza ta' l-Istati Membri fil-Komunità kollha.

    Il-Kumitat għandu wkoll jikkostitwixxi forum għall-koperazzjoni fis-sorveljanza, inkluż l-iskambju tat-tagħrif dwar l-istituzzjonijiet tas-sorveljanza.

    Artikolu 3

    Il-Kumitat għandu jkun kompost minn rappreżentanti ta' livell għoli mill-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali kompetenti fil-qasam tas-sorveljnza ta' l-assigurazzjonijiet, l-assigurazzjonijiet mill-ġdid u l-pensjonijiet tax-xogħol. Kull wieħed mill-Istati Membri għandu jinnomina rappreżentanti ta' livell għoli mill-awtoritajiet kompetenti tiegħu sabiex jieħdu sehem fil-laqgħat tal-Kumitat.

    Il-Kummissjoni għandha tkun preżenti fil-laqgħat tal-Kumitat u għandha tinnomina rappreżentant ta' livell għoli sabiex jieħu sehem fid-dibattiti tiegħu.

    Kull meta d-diskussjoni dwar punt fuq l-aġenda tintitola l-iskambju ta' tagħrif kunfidenzjali li jirrigwarda istituzzjoni ssorveljata, il-parteċipazzjoni fid-diskussjoni tista' tiġi ristretta għall-awtroritajiet tas-sorveljanza involuti direttament.

    Il-Kumitat għandu jeleġġi President minn fost il-membri tiegħu.

    Il-Kumitat jista' jistieden esperti u osservaturi sabiex jattendu l-laqgħat.

    Il-Kumitat ma għandux jindirizza aspetti tal-liġijiet tax-xogħol u soċjali bħalma huma l-organizzazzjoni tar-reġimi tax-xogħol, b'mod partikolari s-sħubija obbligatorja u r-riżultati tal-ftehimijiet tan-negozjati kollettivi.

    Artikolu 4

    Il-Kumitat għandu jżomm rabtiet operattivi mill-qrib mal-Kummissjoni u mal-Kumitat stabbilit bid-Deċiżjoni 2004/9/KE.

    Jista' jistabbilixxi gruppi tax-xogħol. Il-Kummissjoni għandha tiġi mistiedna sabiex tieħu sehem fil-gruppi tax-xogħol bħala osservatur.

    Artikolu 5

    Qabel ma jittrasmetti l-opinjoni tiegħu lill-Kummissjoni, il-Kumitat għandu, fi stadju bikri, jikkonsulta b'mod estensiv u f'manjiera miftuħa u trasparenti mal-parteċipanti tas-swieq, mal-konsumaturi u ma' l-utenti ta' l-aħħar.

    Artikolu 6

    Il-Kumitat għandu jissottometti rapport annwali lill-Kummissjoni.

    Artikolu 7

    Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tiegħu ta' proċedura u jorganizza l-arranġamenti operattivi tiegħu nnifsu.

    Artikolu 8

    Il-Kumitat għandu jidħol għal dmirijietu fl-24 ta' Novembru 2003.

    Magħmula fi Brussel, fil-5 ta' Novembru 2003.

    Għall-Kummissjoni

    Frederik Bolkestein

    Membru tal-Kummissjoni

    [1] ĠU L 191, tat-13.7.2001, pġ. 43.

    [2] ĠU L 191, tat-13.7.2001, pġ. 45.

    [3] Ara l-paġna 34 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

    --------------------------------------------------

    Top