Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32002R2154

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2154/2002 tat-28 ta’ Novembru 2002 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 4045/89 dwar skrutinju minn Stati Membri ta’ transazzjonijiet li jagħmlu parti mis-sistema ta’ finanzjament mis-Sezzjoni ta’ Garanzija tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija

    ĠU L 328, 5.12.2002, p. 4–5 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 22/06/2008

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2002/2154/oj

    32002R2154



    Official Journal L 328 , 05/12/2002 P. 0004 - 0005


    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2154/2002

    tat-28 ta’ Novembru 2002

    li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 4045/89 dwar skrutinju minn Stati Membri ta’ transazzjonijiet li jagħmlu parti mis-sistema ta’ finanzjament mis-Sezzjoni ta’ Garanzija tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

    Billi:

    (1) Ir-regoli għall-għażla ta’ intrapriżi li għandhom ikunu skrutinizzati kif imniżżel fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KEE) Nru 4045/89 [3] għandhom ikunu modifikati sabiex jieħdu in konsiderazzjoni l-iżviluppi fl-użu ta’ metodi ta’ kif jitqies ir-riskju f’miżuri oħra ta’ kontroll, li jieħdu in konsiderazzjoni l-inflazzjoni mill-aħħar emenda għar-Regolament (KEE) Nru 4045/89, u biex jagħtu lill-Istati Membri aktar flessibilità fl-għażla ta’ intrapriżi.

    (2) Għandha ssir dispożizzjoni għall-każi fejn Stati Membri jieħdu azzjoni konġunta li tinvolvi għajnuna reċiproka bejn Stati Membri. Tnaqqis fl-għadd ta’ skrutinji, li jirriflettu l-għażla ta’ intrapriżi fuq il-bażi ta’ metodi ta’ kif jitqies ir-riskju u għajnuna reċiproka mtejba, ma għandux iwassal għad-deterjorazzjoni fil-kwalità ta’ dawn l-iskrutinji.

    (3) Id-dispożizzjonijiet dwar is-sottomissjoni ta’ talbiet għal għajnuna reċiproka taħt l-Artikolu 7 tar-Regolament (KEE) Nru 4045/89 għandu jiġi ssemplifikat.

    (4) Il-dispożizzjonijiet dwar il-parteċipazzjoni finanzjarja tal-Kommunità fl-infieq ta’ l-Istati Membri li jirriżulta mill-applikazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 4045/89 issa waqgħu u għandhom jitneħħew.

    (5) Ir-Regolament (KEE) Nru 4045/89 għandu għalhekk jiġi emendat skond dan,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    L-Artikolu 1

    Ir-Regolament (KEE) Nru 4045/89 huwa hawnhekk emendat kif ġej:

    1. L-Artikolu 1 għandu jkun emendat kif ġej:

    (a) il-paragrafu 1 għandu jkun sostitwit b’dan li ġej:

    "1. Dan ir-Regolament għandu x’jaqsam ma’ l-iskrutinju tad-dokumenti kummerċjali ta’ dawk l-entitajiet li jkunu jirċevu jew iħallsu pagamenti li jkollhom x’jaqsmu direttament jew indirettament mas-sistema tal- finanzjament tas-Sezzjoni ta’ Garanzija tal-FAEGG, jew ir-rappreżentanti tagħhom, minn hawn ’il quddiem imsejjħa "intrapriżi";, sabiex jiġi aċċertat jekk transazzjonijiet li jifformaw parti mis-sistema ta’ finanzjament mis-Sezzjoni ta’ Garanzija ta’ l-FAEGG ikunux attwalment twettqu u esegwiti b’mod korrett.";

    (b) Il-paragrafu segwenti 5 għandu jiżdied:

    "5. Skrutinji ta’ miżuri u proġetti ta’ żvilupp rurali mhux espliċitament esklużi mill-iskop ta’ tali skrutinji, skond l-Anness għar-Regolament (KE) Nru 2311/2000 [4], għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lill-kondizzjonijiet speċjali li jirregolaw l-implimentazzjoni ta’ tali miżuri u proġetti.";

    2. L-Artikolu 2(2) għandu jkun emendat kif ġej:

    (a) fl-ewwel subparagrafu, "ECU 100000" għandu jkun sostitwit minn "EUR 150000";

    (b) fir-raba’ subparagrafu, "ECU 300000" għandu jkun sostitwit minn "EUR 350000";

    (ċ) fil-ħames subparagrafu, "ECU 30000" għandu jkun sostitwit minn "EUR 40000";

    3. id-daħla li ġejja għandha tiżdied ma’ l-Artikolu 3(1):

    "— Jiċċekkja, fejn jidħlu iż-żamma tal-kotba u reġistri ta’ attività finanzjarja li juru fiż-żmien ta’ l-iskrutinju, li d-dokumenti miżmuma mill-aġenzija li tkun tagħmel il-ħlas ta’ għajnuna lill-benefiċjarju huma preċiżi.";

    4. L-Artikolu 7 għandu jkun emendat kif ġej:

    (a) fil-paragrafu 1, is-subparagrafu li ġej għandu jiżdied:

    "Fejn żewġ Stati Membri jew iżjed minn tnejn jinkludu fil-programm mibgħut taħt l-Artikolu 10(1) xi proposta għal azzjoni konġunta li tinvolvi għajnuna reċiproka estensiva, il-Kummissjoni tista’, jekk tkun mitluba, tippermetti tnaqqis sa massimu ta’ 25 % ta’ l-iżgħar għadd ta’ skrutinji kif stabbilit taħt l-Artikolu 2(2) għall-Istati Membri kkonċernati.";

    (b) fil-paragrafu 2, il-ħames subparagrafu għandu jkun sostitwit minn dan li ġej:

    "Deskrizzjoni fil-qosor ta’ dawn it-talbiet għandha tintbagħat lill-Kummissjoni kull tliet xhur, mhux aktar minn xahar wara li jagħlaq il-perijodu ta’ tliet xhur. Il-Kummissjoni tista’ tesiġi li kopja ta’ talbiet individwali tiġi fornita.";

    (ċ) il-paragrafu 4 għandu jkun sostitwit minn dan li ġej:

    "4. Jekk informazzjoni addizzjonali tkun meħtieġa minn Stat Membru ieħor bħala parti mill-iskrutinju ta’ xi intrapriża skond l-Artikolu 2, u b’mod partikolari ċċekkjar bejn żewġ naħat skond l-Artikolu 3, talbiet speċifiċi għal skrutinju jistgħu jsiru waqt li juru r-ragunijiet għat-talba. Deskrizzjoni fil-qosor ta’ talbiet speċifiċi għandha tintbaghat lill-Kummissjoni kull tliet xhur. Il-Kummissjoni tista’ tesiġi li kopja ta’ talbiet individwali tiġi fornita.

    It-talba għal skrutinju għandha tintlaqa’ mhux aktar tard minn sitt xhur wara li tkun waslet; ir-riżultati ta’ l-iskrutinju għandhom jitwasslu mingħajr telf ta’ żmien lill-Istat Membru u lill-Kummissjoni. In-notifika lill-Kummissjoni għandha tkun kull tliet xhur, mhux aktar minn xahar wara li jagħlaq il-perijodu ta’ tliet xhur.";

    5. L-Artikoli 12, 13, 14, 15, 16, 16a u 17 għandhom jitneħħew.

    L-Artikolu 2

    Dan ir-Regolament ghandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    Għandu japplika b’effett mill-perijodu ta’ skrutinju 2003/2004.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussel, it-28 Novembru 2002.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. Fischer Boel

    [1] ĠU C 51 E, tas-26.2.2002, p. 366.

    [2] Opinjoni ta’ l-24 ta’ Settembru 2002 (sa issa mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    [3] ĠU L 388, tat-30.12.1989, p. 18. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 3235/94 (ĠU L 338, tat-28.12.1994, p. 16).

    [4] ĠU L 265, tad-19.10.2000, p. 10.

    --------------------------------------------------

    Top