Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31997L0077

Id-Direttiva tal-Kunsill 97/77/KE tas-16 ta’ Diċembru 1997 li temenda d-Direttivi 93/23/KEE, 93/24/KEE u 93/25/KEE dwar l-istħarriġiet statistiċi li jridu jitwettqu fuq il-produzzjoni tal-ħnieżer, annimali bovini u n-nagħaġ u l-mogħoż

ĠU L 10, 16.1.1998, p. 28–30 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/12/2008; Impliċitament imħassar minn 32008R1165

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1997/77/oj

31997L0077



Official Journal L 010 , 16/01/1998 P. 0028 - 0030


Id-Direttiva tal-Kunsill 97/77/KE

tas-16 ta’ Diċembru 1997

li temenda d-Direttivi 93/23/KEE, 93/24/KEE u 93/25/KEE dwar l-istħarriġiet statistiċi li jridu jitwettqu fuq il-produzzjoni tal-ħnieżer, annimali bovini u n-nagħaġ u l-mogħoż

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Billi, sabiex jiġi żgurat illi l-politika komuni agrikola hija amminstrata kif jixraq, b’mod partikolari fejn jirrigwarda s-swieq tal-laħam tal-majjal, il-laħam taċ-ċanga u l-vitella u l-laħam tal-muntun u tal-mogħża, il-Kummissjoni jeħtiġilha tagħrif regolari dwar ix-xejriet fil-bhejjem tar-rziezet u l-produzzjoni tal-laħam tal-majjal, taċ-ċanġa u l-vitella u l-laħam tal-muntun u tal-mogħża;

Billi d-Direttiva tal-Kunsill 93/23KEE ta’ l-1 ta’ Ġunju 1993 dwar l-istħarriġiet statistiċi li jridu jitwettqu fuq il-produzzjoni tal-ħnieżer [3], id-Direttiva tal-Kunsill 93/24/KEE ta’ l-1 ta’ Ġunju 1993 dwar l-istħarriġiet statistiċi li jridu jitwettqu fuq il-produzzjoni ta’ l-ifrat [4] u d-Direttiva tal-Kunsill 93/25/KEE ta’ l-1 ta’ Ġunju 1993 dwar l-istħarriġiet statistici li jridu jitwettqu fuq il-ħażniet tan-nagħaġ u l-mogħoż [5] jirregolaw il-frekwenza ta’ l-istħarriġiet statistiċi li jridu jitwettqu fuq il-produzzjoni tal-ħnieżer, ta’ l-ifrat, tan-nagħaġ u tal-mogħoż;

Billi l-perjodi taż-żmien ta’ referenza għandhom jiġu addattati għalbiex jinkiseb użu aħjar tar-riżorsi disponibbli għall-istħarriġiet statistiċi agrikoli;

Billi l-piż tax-xogħol fuq l-azjendi agrikoli konness mat-twettiq ta’ l-istħarriġiet statistiċi għandu jiġi mnaqqas;

Billi l-istħarriġiet statistiċi diversi fis-settur agrikolu jridu jkunu ssinkronizzati kemm jista’ jkun;

Billi f’uħud mill-Istati Membri l-popolazzjonijiet diversi tal-bhejjem tar-rziezet jirrappreżentaw parti minuri mill-popolazzjoni totali tal-bhejjem tar-rziezet tal-Komunità; billi għalhekk dawn l-Istati Membri jistgħu jingħataw ċerti derogi,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

Id-Direttiva 93/23/KEE hija hawnhekk emendata kif ġej:

1. Fl-Artikolu 1:

(a) it-tieni subparagrafu tal-paragrafu (2) għandu jiġi mibdul b’dan li ġej:

"Dawk l-Istati Membri li l-popolazzjoni tagħhom tal-ħnieżer hija anqas minn 3 miljun ras jistgħu jiġu awtorizzati li jwettqu l-istħarriġ darba fis-sena f’April, f’Mejju/Ġunju, f’Awwissu jew f’Novembru/Diċembru. Jekk jiddeċiedu li jwettqu l-istħarriġ f’April, Mejju/Ġunju jew Awwissu, għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni stima tal-popolazzjoni tal-ħnieżer għal waħda mill-ewwel ġranet f’Diċembru tas-sena tar-referenza."

(b) għandhom jiġu miżjuda l-paragrafu 4 u 5 kif ġej:

"4. Il-Kummissjoni tista’ tawtorizza lill-Istati Membri, fuq it-talba tagħhom, li jwettqu biss żewġ stħarriġiet kull sena, f’intervalli taż-żmien ta’ sitt xhur fix-xhur ta’ Mejju/Ġunju u Novembru/Diċembru. Din l-awtorizzazzjoni tista’ tingħata biss bil-kondizzjoni illi l-Istati Membri japplikaw il-metodi approprjati sabiex jiggarantixxu l-kwalità tat-tbassir ipprovdut fl-Artikolu 12. Trid tiġi ssottomessa d-dokumentazzjoni metodoloġika approprjata mill-Istati Membri meta jissottomettu din it-talba.

5. Dawk l-Istati Membri li jwettqu aktar minn tliet stħarriġiet kull sena għandhom jiġu permessi differenza ta’ sa tlitt ijiem fit-tnejn mid-dati ta’ l-istħarriġiet msemmija fil-paragrafu 4."

2. Fl-Artikolu 5, għandhom jiġu miżjuda il-paragrafi li ġejjin:

"3. Dawk l-Istati Membri awtorizzati li jwettqu żewġ stħarriġiet biss kull sena għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bir-riżultati proviżorji ta’ l-istħarriġiet inklużi l-istimi addizzjonali ta’ qabel:

- il-15 ta’ Awissu ta’ l-istess sena għall-istaħrriġ ta’ Mejju/Ġunju,

- il-15 ta’ Frar tas-sena ta’ wara għall-istħarriġ ta’ Novembru/Diċembru.

Dawk l-Istati Membri li l-popolazzjoni tagħhom tal-ħnieżer hija anqas minn 3 miljun ras u li jkunu ġew awtorizzati li jwettqu stħarriġ wieħed biss kull sena u li ma jkunux indaħlu għal dan l-istħarriġ f’Novembru/Diċembru, għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-istima għal Diċembru sal-15 ta’ Frar tas-sena ta’ wara.

4. Dawk l-Istati Membri awtorizzati li jwettqu biss żewġ stħarriġiet kull sena għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bir-riżultati proviżorji ta’ l-istħarriġiet inklużi l-istimi addizzjonali, kif iddefiniti fl-Artikolu 4(2), ta’ qabel:

- il-15 ta’ Settembru ta’ l-istess sena għall-istħarriġ ta’ Mejju/Ġunju,

- l-1 ta’ April tas-sena ta’ wara għall-istħarriġ ta’ Novembru/Diċembru."

3. Fl-Artikolu 6:

(a) fil-paragrafu 1 it-terminu "Diċembru" għandu jiġi mibdul bit-terminu "Diċembru jew Novembru/Diċembru";

(b) fil-paragrafu 2 it-terminu "April" għandu jiġi mibdul bit-terminu "April jew Mejju/Ġunju";

4. Fl-Artikolu 8(1) it-terminu "Diċembru" għandu jiġi mibdul bit-terminu "Novembru/Diċembru".

L-Artikolu 2

Id-Direttiva 93/24/KEE hija hawnhekk emendata kif ġej:

1. Fl-Artikolu 1:

(a) il-pararafu (1) għandu jiġi mibdul b’dan li ġej:

"1. L-Istati Membri għandhom iwettqu stħarriġiet statistiċi dwar il-bhejjem tal-fart fuq it-territorju tagħhom kull sena b’referenza għal jum wieħed fix-xahar ta’ Mejju/Ġunju u b’referenza għal jum wieħed fix-xahar ta’ Novembru/Diċembru.

L-Istati Membri jistgħu jiġu awtorizzati li jibdlu l-istħarriġ ta’ Mejju/Ġunju bi stħarriġ f’April jekk huma jibagħtu lill-Kummissjoni, qabel it-30 ta’ Settembru ta’ l-istess sena, stima tal-bhejjem bovini għal wieħed mill-ewwel jiem ta’ Ġunju."

(b) fil-paragrafu (2), l-ewwel subparagrafu għandu jiġi mibdul b’dan li ġej:

"2. L-Istati Membri jistgħu, fuq it-talba tagħhom, jiġu awtorizzati li jwettqu l-istħarriġiet ta’ Mejju/Ġunju jew Novembru/Diċembru f’reġjuni magħżula, bil-patt li dawn l-istħarriġiet ikopru mill-inqas 70 % tal-popolazzjoni ta’ l-ifrat."

2. Fit-tieni inċiż ta’ l-artikolu 5(1) u fit-tieni inċiż tat-(2) it-terminu "Diċembru" għandu jiġi mibdul bit-terminu "Novembru/Diċembru".

3. Fl-Artikolu 6(1) it-terminu "Diċembru" għandu jiġi mibdul bit-terminu "Novembru/Diċembru".

4. Fl-Artikolu 8(1) it-terminu "Diċembru" għandu jiġi mibdul bit-terminu "Novembru/Diċembru".

L-Artikolu 3

Id-Direttiva 93/25/KEE hija hawnhekk emendata kif ġej:

1. Fl-Artikolu 1:

(a) il-paragrafu 1 għandu jiġi mibdul b’dan li ġej:

"1. L-Istati Membri għandhom iwettqu stħarriġ statistiku tal-popolazzjoni tan-nagħaġ fuq it-territorju tagħhom kull sena b’referenza għal jum wieħed f’Novembru/Diċembru"

(b) fil-paragrafu (2)(a) il-kliem “għal wieħed mill-ewwel jiem f’Diċembru għandu jiġi mibdul bil-kliem ”għal jum wieħed "Novembru/Diċembru".

2. L-Artikolu 6(2) għandu jiġi mibdul b’dan li ġej:

"2. Permezz ta’ deroga mill-Artikoli 1 u 5, il-Belġju, id-Danimarka, il-Ġermanja u l-Olanda għandhom jiġu awtorizzati li jistmaw il-popolazzjonijiet tan-nagħaġ u l-mogħoż u r-Renju Unit il-popolazzjoni tal-mogħoż miżmuma f’Novembru/Diċembru fuq il-bażi tal-popolazzjonijiet irreġistrati matul iċ-ċensiment annwali tal-bhejjem ta’ l-irziezet jew l-istħarriġ ta’ l-istruttura agrikola illi jwettqu fl-istess sena. Għandhom jibagħtu r-riżultati proviżorji msemmija fl-Artikolu 5(1) lill-Kummissjoni qabel l-1 ta’ Marzu u r-riżultati msemmija fl-Artikolu 5(2) qabel l-1 ta’ April tas-sena li tiġi wara s-sena tar-referenza."

3. L-Artikolu 9 għandu jiġi mibdul b’dan li ġej:

"L-Artikolu 9

Permez ta’ deroga mill-Artikolu 8:

(a) il-Belġju, il-Ġermanja u l-Olanda għandhom ikunu awtorizzati li jinnotifikaw in-numri tan-nagħaġ skond ir-reġjun/gewest, il-Länder jew il-provinċja rispettivament fil-każ tal-popolazzjonijiet koperti biċ-ċensiment tal-bhejjem tar-rziezet jew l-istħarriġ ta’ l-istruttura agrikola kondotti fl-ewwel sitt xhur tas-sena tar-referenza, qabel il-15 ta’ Ottubru ta’ dik is-sena;

(b) l-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 1(2)(b) għandhom ikunu eżentati milli jinnotifikaw it-tqassim wieħed wieħed analitiku reġjonali tan-numri tal-mogħoż tagħhom."

4. L-Artikolu 12 għandu jiġi mibdul b’dan li ġej:

"L-Artikolu 12

Permez ta’ deroga mill-Artikolu 11, il-Belġju, id-Danimarka, il-Ġermanja u l-Olanda għandhom jiġu awtorizzati li jinnotifikaw l-informazzjoni dwar l-istruttura tal-popolazzjonijiet tagħhom tan-nagħaġ u l-mogħoż u r-Renju Unit dawk tal-popolazzjoni tiegħu tan-nagħaġ koperti biċ-ċensiment tal-bhejjem ta’ l-irziezet jew l-istħarriġ ta’ l-istruttura agrikola kondotti fis-sena tar-referenza qabel il-15 ta’ Mejju tas-sena ta’ wara."

L-Artikolu 4

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1998.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi dwar kif trid issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewliena tal-liġijiet domestiċi li jadottaw fil-qasam irregolat b’din id-Direttiva.

L-Artikolu 5

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-20 jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Artikolu 6

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fis-16 ta’ Diċembru 1997.

Għall-Kunsill

Il-President

F. Boden

[1] ĠU C 288, tat-23.9.1997, p. 9.

[2] ĠU C 339, tal-10.11.1997.

[3] ĠU L 149, tal-21.6.1993, p. 1. Id-Direttiva kif emendata bl-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ l-1994.

[4] ĠU L 149, tal-21.6.1993, p. 5. Id-Direttiva kif emendata bl-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ l-1994.

[5] ĠU L 149, tal-21.6.1993, 10. Id-Direttiva kif emendata bl-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ l-1994.

--------------------------------------------------

Top