This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 31993L0013
Council Directive 93/13/EEC of 5 April 1993 on unfair terms in consumer contracts
Direttiva tal-kunsill 93/13 KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur
Direttiva tal-kunsill 93/13 KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur
ĠU L 95, 21.4.1993, p. 29–34
(ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)
In force: This act has been changed. Current consolidated version: 28/05/2022
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Corrected by | 31993L0013R(01) | (BG) | |||
Corrected by | 31993L0013R(02) | (ES, IT) | |||
Corrected by | 31993L0013R(03) | (PL) | |||
Corrected by | 31993L0013R(04) | (CS) | |||
Corrected by | 31993L0013R(05) | (PL) | |||
Corrected by | 31993L0013R(06) | (SL) | |||
Corrected by | 31993L0013R(07) | (PL) | |||
Corrected by | 31993L0013R(08) | (BG, ES, CS, ET, LV, MT, NL, FI, SL, SV) | |||
Corrected by | 31993L0013R(09) | (ET) | |||
Corrected by | 31993L0013R(10) | (HR, FI) | |||
Corrected by | 31993L0013R(11) | (PL) | |||
Modified by | 32011L0083 | Żieda | artikolu 8 BI | 12/12/2011 | |
Modified by | 32011L0083 | Żieda | artikolu 8 BI | 12/12/2011 | |
Modified by | 32019L2161 | Żieda | artikolu 8b | 07/01/2020 |
Official Journal L 095 , 21/04/1993 P. 0029 - 0034
Finnish special edition: Chapter 15 Volume 12 P. 0169
Swedish special edition: Chapter 15 Volume 12 P. 0169
Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100 A tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1], B’koperazzjoni mal-Parlament Ewropew [2], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3], Billi huwa meħtieġ li jiġu adottati miżuri bil-għan li jiġi stabbilit is-suq intern b’mod progressiv qabel il-31 ta’ Diċembru 1992; billi s-suq intern huwa magħmul minn żona mingħajr fruntieri interni li fiha merkanzija, persuni, servizzi u kapital jistgħu jiċċaqalqu liberament; Billi l-liġijiet ta’ l-Istati Membri relatati mal-klawżoli ta’ kuntratt bejn il-bejjiegħ tal-merkanzija jew il-fornitur ta’ servizzi, fuq in-naħa l-waħda, u l-konsumatur tagħhom, fuq in-naħa l-oħra, juru ħafna spariġġi, bir-riżultat li s-swieq nazzjonali għall-bejgħ tal-merkanzija u s-servizzi lill-konsumaturi jiddiferixxu minn xulxin u li jista’ jinqala’ distorsjoni fil-kompetizzjoni fost il-bejjiegħa u l-fornituri, b’mod speċjali meta jbiegħu u jfornu fi Stati Membri oħra; Billi, b’mod partikolari, il-liġijiet ta’ l-Istati Membri relatati ma’ klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur juru diverġenzi notevoli; Billi hija r-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri li jiżguraw li l-kuntratti konklużi mal-konsumaturi ma jkunx fihom klawżoli inġusti; Billi, ġeneralment, il-konsumaturi ma jkunux jafu r-regoli tal-liġi li, fi Stati Membri li ma jkunux tagħhom stess, jiggwidaw kuntratti għall-bejgħ ta’ merkanzija jew servizzi; billi dan in-nuqqas ta’ kuxjenza jista’ jżommhom lura minn transazzjonijiet diretti għax-xiri ta’ merkanzija jew servizzi fi Stat Membru ieħor; Billi, biex jitħaffef l-istabbiliment tas-suq intern u biex jiġi salvagwardat iċ-ċittadin fir-rwol tiegħu bħala konsumatur meta jakkwista merkanzija u servizzi b’kuntratti li jkunu rregolati mil-liġijiet ta’ l-Istati Membri mhux tiegħu stess, huwa essenzali li jitneħħew klawżoli inġusti minn dawn il-kuntratti; Billi l-bejjiegħa ta’ merkanzija u l-fornituri ta’ servizzi b’hekk ser jingħataw għajnuna fix-xogħol tagħhom tal-bejgħ ta’ merkanzija u l-provvista ta’ servizzi, sew f’pajjiżhom kif ukoll ġos-suq intern kollu; billi l-kompetizzjoni b’hekk tiġi stimulata, biex b’hekk tikkontribwixxi għal aktar għażla ġħaċ-ċittadini tal-Komunità bħala konsumaturi; Billi ż-żewġ programmi tal-Komunità għal politika tal-protezzjoni u l-informazzjoni tal-konsumatur [4] saħqet fuq l-importanza li jiġu salvagwardati l-konsumaturi fil-kwistjoni ta’ klawżoli inġusti f’kuntratt; billi din il-protezzjoni għandha tkun provduta mil-liġijiet u r-regolamenti li jew jiġu armonizzati f’livell Komunitarju jew jiġu adottati direttament f’dak il-livell; Billi b’konformità mal-prinċipju stabbilit taħt l-intestatura "Protezzjoni ta’l-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi", kif imsemmi f’dawk il-programmi: "l-akkwirenti ta’ merkanzija jew servizzi għandhom jiġu protetti kontra l-abbuż tal-poter mill-bejjiegħ jew mill-fornitur, b’mod partikolari kontra kuntratti standard li jiġbdu lejn naħa waħda u l-esklużjoni inġusta ta’ drittijiet essenzali f’kuntratti"; Billi tista’ tinkiseb protezzjoni aktar effettiva tal-konsumatur billi jiġu adottati regoli tal-liġi uniformi fil-kwistjoni ta’ klawżoli inġusti; billi dawk ir-regoli għandhom jgħoddu għall-kuntratti kollha konklużi bejn il-bejjiegħa jew il-fornituri u l-konsumaturi; billi bħala riżultat kuntratti inter alia relatati ma’ l-impieg, kuntratti relatati mad-drittijiet tas-suċċessjoni, kuntratti relatati mad-drittijiet taħt il-liġi tal-familja u kuntratti relatati ma’l-inkorporazzjoni u l-organizzazzjoni ta’ kumpaniji jew ftehim ta’ sħubija għandhom jiġu esklużi minn din id-Direttiva; Billi l-konsumatur għandu jirċievi protezzjoni ugwali taħt kuntratti konklużi bil-kliem u kuntratti bil-miktub minkejja kollox, f’dan l-aħħar każ, jekk il-klawżoli tal-kuntratt ikunux jinsabu f’dokument wieħed jew aktar; Billi, iżda, kif inhuma bħalissa, il-liġijiet nazzjonali jippermettu li tiġi kkunsidrata biss armonizzazzjoni parzjali; billi b’mod partikolari, din id-Direttiva tkopri biss klawżoli kuntrattwali li ma jkunux ġew innegozjati individwalment; billi l-Istati Membri għandu jkollhom l-għażla b’konsiderazzjoni xierqa tat-Trattat, li joffru lill-konsumaturi livell ogħla ta’ protezzjoni permezz ta’ disposizzjonijiet nazzjonali li jkunu aktar stretti minn dawk ta’ din id-Direttiva; Billi d-disposizzjonijiet statutorji jew regolatorji ta’l-Istati Membri li jistabbilixxu direttament jew indirettament il-klawżoli tal-kuntratti tal-konsumatur huma preżunti li ma’ fihomx klawżoli inġusti; billi, għal dan il-għan, ma jidhirx li huwa meħtieġ li jiġu assoġġettati l-klawżoli li jirriflettu disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji u l-prinċipji jew id-disposizzjonijiet tal-konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom huma parti l-Istati Membri jew il-Komunità; billi f’dak ir-rigward il-kliem "disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji" fl-Artikolu 1(2) ikopru wkoll ir-regoli li, skond il-liġi, għandhom jgħoddu bejn il-partijiet kontraenti sakemm ma twaqqfux xi arranġamenti oħra; Billi l-Istati Membri għandhom madankollu jiżguraw li ma jkunux inklużi klawżoli inġusti, partikolarment għaliex din id-Direttiva tgħodd ukoll għal snajja, negozji jew professjonijiet ta’ natura pubblika; Billi huwa meħtieġ li jiġu ffissati b’mod ġenerali l-kriterji li bihom jiġi stmat il-karattru inġust ta’ klawżoli tal-kuntratti; Billi l-istima, skond il-kriterji ġenerali magħżula, tal-karattru inġust ta’ klawżoli, b’mod partikolari fil-bejgħ jew f’attivitajiet ta’ provvista ta’ natura pubblika li jipprovdu servizzi kollettivi li jqisu s-solidarjetà fost l-utenti, għandha tiġi supplimentata billi ssir valutazzjoni globali tad-diversi interessi involuti; billi din tikkostitwixxi l-ħtieġa ta’ buona fede; billi, waqt li tkun qed issir stima ta’ buona fede, għandha titqies b’mod partikolari s-saħħa tal-posizzjonijiet tal-ftehim tal-partijiet, kemm jekk il-konsumatur kellu xi jħajru biex jaqbel mal-klawżola kif ukoll jekk il-merkanzija jew is-servizzi nbiegħu jew ġew ipprovduti bl-ordni speċjali tal-konsumatur; billi l-ħtieġa ta’ buona fede tista’ tkun sodisfatta mill-bejjiegħ jew mill-fornitur meta dan jittratta b’mod ġust u ekwu mal-parti l-oħra li huwa għandu jikkunsidra l-interessi leġittimi tagħha; Billi, għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, il-lista ta’ klawżoli annessa tista’ tkun ta’ valur indikattiv biss u, minħabba l-kawża tal-karattru minimali tad-Direttiva, l-iskop ta’ dawn il-klawżoli jista’ jkun is-suġġett ta’ amplifikazzjoni jew ta’ editjar aktar restrittiv mill-Istati Membri fil-liġijiet nazzjonali tagħhom; Billi n-natura tal-merkanzija jew is-servizzi għandu jkollha influwenza fuq l-istima ta’ kemm ma jkunux ġusti klawżoli kuntrattwali; Billi, għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, m’għandhiex issir stima ta’ karattru inġust ta’ klawżoli li jiddeskrivu l-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt u lanqas il-proporzjon bejn kwalità/il-prezz tal-merkanzija jew is-servizzi pprovduti; billi l-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt u l-proporzjon bejn kwalità/prezz jistgħu madankollu jiġu kkunsidrati meta tkun qiegħda ssir l-istima dwar jekk klawżoli oħra jkunux ġusti; billi jsegwi, inter alia, li f’kuntratti ta’ assigurazzjoni, il-klawżoli li b’mod ċar jistabbilixxu jew jiċċirkoskrivu r-riskju assigurat u r-responsabbiltà ta’ assiguratur m’għandhomx ikunu suġġetti għal din l-istima peress li dawn jiġu kkunsidrati waqt li jkun qiegħed jiġi kkalkulat il-premju li għandu jitħallas mill-konsumatur; Billi l-kuntratti għandhom jiġu abbozzati f’lingwa ċara, li tiftiehem, il-konsumatur għandu fil-fatt jingħata opportunità biex jeżamina l-klawżoli kollha u, jekk ikollu xi dubju, l-interpretazzjoni l-aktar favorevoli lejn il-kunsumatur għandha tirbaħ; Billi l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma jintużawx klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi ma’ konsumaturi minn bejjiegħ jew fornitur u li jekk, madankollu, dawn il-klawżoli jintużaw, m’għandhomx jorbtu lill-konsumatur, u l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawk il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi li jibqa’ jeżisti mingħajr id-disposizzjonijiet inġusti. Billi hemm riskju li, f’ċerti każi, il-konsumatur jista’ jiġi mċaħħad mill-protezzjoni taħt din id-Direttiva billi jagħżel il-liġi ta’ pajjiż li ma jkunx Membru bħala l-liġi applikabbli għall-kuntratt; billi għalhekk għandhom jiġu inklużi ma’ din id-Direttiva disposizzjonijiet intenzjonati biex jevitaw dan ir-riskju; Billi persuni jew organizzazzjonijiet, jekk jiġu kkunsidrati taħt il-liġi ta’ Stat Membru li jkollhom interess leġittimu fil-kwistjoni, għandu jkollhom faċilitajiet biex jibdew proċeduri rigward klawżoli ta’ kuntratt imfassal għall-użu ġenerali f’kuntratti konklużi ma’ konsumaturi, u b’mod partikolari klawżoli inġusti, jew quddiem qorti jew quddiem awtorità amministrattiva li tkun kompetenti biex tiddeċiedi dwar ilmenti jew li jibdew proċeduri legali xierqa; billi din il-possibbiltà ma tinkludix, iżda, verifika minn qabel tal-kondizzjonijiet ġenerali eżistenti f’setturi ekonomiċi individwali; Billi l-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri għandu jkollhom għad-disposizzjoni tagħhom mezz adegwat u effettiv biex jipprevenu li jkomplu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti tal-konsumaturi, ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA: Artikolu 1 1. L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li japprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri relatati ma’ klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur. 2. Il-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji u d-disposizzjonijiet jew il-prinċipji ta’ konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom ikunu parti l-Istati Membri jew il-Komunità, b’mod partikolari fil-qasam tat-trasport, m’għandhomx ikunu suġġetti għad-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva. Artikolu 2 Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva: (a) "klawżoli inġusti" tfisser il-klawżoli kuntrattwali stabbiliti fl-Artikolu 3; (b) "konsumatur" tfisser kull persuna naturali li, f’kuntratti koperti minn din id-Direttiva, tkun qiegħda taġixxi għal skopjiet li jkunu barra s-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha; (ċ) "bejjiegħ jew fornitur" tfisser kull persuna naturali jew legali li, f’kuntratti koperti minn din id-Direttiva, tkun qiegħda taġixxi għal skopijiet relatati mas-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha, sew jekk proprjetà pubblika u sew jekk propjetà privata. Artikolu 3 1. Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur. 2. Klawżola għandha dejjem tiġi kkunsidrata li ma tkunx ġiet innegozjat individwalment meta din tkun ġiet abbozzata minn qabel u l-konsumatur b’hekk ma jkunx seta’ jinfluwenza s-sustanza tal-klawżola, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ kuntratt standard imfassal minn qabel. Il-fatt li ċerti aspetti ta’ klawżola jew klawżola speċifika waħda tkun ġiet innegozjata individwalment m’għandux jeskludi l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għall-bqija ta’ kuntratt jekk stima globali tal-kuntratt tindika li dan ikun madankollu kuntratt standard ippreparat minn qabel. Meta xi bejjiegħ jew fornitur jippretendi li klawżola standard ikun ġie nnegozjat b’mod individwali, il-piż tal-prova f’dan ir-rigward għandu jaqa’ fuqu. 3. L-Anness għandu jkun fih lista indikattiva u mhux eżawrjenti tal-klawżoli li jistgħu jiġu kkunsidrati inġusti. Artikolu 4 1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu, 2. L-istima tan-natura inġusta tal-klawżoli la għandha tirrelata mad-definizzjoni tal-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt u lanqas mas-suffiċjenza tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra s-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra, safejn dawn il-klawżoli jkunu f’lingwaġġ sempliċi u ċar. Artikolu 5 Fil-każ ta’ kuntratti fejn ċerti klawżoli jew il-klawżoli kollha offruti lill-konsumatur ikunu bil-miktub, dawn il-klawżoli għandhom ikunu abbozzati b’lingwaġġ sempliċi u ċar. Fejn ikun hemm dubju dwar it-tifsir ta’ klawżola, għandha tirbaħ l-interpretazzjoni l-aktar favorevoli għall-konsumatur. Din ir-regola dwar l-interpretazzjoni m’għandhiex tgħodd fil-kuntest tal-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 7(2). Artikolu 6 1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti. 2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-konsumatur ma jitlifx il-protezzjoni mogħtija minn din id-Direttiva bis-saħħa ta’ l-għażla tal-liġi ta’ pajjiż li ma jkunx membru bħala l-liġi applikabbli għall-kuntratt jekk dan ta’ l-aħħar ikollu konnessjoni mill-qrib mat-territorju ta’ l-Istati Membri. Artikolu 7 1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri. 2. Il-mezzi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu disposizzjonijiet li bihom persuni jew organizzazzjonijiet, li jkollhom interess leġittimu skond il-liġi nazzjonali li jipproteġu lill-konsumaturi, ikunu jistgħu jieħdu azzjoni skond il-liġi nazzjonali kkonċernata quddiem il-qrati jew quddiem korpi amministrattivi kompetenti għal deċiżjoni dwar jekk il-klawżoli kuntrattwali ppreparati għal-użu ġenerali jkunux inġusti, biex ikunu jistgħu japplikaw mezzi xierqa u effettivi biex jipprevjenu li jkomplu jintużaw dawn il-klawżoli. 3. Biex jitqiesu kif imiss il-liġijiet nazzjonali, ir-rimedji legali msemmija fil-paragrafu 2 jisgħu jkunu diretti b’mod separat jew b’mod konġunt kontra numru ta’ bejjiegħa jew fornituri mill-istess settur ekonomiku jew mill-assoċjazzjonijiet tagħhom li jużaw jew jirrakkomandaw l-użu ta’ l-istess klawżoli kuntrattwali ġenerali jew klawżoli simili. Artikolu 8 L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu l-aktar disposizzjonijiet stretti kompatibbli mat-Trattat fil-qasam kopert minn din id-Direttiva, biex jiżguraw grad massimu ta’ protezzjoni għall-konsumatur. Artikolu 9 Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rigward l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva mhux aktar tard minn ħames snin wara d-data msemmija fl-Artikolu 10(1). Artikolu 10 1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1994. Dawn għandhom jinfurmaw b’dan lill-Kummissjoni minnufih. Dawn id-disposizzjonijiet għandhom jgħoddu għall-kuntratti kollha konklużi wara l-31 ta’ Diċembru 1994. 2. Meta Stati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandu jkollhom magħhom din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi dwar kif issir din ir-riferenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri. 3. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bid-disposizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva. Artikolu 11 Din id-Direttiva qed tiġi indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fil-Lussembrugu, fil-5 ta’ April 1993. F’isem il-Kunsill Il-President N. Helveg Petersen [1] ĠU C 73, ta’ l-24.3.1992, pġ. 7. [2] ĠU C 326, tas-16.12.1991, pġ. 108 uĠU C 21, tal-25.1.1993. [3] ĠU C 159, tas-17.6.1991, pġ. 34. [4] ĠU C 92, tal-25.4.1975, pġ. 1 uĠU C 133, tat-3.6.1981, pġ. 1. -------------------------------------------------- ANNESS KLAWŻOLI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 3(3) 1. Klawżoli li għandhom l-għan jew l-effett li: (a) jeskludu jew jillimitaw ir-responsabbiltà legali ta’ bejjiegħ jew fornitur f’każ ta’mewt ta’ konsumatur jew korriment personali tiegħu li jirriżulta minn att jew omissjoni ta’ dak il-bejjiegħ jew fornitur; (b) jeskludu jew jillimitaw b’mod mhux xieraq id-drittijiet legali tal-konsumatur vis-a-vis il-bejjiegħ jew il-fornitur ta’ parti oħra fil-każ ta’ nuqqas totali jew parzjali ta’ twettieq jew twettieq mhux adegwat mill-bejjiegħ jew mill-fornitur ta’ kull wieħed mill-obbligi kuntrattwali, inkluża l-għażla li jitpaċa dejn dovut lill-bejjiegħ jew lill-fornitur kontra pretensjoni li l-konsumatur jista’ jkollu kontrih; (ċ) jagħmlu ftehim li jorbot lill-konsumatur billi l-provvista tas-servizzi mill-bejjiegħ jew il-konsumatur ikunu bla ħsara għal kondizzjoni li biex isseħħ tiddependi mir-rieda tiegħu biss; (d) jippermettu lill-bejjiegħ jew lill-fornitur li jżomm somom imħallsa mill-konsumatur fejn dan ta’ l-aħħar jiddeċiedi li ma’ jikkonkludix jew ma jwettaqx il-kuntratt, mingħajr ma jipprovdi biex il-konsumatur jirċievi kumpens ta’ ammont ekwivalenti mingħand il-bejjiegħ jew il-fornitur fejn dan ta’ l-aħħar ikun il-parti li tkun qed iħassar il-kuntratt; (e) jeħtieġu lill xi konsumatur li jonqos milli jwettaq l-obbligazzjoni li jħallas somma sproporzjonatament għolja bħala kumpens; (f) jawtorizzaw lill-bejjiegħ jew lill-fornitur li jxolji l-kuntratt fuq bażi diskrezzjonali meta l-istess faċilità ma tingħatax lill-konsumatur, jew jippermettu lill-bejjiegħ jew lill-fornitur li jżomm is-somom imħallsa għas-servizzi li jkunu għadhom ma ġewx ipprovduti lilu fil-każ li jkun il-bejjiegħ jew il-fornitur stess li jxolji l-kuntratt; (g) jawtorizzaw lill-bejjiegħ jew lill-fornitur li jtemm kuntratt ta’ tul ta’ żmien mhux stabbilit mingħajr twissija raġonevoli ħlief fejn ikun hemm raġunijiet serji sabiex dan isir: (h) awtomatikament jestendu kuntratt ta’ tul ta’ żmien fiss fejn il-konsumatur ma jindikax mod ieħor, fejn l-iskadenza ffissata għall-konsumatur li jesprimi x-xewqa tiegħu li ma jestendix il-kuntratt tkun kmieni b’mod mhux raġonevoli; (i) jorbtu lill-konsumatur b’mod irrevokabbli b’klawżoli li ma kellu l-ebda opportunità vera li jsir jafhom qabel il-konklużjoni tal-kuntratt; (j) jawtorizzaw lill-bejjiegħ jew lill-fornitur li jibdel il-klawżoli ta’ kuntratt minn naħa waħda biss mingħajr raġuni valida li tkun speċifikata fil-kuntratt; (k) jawtorizzaw lill-bejjiegħ jew lill-fornitur li jibdel minn naħa waħda biss mingħajr raġuni valida xi karatteristiċi tal-prodott jew tas-servizz li ser jiġi pprovdut; (l) jipprovdu biex il-prezz tal-merkanzija jiġi stabbilit fil-ħin tal-provvista jew jippermettu lil bejjiegħ ta’ merkanzija jew lil fornitur ta’ servizzi jżid il-prezz tagħhom mingħajr ma’ jagħti lill-konsumatur fiż-żewġ każi d-dritt korrispondenti li jikkanċella l-kuntratt jekk l-aħħar prezz ikun għoli wisq f’relazzjoni mal-prezz miftiehem meta l-kuntratt ikun ġie konkluż; (m) jagħtu lill-bejjiegħ jew lill-fornitur id-dritt li jistabbilixxi jekk il-merkanzija jew is-servizzi pprovduti jkunux konformi mal-kuntratt, jew jagħtuh id-dritt esklussiv li jinterpreta kwalunkwe klawżola fil-kuntratt; (n) jillimitaw l-obbligazzjoni tal-bejjiegħ jew tal-fornitur li jirrispetta l-impenn meħud mill-aġenti tiegħu jew jagħmlu l-impenji tiegħu suġġetti għall-konformità ma’ formalità partikolari; (o) jobbligaw lill-konsumatur li jaqdi l-obbligi tiegħu kollha fejn il-bejjiegħ jew il-fornitur ma jaqdix tiegħu stess; (p) jagħtu lill-bejjiegħ jew lill-fornitur il-possibbiltà li jittrasferixxi d-drittijiet u l-obbligi tiegħu taħt il-kuntratt, fejn dan jista’ jservi biex inaqqas il-garanziji għall-konsumatur, mingħajr il-kunsens ta’ dan ta’l-aħħar; (q) jeskludu jew ifixklu d-dritt tal-konsumatur li jieħu azzjon legali jew jeżerċita kull rimedju legali ieħor, b’mod partikolari billi jeħtieġ lill-konsumatur li jieħu kwistjoni esklussivament għall-arbitraġġ mhux kopert b’disposizzjonijiet legali, biex b’hekk jirristrinġu l-evidenza disponibbli għalih b’mod esaġerat jew jimponu fuqu l-oneru tal-prova li, skond il-liġi applikabbli, għandu jkun fuq parti oħra tal-kuntratt. 2. L-ambitu tas-subparagrafi (g), (j) u (l) (a) Is-subparagrafu (g) huwa mingħajr xkiel għal klawżoli li bihom fornitur ta’ servizzi finanzjarji jirriserva d-dritt li jtemm minn naħa l-waħda kuntratt ta’ żmien mhux stabbilit mingħajr avviż fejn ikun hemm raġuni valida, sakemm il-fornitur ikun meħtieġ li jinforma lill-parti jew lill-partijiet kontraenti l-oħra dwar dan minnufih. (b) Is-subparagrafu (j) huwa mingħajr xkiel għal klawżoli li taħthom fornitur ta’ servizzi finanzjarji jirriserva d-dritt li jibdel ir-rata ta’ imgħaxijiet pagabbli mill-konsumatur jew dovuti lilu, jew l-ammont ta’ imposti oħra għal servizzi finanzjarji bla avviż fejn ikun hemm raġuni valida, sakemm dak il-fornitur ikun meħtieġ jinforma lil parti jew partijiet kontraenti oħra tagħhom fl-opportunità l-aktar kmieni u li dawn ta’ l-aħħar ikunu liberi li jxolju l-kuntratt immedjatament. Is-subparagrafu (j) huwa wkoll mingħajr xkiel għal klawżoli li taħthom bejjiegħ jew fornitur jirriserva d-dritt li jbiddel minn naħa l-waħda l-kondizzjonijiet ta’ kuntratt ta’ żmien mhux stabilit, sakemm dan ikun meħtieġ jinforma lill-konsumatur b’avviż xieraq u l-konsumatur ikun ħieles li jxolji l-kuntratt. (ċ) Is-subparagrafi (g), (j) u (l) ma jgħoddux għal: - transazzjonijiet f’ishma trasferibbli, strumenti finanzjarji u prodotti jew servizzi oħra fejn il-prezz ikun abbinat ma’ tlugħ u nżul f’suq tal-kambju jew indiċi jew ma’ rata finanzjarja kummerċjali li l-bejjiegħ jew il-fornitur ma jkunx jikkontrolla. - kuntratti għax-xiri jew il-bejgħ ta’ munita barranija, traveller’s cheques jew money orders internazzjonali denominati f’muniti barranin; (d) Is-subparagrafu (1) huwa mingħajr xkiel għal klawsoli ta’l-indiċjar tal-prezzijiet, fejn legali, sakemm il-metodu li bih ivarjaw il-prezzijiet jiġi deskritt b’mod espliċitu. --------------------------------------------------