Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31992L0002

    Id-Direttiva tal-Kummissjoni 92/2/KEE tat-13 ta’ Jannar 1992 li tistabbilixxi l-proċedura għat-teħid tal-kampjuni u għall-metodu Komunitarju ta’ l-analiżi għall-kontroll uffiċjali tat-temperaturi ta’ l-ikel iffriżat ta’ malajr u maħsub għall-konsum mill-bniedem

    ĠU L 34, 11.2.1992, p. 30–33 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1992/2/oj

    31992L0002



    Official Journal L 034 , 11/02/1992 P. 0030 - 0033
    Finnish special edition: Chapter 15 Volume 11 P. 0006
    Swedish special edition: Chapter 15 Volume 11 P. 0006


    ID-DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 92/2/KEE

    tat-13 ta' Jannar 1992

    li tistabbilixxi l-proċedura għat-teħid tal-kampjuni u għall-metodu Komunitarju ta' l-analiżi għall-kontroll uffiċjali tat-temperaturi ta' l-ikel iffriżat ta' malajr u maħsub għall-konsum mill-bniedem

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/108/KEE tal-21 ta' Diċembru 1988 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar l-ikel iffriżat ta' malajr maħsub għall-konsum mill-bniedem (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 11 tagħha,

    Billi t-temperatura ta' l-ikel iffriżat ta' malajr għandha tkun ikkontrollata;

    Billi l-Istati Membri jistgħu jużaw metodi oħra validi xjentifikament sakemm dawn ma jfixklux il-moviment liberu ta' l-ikel iffriżat ta' malajr u sakemm dawn ma jibdlux ir-regoli tal-kompetizzjoni;

    Billi wara li jiġu ċċekkjati r-reġistrazzjonijiet dwar it-temperatura ta' l-arja skond il-proċedura stabbilita fid-Direttiva tal-Kummissjoni 92/1/KEE tat-13 ta' Jannar 1992 dwar il-monitorjar tat-temperatura fil-mezzi tat-trasport, fil-magażinaġġ u fil-postijiet tal-ħażna ta' l-ikel iffriżat ta' malajr u maħsub għall-konsum mill-bniedem (2) u meta jitqiesu t-temperaturi meħtieġa skond l-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/108/KEE, u fejn dawn iħallu dubju raġjonevoli, l-Istati Membri jistgħu jissoktaw jagħmlu test distruttiv;

    Billi l-ispezzjoni taderixxi mad-Direttiva tal-Kunsill 89/397/KEE ta' l-14 ta' Ġunju 1989, li tirrigwarda l-kontroll uffiċjali ta' l-oġġetti ta' l-ikel (3) u prinċipalment l-Artikoli 4 u 14 tagħha;

    Billi l-miżuri pprovduti f'din id-Direttiva huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti ta' l-Oġġetti ta' l-Ikel,

    ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

    L-Artikolu 1

    1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-proċedura tat-teħid tal-kampjuni u l-metodu ta' l-analiżi meħtieġa għall-ispezzjoni uffiċjali tat-temperaturi ta' l-ikel iffriżat ta' malajr, isiru skond id-dispożizzjonijiet deskritti fl-Annessi I u II ma' din id-Direttiva.

    2. Madanakollu, il-metodu ta' l-analiżi deskritt fl-Anness II ma' din id-Direttiva jista' jintuża biss fil-każ fejn l-ispezzjoni tħalli dubji raġjonevoli rigward il-livelli minimi tat-temperaturi pprovduti fid-Direttiva 89/108/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' l-ikel iffriżat ta' malajr u maħsub għall-konsum mill-bniedem.

    L-Artikolu 2

    L-introduzzjoni tal-ħtiġiet ipprovduti fl-Artikolu 1(1) u l-Annessi I u II ma għandhiex tipprekludi lill-Istati Membri milli jużaw metodi oħra validi xjentifikament sakemm dawn ma jfixklux il-moviment liberu ta' l-ikel iffriżat ta' malajr rrikonoxxut bħala li jikkonforma mar-regoli bis-saħħa tal-metodu deskritt fl-Anness II ma' din id-Direttiva.

    Madanakollu, fil-każ ta' differenzi fir-riżultati, dawk li jkunu ġew miksuba permezz ta' l-użu tal-metodi Komunitarji għandhom jieħdu preċedenza.

    L-Artikolu 3

    1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva, l-aktar tard sal-31 ta' Lulju 1993.

    Għandhom jgħarrfu b'dan minnufih lill-Kummissjoni.

    2. Meta L-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandhom jagħmlu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi dwar kif issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

    L-Artikolu 4

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussel, fit-13 ta' Jannar 1992.

    Għall-Kummissjoni

    Martin BANGEMANN

    Viċi-President

    L-ANNESS I

    PROĊEDURA TAT-TEĦID TAL-KAMPJUNI TA' L-IKEL IFFRIŻAT TA' MALAJR U MAĦSUB GĦALL-KONSUM MILL-BNIEDEM

    1. L-għażla tal-pakketti għall-ispezzjon

    It-tip u l-kwantità tal-pakketti magħżula għandhom ikunu hekk illi t-temperatura tagħhom tkun tirrappreżenta l-punti l-aktar sħan tal-kunsinna spezzjonata.

    1.1. Post tal-ħażna fil-kesħa

    Il-kampjuni għandhom jingħażlu minn fost diversi punti kritiċi fil-kamra tal-friża, bħal per eżempju: maġenb il-bibien (il-livelli ta' fuq u ta' isfel), ma' ġenb iċ-ċentru tal-kamra tal-friża (il-livelli ta' fuq u ta' isfel), u ma' ġenb ir-ritorn ta' l-arja ta' l-unità tat-tkessiħ. Għandu jitqies it-tul taż-żmien tal-ħażna ta' kull prodott (għall-istabbilizzazzjoni tat-temperatura).

    1.2. It-trasport

    (a) Fejn ikun meħtieġ li jintgħażlu kampjuni matul it-trasport:

    Agħżel mill-wiċċ u mill-qiegħ tal-kunsinna li tmiss mat-tarf ta' fejn jinfetaħ il-bieb jew ta' fejn jinfetħu l-bibien doppji.

    (b) It-teħid tal-kampjuni matul il-ħatt:

    Agħżel erba' kampjuni mill-punti kritiċi li ġejjin:

    - il-wiċċ u l-qiegħ tal-kunsinna ti tmiss mat-tarf ta' fejn jinfetħu l-bibien,

    - il-kantunieri tal-quċċata fuq in-naħa ta' wara tal-kunsinna (f'punt kemm jista' jkun 'il bogħod mill-unità tat-tkessiħ),

    - iċ-ċentru tal-kunsinna,

    - iċ-ċentru tal-wiċċ ta' quddiem tal-kunsinna (qrib kemm jista' jkun ta' l-unità tat-tkessiħ),

    - il-kantunieri tal-quċċata u tal-qiegħ fuq il-wiċċ ta' quddiem tal-kunsinna (qrib kemm jista' jkun tal-punt ta' l-arja tar-ritorn ta' l-unità tar-refriġerazzjoni).

    1.3. Il-vetrini tal-wirja tal-bejgħ bl-imnut

    Għandu jingħażel kampjun għat-testijiet minn kull wieħed minn tliet lokazzjonijiet li jirrappreżentaw il-punti l-aktar sħan ġewwa l-vetrinu għall-wirja tal-bejgħ bl-imnut.

    L-ANNESS II

    METODU TAL-KEJL TAT-TEMPERATURA TA' L-OĠĠETTI TA' L-IKEL IFFRIŻATI TA' MALAJR U MAĦSUBA GĦALL-KONSUM MILL-BNIEDEM

    1. Il-kamp

    Skond l-Artikolu 1(2)(1) tad-Direttiva 89/108/KEE it-temperatura ġewwa l-prodott kollu, wara l-istabbilizzazzjoni termali, trid tiġi miżmuma l-ħin kollu għal -18° C jew iksaħ jekk possibbli biċ-ċaqliq qasir 'il fuq kif speċifikat fl-Artikolu 5 tad-Direttiva.

    2. Il-prinċipju

    Il-kejl tat-temperatura ta' l-ikel iffriżat ta' malajr jikkonsisti fir-reġistrazzjoni preċiża tat-temperatura ta' kampjun magħżul skond l-Anness I permezz ta-tagħmir approprjat.

    3. Id-definizzjoni ta' temperatura

    "Temperatura" tfisser it-temperatura mkejla fil-lokazzjoni speċifika mill-parti sensittiva ta' l-istrument tat-temperatura jew tal-mezz tal-kejl.

    4. L-apparat

    4.1. Mezz termometriku tal-kejl.

    4.2. L-istrumenti li jippenetraw il-prodott.

    Għandu jintuża strument tal-metall bil-ponta bħal dak użat biex jagħti daqqiet lis-silġ, jew trapan ta' l-id jew berrina ħoxna li jistgħu jitnaddfu faċilment.

    5. Speċifikazzjoni ġenerali għall-istrumenti li jkejlu t-temperatura

    L-istrumenti tal-kejl għandu jkollhom il-karatteristiċi li ġejjin:

    (a) iż-żmien tar-risposta għandu jikseb 90 % tad-differenza bejn il-qari tal-bidu u dak ta' l-aħħar fi żmien tliet minuti;

    (b) l-istrument għandu ikollu l-preċiżjoni ta' 0,5 °C f'firxa tal-kejl ta' minn - 20 °C sa + 30 °C;

    (ċ) il-preċiżjoni tal-kejl ma għandhiex tinbidel b'aktar minn 0,3 °C matul l-operazzjoni fil-firxa tat-temperatura ambjentali ta' minn - 20 °C sa + 30 °C;

    (d) ir-riżoluzzjoni tal-wirja ta' l-istrument għandha tkun ta' 0,1;

    (e) il-preċiżjoni ta' l-istrumenti għandha tiġi ċċekkjata f'intervalli regolari taż-żmien;

    (f) l-istrument għandu jkollu ċertifikat korrenti tal-kalibrazzjoni:

    (g) l-istrument li jgħarrex għat-temperatura għandu jkun kapaċi jitnaddaf faċilment;

    (h) il-parti sensittiva għat-temperatura tal-mezz tal-kejl għandha tkun iddisinjata hekk illi tiżgura kuntatt termali tajjeb mal-prodott;

    (i) l-apparat ta' l-elettriku għandu jkun protett kontra l-effetti mhux mixtieqa minħabba l-kondensazzjoni ta' l-umdità.

    6. Il-proċedura tal-kejl

    6.1. It-tkessiħ minn qabel ta' l-istrumenti

    L-istrument tal-kejl u l-istrument li jippenetra l-prodott għandhom jitkessħu minn qabel il-kejl tat-temperatura tal-prodott.

    Il-metodu użat għat-tkessiħ minn qabel għandu jiżgura illi ż-żewġ strumenti jekwilibraw lil xulxin qrib kemm jista' jkun fit-temperatura tal-prodott.

    6.2. It-tħejjija tal-kampjuni għall-kejl tat-temperatura

    L-istrumenti li jgħarrxu għall-kejl tat-temperatura mhumiex ġeneralment iddisinjati sabiex jippenetraw prodott iffriżat ta' malajr. Għalhekk huwa meħtieġ illi ssir toqba fil-prodott billi jintuża strument tal-penetrazzjoni tal-prodott li jkun imkessaħ minn qabel. Id-dijametru ta' fejn itaqqab għandu jipprovdi dħul issikkat għal din il-prova, u l-fond tiegħu jiddependi mit-tip tal-prodott (kif deskritt fis-6.3).

    6.3. Il-kejl tat-temperatura tal-prodott

    It-tħejjija tal-kampjun u l-kejl tat-temperatura tiegħu għandhom jitwettqu waqt li l-kampjun jibqa' fl-ambjent magħżul tar-refriġerazzjoni. Il-kejl huwa kif ġej:

    (a) Meta l-qies tal-prodott jippermetti, daħħal l-istrument imkessaħ minn qabel għall-fond ta' 2,5 mm mill-wiċċ tal-prodott;

    (b) Meta (a) ma tkunx possibbli l-istrument li jidħol fil-prodott għandu jiddaħħal sa fond massimu mill-wiċċ ta' 3 jew 4 darbiet id-dijametru ta' l-istrument.

    (ċ) Ċertu ikel, minħabba d-daqs jew il-kompożizzjoni tiegħu (bħall-piżelli ħodor) ma jistax jittaqqab sabiex tiġi stabbilita t-temperatura interna tiegħu. F'dawn il-każijiet it-temperatura interna tal-pakkett ta' l-ikel għandha tiġi stabbilita billi jiddaħħal strument xieraq imkessaħ minn qabel b'zokk li jaqta' addattat għaċ-ċentru tal-pakkett sabiex titkejjel it-temperatura tal-kuntatt ma' l-ikel.

    (d) Aqra t-temperatura indikata meta tkun laħqet valur stabbli.

    1 ĠU L 40, tal-11.2.1989, p. 34.

    2 Ara paġna 28 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

    3 ĠU L 186, tat-30.6.1989, p. 23.

    Top