Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31989L0048

Id-Direttiva tal-Kunsill tal-21 ta' Diċembru 1988 dwar sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta' diplomi ta' edukazzjoni ogħla mogħtija mal-kompletar ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta' mill-inqas tliet snin

ĠU L 19, 24.1.1989, p. 16–23 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 19/10/2007; Imħassar b' 32005L0036

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1989/48/oj

31989L0048



Official Journal L 019 , 24/01/1989 P. 0016 - 0023
Finnish special edition: Chapter 6 Volume 2 P. 0192
Swedish special edition: Chapter 6 Volume 2 P. 0192


Id-Direttiva tal-Kunsill

tal-21 ta' Diċembru 1988

dwar sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta' diplomi ta' edukazzjoni ogħla mogħtija mal-kompletar ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta' mill-inqas tliet snin

(89/48/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 49, 57(1) u 66 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

B'kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi, skond l-Artikolu 3(ċ) tat-Trattat l-abolizzjoni, bejn l-Istati Membri, ta' ostakoli għal-libertà ta' moviment għal persuni u servizzi tikkostitwixxi waħda mill-objettivi tal-Komunità; billi, għal ċittadini ta' l-Istati Membri, dan ifisser b'mod partikolari l-possibiltà li wieħed iwettaq professjoni, kemm jekk bħala persuna li taħdem għal rasha kemm jekk bħala impjegat, fi Stat Membru ta' xort' oħra minn dak li fih akkwistaw il-kwalifiki professjonali tagħhom;

Billi d-dispożizzjonijiet adottati sa issa mill-Kunsill, u li skondhom l-Istati Membri jirrikonoxxu reċiprokament u għal skopijiet professjonali diplomi ta' edukazzjoni ogħla maħruġa fit-territorju tagħhom, jirrigwardaw biss ftit professjonijiet; billi l-livell u d-dewmien ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ li jirregolaw l-aċċess għal dawk il-professjonijiet ġew regolati b' mod simili fl-Istati Membri kollha jew kienu is-suġġett ta' l-armonizzazjoni minima meħtieġa sabiex jiġu stabbiliti sistemi settorjali għar-rikonoxximent reċiproku ta' diplomi;

Billi, sabiex tiġi pprovduta risposta malajr għal dak li jistennew iċ-ċittadini ta' pajjiżi Komunitarji li għandhom diplomi ta' edukazzjoni ogħla mogħtija mal-kompletar ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali maħruġa fi Stat Membru ta' xort' oħra minn dik li fih huma jixtiequ jwettqu l-professjoni tagħhom, metodu ieħor ta' rikonoxximent ta' dawn id-diplomi għandu wkoll jitwaqqaf sabiex ikun possibbli għal dawk kollha kkonċernati biex iwettqu dawk l-attivitajiet professjonali kollha li fi Stat Membru ospitanti huma dipendenti fuq il-kompletar ta' edukazzjoni u taħriġ post-sekondarju, sakemm dawn għandhom dik id-diploma li tippreparahom għal dawk l-attivitajiet mogħtija mal-kompletar ta' kors ta' studji li jdum mill-inqas tliet snin u maħruġ fi Stat Membru ieħor;

Billi dan l-obbjettiv jista' jintlaħaq bl-introduzzjoni ta' sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta' diplomi ta' edukazzjoni ogħla mogħtija mal-kompletar ta' edukazzjoni u taħriġ professjonali ta' mill-anqas tliet snin;

Billi, għal dawk il-professjonijiet li għat-twettiq tagħhom il-Komunità ma stabbilitx il-livell minimu neċessarju ta' kwalifiki, l-Istati Membri jirriservaw l-għażla li jistabbilixxu dan il-livell bl-iskop li jiggarantixxu l-kwalità tas-servizzi pprovduti fit-territorju tagħhom; billi, madanakollu, dawn ma jistgħux, mingħajr ma jiksru l-obbligi tagħhom stabbiliti fl-Artikolu 5 tat-Trattat, jeħtieġu li ċittadin ta' Stat Membru jakkwista dawk il-kwalifiki li ġeneralment huma jiddeterminaw biss b'referenza għal diplomi maħruġa taħt is-sistemi proprji ta' edukazzjoni nazzjonali, meta il-persuna kkonċernata tkun diġà akkwistat parti minn jew il-kwalifiki kollha fi Stat Membru ieħor; billi, bħala riżultat, kull Stat Membru ospitanti li fih tkun regolata professjoni hu meħtieġ jieħu kont tal-kwalifiki akkwistati fi Stat Membru ieħor u li jiddetermina jekk dawk il-kwalifiki jikkorrispondux għall-kwalifiki li jeħtieġ l-Istat Membru kkonċernat;

Billi l-kollaborazzjoni bejn l-Istati Membri hija xierqa sabiex tiġi faċilitata l-konformità tagħhom ma' dawk l-obbligi; billi, għalhekk, il-mezzi ta' l-organizzazzjoni ta' din il-kollaborazzjoni għandhom jiġu stabbiliti;

Billi il-kliem "attività professjonali regolata" għandhom jiġu definiti sabiex jittieħed kont tas-sitwazzjonijiet soċjoloġiċi nazzjonali li jvarjaw; billi l-kliem m' għandhomx ikopru biss attivitajiet professjonali li l-aċċess għalihom huwa soġġett, fi Stat Membru, għall-pussess ta' diploma, iżda ukoll attivitajiet professjonali, li l-aċċess għalihom mhuwiex ristrett meta dawn jiġu prattikati taħt titolu professjonali riservat għat-titolari ta' ċerti kwalifiki; billi l-assoċjazzjonijiet u l-organizzazzjonijiet professjonali li jagħtu dawn it-titoli lill-membri tagħhom u li huma rikonoxxuti mill-awtoritajiet pubbliċi ma jistgħux jinvokaw il-pożizzjoni privata tagħhom sabiex jevitaw applikazzjoni tas-sistema prevista b'din id-Direttiva;

Billi huwa wkoll neċessarju li jiġu determinati l-karatteristiċi ta' l-esperjenza professjonali jew il-perjodu ta' adattament li l-Istat Membru ospitanti jista' jeħtieġ mill-persuna kkonċernata f'addizzjoni għad-diploma ta' edukazzjoni ogħla, meta l-kwalifiki tal-persuna ma jikkorrispondux għal dawk stabbiliti mid-dispożizzjonijiet nazzjonali;

Billi aptitude test jista' wkoll jiġi introdott minflok il-perjodu ta' adattament; billi l-effett tat-tnejn ikun li titjieb is-sitwazzjoni eżistenti fir-rigward tar-rikonoxximent reċiproku ta' diplomi bejn l-Istati Membri u għalhekk li jiġi ffaċilitat il-moviment ħieles tal-persuni fil-Komunità; billi l-funzjoni tagħhom hija li jistmaw l-abilità tal-migrant, li huwa persuna li diġà rċeviet it-taħriġ professjonali tagħha fi Stat Membru ieħor, biex jaddatta għal dan l-ambjent professjonali ġdid; billi, min-naħa tal-migrant, aptitude test ikollu l-vantaġġ li jnaqqas it-tul tal-perjodu ta' prattika; billi, fil-prinċipju, l-għażla bejn il-perjodu ta' addattament u aptitude test għandha ssir mill-migrant; billi, madanakollu, n-natura ta' ċerti professjonijiet hija tali li l-Istati Membri għandhom jingħataw il-permess li jippreskrivu, taħt ċerti kondizzjonijiet, jew il-perjodu ta' addattament jew it-test; billi, b'mod partikolari, id-differenzi bejn is-sistemi legali ta' l-Istati Membri, filwaqt li jistgħu ivarjaw fil-kobor minn Stat Membru għal ieħor, jistħoqqilhom dispożizzjonijiet speċjali ladarba, bħala regola, l-edukazzjoni jew it-taħriġ li jivverifikaw id-diploma, iċ-ċertifikat jew provi oħrajn ta' kwalifiki formali fil-qasam tal-liġi fl-Istat Membru ta' l-oriġini ma jkoprux it-tagħrif legali meħtieġ fl-Istat Membru ospitanti fir-rigward tal-qasam legali korrispondenti;

Billi, barraminnhekk, is-sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta' diplomi ta' edukazzjoni ogħla la hi maħsuba biex temenda r-regoli, inklużi dawk li jirrigwardaw l-etika professjonali applikabbli għal kull persuna li twettaq professjoni fit-territorju ta' Stat Membru u lanqas biex teskludi l-migranti mill-applikazzjoni ta' dawk ir-regoli; billi dik is-sistema hija ristretta biex tistabbilixxi arranġamenti approprjati sabiex jiġi assigurat illi l-migranti jikkonformaw mar-regoli professjonali ta' l-Istat Membru ospitanti;

Billi l-Artikoli 49, 57(1) u 66 tat-Trattat jagħtu s-setgħa lill-Komunità li tadotta dispożizzjonijiet neċessarji għall-introduzzjoni u l-operazzjoni ta' din is-sistema;

Billi s-sistema ġenerali għar-rikonxximent ta' diplomi ta' edukazzjoni ogħla hija kompletament mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 48(4) u l-Artikolu 55 tat-Trattat;

Billi din is-sistema, bit-tisħiħ tad-dritt ta' ċittadin Komunitarju li juża l-kapaċitajiet professjonali tiegħu f' kull Stat Membru, iżżid u ssaħħaħ id-dritt tiegħu li jakkwista dawn il-kapaċitajiet kull meta jixtieq;

Billi din is-sistema għandha tiġi evalwata, wara li tkun fis-seħħ għal ċertu żmien, sabiex jiġi determinat kemm topera b'effiċjenza u b'mod partikolari kif din tista' tittejjeb jew il-qasam ta' l-applikazzjoni tagħha estiża,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

(a) diploma: kull diploma, ċertifikat jew prova oħra ta' kwalifiki formali jew kull sett ta' dawn id-diplomi, ċertifikati jew provi oħrajn:

- li ngħatat minn awtorità kompetenti fi Stat Membru, maħtur skond il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-disposizzjonijiet amministrattivi proprji;

- li turi li t-titolari ikun ikkompleta b' suċċess kors post-sekondarju ta' mill-inqas tliet snin, jew ta' dewmien ekwivalenti part-time, f'università jew stabbiliment ta' edukazzjoni ogħla jew stabbiliment ieħor ta' livell simili u, meta approprjat, li huwa jkun ikkompleta b' suċċess it-taħriġ professjonali meħtieġ minbarra il-kors post-sekondarju, u

- li turi li t-titolari jkollu l-kwalifiki professjonali meħtieġa għall-bidu jew it-twettiq ta' professjoni regolata f' dak l-Istat Membru,

sakemm l-edukazzjoni u t-taħriġ ivverifikati mid-diploma, iċ-ċertifikat jew provi oħrajn ta' kwalifiki formali jkunu ġew irċevuti prinċipalment fil-Komunità, jew it-titolari tagħhom ikollu tliet snin esperjenza professjonali iċċertifikata mill-Istat Membru li rrikonoxxa diploma, ċertifikat jew prova oħra ta' kwalifiki formali ta' pajjiż terz.

Dan li ġej għandu jiġi trattat bl-istess mod bħal diploma, fis-sens ta' l-ewwel subparagrafu: kull diploma, ċertifikat jew prova oħra ta' kwalifiki formali jew kull sett ta' diplomi, ċertifikati jew provi oħrajn bħal dawn mogħtija minn awtorità kompetenti fi Stat Membru jekk din tkun ingħatat mal-kompletar b' suċċess ta' edukazzjoni u taħriġ irċevut fil-Komunità u rikonoxxut minn awtorità kompetenti f' dak l-Istat Membru bħala ta' livell ekwivalenti u jekk dan jagħti l-istess drittijiet fir-rigward tal-bidu u t-twettiq ta' professjoni regolata f'dak l-Istat Membru;

(b) Stat Membru ospitanti: Kull Stat Membru li fih ċittadin ta' Stat Membru japplika sabiex iwettaq professjoni soġġetta għar-regolament f' dak l-Istat Membru, ta' xort'oħra mill-Istat li fih huwa akkwista d-diploma tiegħu jew beda għall-ewwel darba l-professjoni inkwistjoni;

(ċ) professjoni regolata: l-attività professjonali regolata jew sensiela ta' attivitajiet li jikkostitwixxu din il-professjoni fi Stat Membru;

(d) attività professjonali regolata: attività professjonali, sa fejn il-bidu jew it-twettiq ta' din l-attività jew waħda mill-modi tat-twettiq tagħha fi Stat Membru hija soġġetta, direttament jew indirettament permezz ta' liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi, għall-pussess ta' diploma. Dan li ġej, b'mod partikolari għandu jikkostitwixxi mod tat-twettiq ta' attività professjonali regolata:

- it-twettiq ta' attività taħt titolu professjonali, sa fejn l-użu ta' dan it-titolu huwa riservat għat-titolari ta' diploma rregolata b' liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi,

- it-twettiq ta' attività professjonali li tirrigwarda s-saħħa, sa fejn ir-remunerazzjoni u/jew ir-rimbors għal din l-attività jkunu soġġetti minħabba l-arranġamenti nazzjonali tas-sigurtà soċjali għall-pussess ta' diploma.

Meta l-ewwel subparagrafu ma japplikax, attività professjonali għandha titqies bħala attività professjonali regolata jekk din tkun imwettqa mill-membri ta' assoċjazzjoni jew organizzazzjoni li l-iskop tagħhom huwa, b'mod partikolari, li jippromwovu u jżommu standard għoli fil-qasam professjonali kkonċernat u li, biex jintlaħaq dak l-iskop, huma rikonoxxuti f' forma speċjali minn Stat Membru u:

- jagħtu diploma lill-membri tagħhom,

- assiguraw li l-membri tagħhom jirrispettaw ir-regoli ta' kondotta professjonali li jippreskrivu, u

- jagħtuhom id-dritt li jużaw titolu jew ittri ta' deskrizzjoni, jew li jibbenefikaw minn status li jikkorrispondi ma' dik id-diploma.

Lista mhux definittiva ta' assoċjazzjonijiet jew organizzazzjonijiet li, meta din id-Direttiva tiġi adottata, jissodisfaw il-kondizzjonijiet tat-tieni subparagrafu li jinsab fl-Anness. Kull meta Stat Membru jagħti r-rikonoxximent imsemmi fit-tieni subparagrafu lil assoċjazzjoni jew organizzazzjoni, dan għandu jinforma lill-Kummissjoni b' dan, u din tippubblika din l-informazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

(e) esperjenza professjonali: it-twettiq fil-fatt u skond il-liġi tal-professjoni kkonċernata fi Stat Membru;

(f) perjodu ta' addattament: it-twettiq ta' professjoni regolata fl-Istat Membru ospitanti taħt ir-responsabbiltà ta' membru kwalifikat ta' dik il-professjoni, u dan il-perjodu ta' prattika sorveljata jkun possibilment akkompanjat b'taħriġ ulterjuri. Dan il-perjodu ta' prattika sorveljata għandu jkun is-suġġett ta' stima. Ir-regoli dettaljati li jirregolaw il-perjodu ta' addattament u l-istima tiegħu kif ukoll l-istatus tal-persuna migranti taħt sorveljanza għandhom jiġu stabbiliti mill-awtorità kompetenti fl-Istati Membri ospitanti u;

(g) aptitude test: test limitat għat-tagħrif professjonali ta' l-applikant, magħmul mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ospitanti bl-iskop li tiġi stmata l-abilità ta' l-applikant li jwettaq professjoni regolata f' dak l-Istat Membru.

Sabiex jiġi permess li dan it-test jitwettaq, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ifasslu lista ta' suġġetti li, abbażi ta' paragun ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ meħtieġa fl-Istat Membru u dak irċevut mill-applikant, mhumiex koperti mid-diploma jew prova oħra ta' kwalifiki formali posseduti mill-applikant.

L-aptitude test għandu jieħu kont tal-fatt li l-applikant huwa professjonist kwalifikat fl-Istat Membru ta' l-oriġini jew fl-Istat Membru minn fejn ikun ġej. Għandu jkopri suġġetti li għandhom jintagħżlu minn dawk fuq il-lista, li t-tagħrif tagħhom huwa essenzjali sabiex ikun possibli li wieħed jeżerċita l-professjoni fl-Istat Membru ospitanti. It-test jista' wkoll jinkludi t-tagħrif tar-regoli professjonali applikabbli għall-attivitajiet inkwistjoni fl-Istat Membru ospitanti. L-applikazzjoni dettaljata ta' l-aptitude test għandha tiġi determinata mill-awtoritajiet kompetenti ta' dak l-Istat b' konsiderazzjoni xierqa għar-regoli tal-liġi Komunitarja.

L-istatus, fl-Istat Membru ospitanti, ta' l-applikant li jixtieq jipprepara ruħu għall-aptitude test dak l-Istat għandu jiġi determinat mill-awtoritajiet kompetenti f' dak l-Istat.

L-Artikolu 2

Din id-Direttiva għandha tapplika għal kull ċittadin ta' Stat Membru li jixtieq iwettaq professjoni regolata fi Stat Membru ospitanti bħala persuna li taħdem għal rasha jew bħala persuna impjegata.

Din id-Direttiva m' għandhiex tapplika għal professjonijiet li huma s-suġġett ta' Direttiva separata li tistabbilixxi arranġamenti għar-rikonoxximent reċiproku ta' diplomi mill-Istati Membri.

L-Artikolu 3

Meta, fi Stat Membru ospitanti, il-bidu jew it-twettiq ta' professjoni regolata huwa soġġett għall-pussess ta' diploma, l-awtorità kompetenti ma tistax, fuq il-bażi ta' kwalifiki inadegwati, tirrifjuta li tawtorizza ċittadin ta' Stat Membru milli jibda jew iwettaq dik il-professjoni bl-istess kondizzjonijiet li japplikaw għaċ-ċittadini proprji stess:

(a) jekk l-applikant għandu d-diploma meħtieġa fi Stat Membru ieħor għall-bidu jew it-twettiq tal-professjoni inkwistjoni fit-territorju tiegħu, u din id-diploma tkun ingħatat fi Stat Membru; jew

(b) jekk l-applikant ikun wettaq il-professjoni inkwistjoni full-time għal sentejn matul l-għaxar snin preċedenti fi Stat Membru ieħor li ma jirregolax dik il-professjoni, fis-sens ta' l-Artikolu 1(ċ) u l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 1(d), u għandu prova ta' kwalifika formali waħda jew aktar:

- li ingħataw minn awtorità kompetenti fi Stat Membru, nominata skond il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta' dak l-Istat,

- li juru li t-titolari ikun temm b' suċċess kors post sekondarju ta' mill-anqas tliet snin, jew ta' dewmien ekwivalenti part-time, f' università jew stabbiliment ta' edukazzjoni ogħla jew stabbiliment ieħor ta' livell simili ta' Stat Membru u, meta approprjat, li huwa jkun temm b' suċċess it-taħriġ professjonali meħtieġ minbarra l-kors post-sekondarju u

- li ppreparaw it-titolari għat-twettiq tal-professjoni tiegħu.

Dan li ġej għandu jiġi trattat bl-istess mod bħall-prova ta' kwalifiki formali msemmija fl-ewwel subparagrafu: kwalunkwe kwalifiki formali jew kull sett ta' dawn il-kwalifiki formali mogħtija minn awtorità kompetenti fi Stat Membru jekk dawn jingħataw mal-kompletar b'suċċess ta' taħriġ riċevut fil-Komunità u huwa rikonoxxut minn dak l-Istat Membru bħala ta' livell ekwivalenti, sakemm l-Istati Membri l-oħrajn u l-Kummissjoni jkunu ġew notifikati b' dan ir-rikonoxximent.

L-Artikolu 4

1. Minkejja l-Artikolu 3, l-Istat Membru ospitanti jista' wkoll jitlob lill-applikant:

(a) jipprovdi prova ta' esperjenza professjonali, meta d-dewmien ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ meħud bħala sostenn għal din l-applikazzjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 3 (a) u (b), huwa mill-anqas sena inqas minn dak meħtieġ fl-Istat Membru ospitanti. F'dan il-każ, il-perjodu ta' esperjenza professjonali meħtieġ:

- ma jistax jaqbeż id-doppju tan-nuqqas fid-dewmien ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ meta in-nuqqas jirrelata għal studji post-sekondarji u/jew għal perjodu ta' prattika bi prova mwettqa taħt il-kontroll ta' persuna professjonali ta' sorveljanza u li jintemm b' eżami,

- ma jistax jaqbeż in-nuqqas meta in-nuqqas jirrelata għall-prattika professjonali akkwistata bl-assistenza ta' membru kwalifikat tal-professjoni.

Fil-każ ta' diplomi fis-sens ta' l-aħħar subparagrafu ta' l-Artikolu 1 (a), id-dewmien ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ rikonoxxut bħala ta' livell ekwivalenti għandu jiġi determinat bħal dak għall-edukazzjoni u t-taħriġ definiti fl-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 1 (a).

Meta jiġu applikati dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jittieħed kont ta' l-esperjenza professjonali msemmija fl-Artikolu 3 (b).

Fil-każijiet kollha, l-esperjenza professjonali meħtieġa ma tistax taqbeż l-erba' snin

(b) jikkompleta perjodu ta' addattament li ma jaqbiżx it-tliet snin jew jieħu aptitude test:

- meta l-kwistjonijiet koperti bl-edukazzjoni u t-taħriġ li huwa rċieva kif stabbilit fl-Artikolu 3(a) u (b), jvarjaw sostanzjalment minn dawk koperti mid-diploma meħtieġa fl-Istat Membru ospitanti, jew

- meta, fil-każ imsemmi fl-Artikolu 3(a), il-professjoni regolata fl-Istat Membru ospitanti tikkomprendi attività professjonali waħda jew aktar li mhumiex fil-professjoni regolata fl-Istat Membru minn fejn joriġina jew ikun ġej l-applikant u dik id-differenza tikkorrispondi għall-edukazzjoni u t-taħriġ speċifiku meħtieġ fl-Istat Membru ospitanti u tkopri materji li jvarjaw sostanzjalment minn dawk koperti mid-diploma murija mill-applikant, jew

- meta, fil-każ imsemmi fl-Artikolu 3(b), il-professjoni regolata fl-Istat Membru ospitanti tikkomprendi attività professjonali waħda jew aktar li mhumiex fil-professjoni mwettqa mill-applikant fl-Istat Membru minn fejn huwa joriġina jew ikun ġej u dik id-differenza tikkorrispondi għal edukazzjoni u taħriġ speċifiku meħtieġ fl-Istat Membru ospitanti u tkopri materji li jvarjaw sostanzjalment minn dawk koperti minn prova ta' kwalifiki formali murija mill-applikant.

Jekk l-Istat Membru ospitanti juża din il-possibiltà, dan għandu jagħti lill-applikant id-dritt li jagħżel bejn il-perjodu ta' addattament jew aptitude test. B'deroga minn dan il-prinċipju, għall-professjonijiet li l-prattika tagħhom titlob tagħrif preċiż tal-liġi nazzjonali u li fir-rigward tagħhom il-provvista ta' pariri u/jew assistenza li tikkonċerna l-liġi nazzjonali hija aspett essenzjali u kostanti ta' l-attività professjonali, l-Istat Membru ospitanti jista' jistipula jew perjodu ta' addattament jew aptitude test. Meta l-Istat Membru ospitanti jkun beħsiebu jintroduċi derogi għal professjonijiet oħrajn fir-rigward tad-dritt ta' l-applikant li jagħżel, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 10 għandha tapplika.

2. Madanakollu, l-Istat Membru ospitanti ma jistax japplika d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 (a) u (b) kumulattivament.

L-Artikolu 5

Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 3 u 4, Stat Membru ospitanti jista' jippermetti lill-applikant, bl-iskop li jitjiebu l-possibiltajiet tiegħu li jaddatta għall-ambjent professjonali f' dak l-Istat, li jiżvolġi hemmhekk, abbażi ta' l-ekwivalenza, dik il-parti ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali tiegħu rappreżentat mill-prattika professjonali, akkwistata bl-assistenza ta' membru kwalifikat tal-professjoni, li huwa ma jkunx żvolġa fl-Istat Membru tiegħu ta' l-oriġini jew fl-Istat Membru minn fejn ikun ġej.

L-Artikolu 6

1. Meta l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru ospitanti teħtieġ minn persuni li jixtiequ jibdew professjoni regolata prova li huma ta' karattru jew ta' reputazzjoni tajba jew li huma ma ġewx dikjarati falluti, jew tissospendi jew tipprojbixxi t-twettiq ta' dik il-professjoni fil-każ ta' mġieba ħażina professjonali serja jew reat kriminali, dak l-Istat għandu jaċċetta bħala prova suffiċjenti, fir-rigward ta' ċittadini ta' Stati Membri li jixtiequ jwettqu dik il-professjoni fit-territorju tiegħu, il-produzzjoni ta' dokumenti maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru ta' l-oriġini jew l-Istat Membru minn fejn ikun ġej iċ-ċittadin barrani li juru li dawk il-ħtiġijiet huma sodisfatti.

Meta l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' l-oriġini jew l-Istat Membru minn fejn ikun ġej iċ-ċittadin barrani ma joħorġux id-dokumenti msemmija fl-ewwel subparagrafu, dawn id-dokumenti għandhom jiġu sostitwiti b'dikjarazzjoni fuq ġurament — jew, fi Stati fejn m'hemm l-ebda dispożizzjoni għal dikjarazzjoni fuq ġurament, minn dikjarazzjoni solenni — magħmula mill-persuna kkonċernata quddiem awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva kompetenti jew, meta approprjat, quddiem nutar jew korp professjonali kwkalifikat ta' l-Istat Membru ta' l-oriġini jew l-Istat Membru minn fejn tkun ġejja l-persuna; din l-awtorità jew nutar għandhom joħorġu ċertifikat li jipprova l-awtentiċità tad-dikjarazzjoni fuq ġurament jew dikjarazzjoni solenni.

2. Meta l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru ospitanti teħtieġ minn ċittadini ta' dak l-Istat Membru li jixtiequ jibdew jew iwettqu professjoni regolata ċertifikat ta' saħħa fiżika jew mentali, dik l-awtorità għandha taċċetta bħala prova suffiċjenti f'dan ir-rigward il-preżentazzjoni tad-dokument meħtieġ fl-Istat Membru ta' l-oriġini jew fl -Istat Membru minn fejn ikun ġej iċ-ċittadin barrani.

Meta l-Istat Membru ta' l-oriġini jew l-Istat Membru minn fejn ikun ġej iċ-ċittadin barrani ma jimponi l-ebda ħtieġa ta' din in-natura fuq dawk li jixtiequ jibdew jew iwettqu l-professjoni inkwistjoni, l-Istat Membru ospitanti għandu jaċċetta minn dawn iċ-ċittadini ċertifikat maħruġ minn awtorità kompetenti f' dak l-Istat li jikkorrispondi għaċ-ċertifikati maħruġa fl-Istat Membru ospitanti.

3. L-awtoritajiet kompetenti ta' Stati Membri ospitanti u jistgħu jeħtieġu li d-dokumenti u ċ-ċertifikati msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ikunu preżentati sa mhux aktar minn tliet xhur wara d-data tal-ħruġ tagħhom.

4. Meta l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru ospitanti teħtieġ ċittadini ta' dak l-Istat Membru li jixtiequ jibdew jew iwettqu professjoni regolata li jieħdu ġurament jew jagħmlu dikjarazzjoni solenni u meta l-forma ta' dan il-ġurament jew dikjarazzjoni ma tkunx tista' tiġi użata minn ċittadini ta' Stati Membri oħrajn, dik l-awtorità għandha tiżgura li forma approprjata u ekwivalenti ta' ġurament jew dikjarazzjoni tiġi offerta lill-persuna kkonċernata.

L-Artikolu 7

1. L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu d-dritt ta' ċittadini ta' Stati Membri li jissodisfaw il-kondizzjonijiet għall-bidu u t-twettieq ta' professjoni regolata fit-territorju tagħhom li jużaw it-titolu professjonali ta' l-Istat Membru ospitanti li jikkorrispondi għal dik il-professjoni.

2. L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri ospitanti għandhom jirrikonoxxu d-dritt ta' ċittadini ta' Stati Membri li jissodisfaw il-kondizzjonijiet għall-bidu u t-twettiq ta' professjoni regolata fit-territorju tagħhom li jużaw it-titolu akkademiku legali tagħhom u, meta approprjat, l-abbrevjazzjoni tiegħu li toħroġ mill-Istat Membru ta' l-oriġini tagħhom jew mill-Istat Membru minn fejn ikunu ġejjin, bil-lingwa ta' dak l-Istat. L-Istat Membru ospitanti jista' jitlob li dan it-titolu ikollu warajh l-isem u l-post ta' l-istabbiliment jew tal-bord ta' l-eżami li jkun tah.

3. Meta professjoni tkun regolata fi Stat Membru ospitanti minn assoċjazzjoni jew organizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(d), ċittadini ta' Stati Membri għandhom ikunu ntitolati biss għall-użu tat-titolu professjonali jew ta' ittri ta' deskrizzjoni mogħtija minn dik l-organizzazzjoni jew assoċjazzjoni mal-prova tas-sħubija.

Meta l-assoċjazzjoni jew l-organizzazzjoni jagħmlu s-sħubija soġġetta għal ċerti ħtiġiet ta' kwalifiki, dawn jistgħu jiġu applikati għal ċittadini ta' Stati Membri oħrajn li jkunu fil-pussess ta' diploma fis-sens ta' l-Artikolu 1(a) jew kwalifika formali fis-sens ta' l-Artikolu 3(b) biss skond din id-Direttiva, b'mod partikolari l-Artikoli 3 u 4.

L-Artikolu 8

1. L-Istat Membru ospitanti għandu jaċċetta bħala prova li l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 3 u 4 issodisfaw iċ-ċertifikati u d-dokumenti maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, li l-persuna kkonċernata għandha tissottometti bħala sostenn ta' l-applikazzjoni tagħha biex twettaq il-professjoni kkonċernata.

2. Il-proċedura għall-kontroll ta' applikazzjoni għat-twettiq ta' professjoni regolata għandha tiġi kompletata mill-aktar fis u r-riżultat jiġi kkomunikat f'deċiżjoni raġunata ta' l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru ospitanti mhux aktar tard minn erba' xhur wara l-preżentazzjoni tad-dokumenti kollha li jirrelataw għall-persuna kkonċernata. Għandu jkun hemm rimedju disponibbli kontra din id-deċiżjoni, jew in-nuqqas tagħha, quddiem qorti jew tribunal skond id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali.

L-Artikolu 9

1. L-Istati Membri għandhom jinnominaw, fil-perjodu previst fl-Artikolu 12, l-awtoritajiet kompetenti li jkunu ingħataw is-setgħa li jirċievu l-applikazzjonijiet u li jieħdu d-deċiżjonijiet imsemmija f'din id-Direttiva.

Huma għandhom jikkomunikaw din l-informazzjoni lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni.

2. Kull Stat Membru għandu jinnomina persuna responsabbli għall-koordinazzjoni ta' l-attivitajiet ta' l-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 1 u għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni b' dan. Ir-rwol tiegħu għandu jkun li jippromwovi l-applikazzjoni uniformi ta' din id-Direttiva għall-professjonijiet kollha kkonċernati. Grupp li jikkoordina għandu jitwaqqaf taħt il-protezzjoni tal-Kummissjoni, kompost mill-koordinaturi appuntati minn kull Stat Membru jew id-deputati tagħhom u ppresedut mir-rappreżentant tal-Kummissjoni.

Ix-xogħol ta' dan il-grupp għandu jkun:

- li jiffaċilita l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva,

- li jiġbor l-informazzjoni utli kollha għall-applikazzjoni tagħha fl-Istati Membri.

Il-grupp jista' jiġi kkonsultat mill-Kummissjoni dwar kull bdil fis-sistema eżistenti li jista' jiġi kontemplat.

3. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri sabiex jipprovdu l-informazzjoni neċessarja dwar ir-rikonoxximent ta' diplomi fil-qafas ta' din id-Direttiva. Jistgħu jiġu assistiti f' dan ix-xogħol miċ-ċentru ta' informazzjoni dwar ir-rikonoxximent akkademiku ta' diplomi u perjodi ta' studju stabbiliti mill-Istati Membri fil-qafas tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill u l-Ministri ta' l-Edukazzjoni li ltaqgħu fil-Kunsill tad-9 ta' Frar 1976 [4], u, meta approprjat, l-assoċjazzjonijiet jew l-organizzazzjonijiet professjonali rilevanti. Il-Kummissjoni għandha tieħu l-inizjattivi neċessarji sabiex tiżgura l-iżvilupp u l-koordinazzjoni tal-komunikazzjoni ta' l-informazzjoni neċessarja.

L-Artikolu 10

1. Jekk, skond it-tielet sentenza tat-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 4(1)(b), Stat Membru jipproponi li ma jagħtix lill-applikanti d-dritt li jagħżlu bejn perjodu ta' addattament jew aptitude test fir-rigward ta' professjoni fis-sens ta' din id-Direttiva, dan għandu minnufih jikkomunika lill-Kummissjoni l-abbozz korrispondenti tad-dispożizzjoni. Għandu fl-istess ħin jinnotifika lill-Kummissjoni bir-raġunijiet li jagħmlu l-applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni neċessarja.

Il-Kummissjoni għandha immedjatament tinnotifika lill-Istati Membri l-oħrajn b' kull abbozz li tkun irċeviet; hija tista' ukoll tikkonsulta l-grupp ta' koordinazzjoni msemmi fl-Artikolu 9(2) ta' l-abbozz.

2. Mingħajr preġudizzju għall-possibiltà tal-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra li jgħaddu kummenti fuq l-abbozz, l-Istat Membru jista' jadotta id-dispożizzjoni biss jekk il-Kummissjoni ma tkunx ħadet deċiżjoni għall-kuntrarju fi żmien tliet xhur.

3. Fuq it-talba ta' Stat Membru jew tal-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jikkomunikawlhom, mingħajr dewmien, it-test definittiv ta' disposizzjoni li toħroġ mill-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu.

L-Artikolu 11

Wara l-iskadenza tal-perjodu previst fl-Artikolu 12, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni, kull sentejn, rapport dwar l-applikazzjoni tas-sistema introdotta.

Flimkien mar-rimarki ġenerali, dan ir-rapport għandu jkun fih sommarju statistiku tad-deċiżjonijiet meħuda u deskrizzjoni tal-problemi prinċipali li joħorġu mill-applikazzjoni tad-Direttiva.

L-Artikolu 12

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva fi żmien sentejn min-notifika tagħha [5]. Għandhom minnufih jinformaw lill-Kummissjoni bihom.

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam irregolat b'din id-Direttiva.

L-Artikolu 13

Mhux aktar tard minn ħames snin wara d-data speċifikata fl-Artikolu 12, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-istat ta' l-applikazzjoni tas-sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta' diplomi ta' edukazzjoni ogħla mogħtija mal-kompletar ta' edukazzjoni u taħriġ professjonali ta' mill-inqas tliet snin.

Wara li tikkonduċi l-konsultazzjonijiet kollha neċessarja, il-Kummissjoni għandha, f' din l-okkażjoni, tippreżenta l-konklużjonijiet tagħha fir-rigward ta' kull tibdil li għandu bżonn isir fis-sistema kif inhi. Fl-istess ħin il-Kummissjoni għandha, meta approprjat, tissottometti proposti għal titjib fis-sitema preżenti fl-interess ta' l-iffaċilitar ulterjuri tal-libertà ta' moviment, id-dritt ta' l-istabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tal-persuni koperti minn din id-Direttiva.

L-Artikolu 14

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fil-21 ta' Diċembru 1988.

Għall-Kunsill

Il-President

V. Papandreou

[1] ĠU C 217, tat-28.8.1985, p. 3, uĠU C 143, ta' l-10.6.1986, p. 7.

[2] ĠU C 345, tal-31.12.1985, p. 80, uĠU C 309, tal-5.12.1988.

[3] ĠU C 75, tat-3.4.1986, p. 5.

[4] ĠU C 38, tad-19.2.1976, p. 1.

[5] Din id-Direttiva ġiet notifikata lill-Istati Membri fl-4 ta' Jannar 1989.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

Lista ta' assoċjazzjonijiet jew organizzazzjonijiet professjonali li jissodisfaw il-kondizzjonijiet tat-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 1 (d)

L-IRLANDA [1]

1. The Institute of Chartered Accountants in Ireland [2]

2. The Institute of Certified Public Accountants in Ireland [3]

3. The Association of Certified Accountants [4]

4. Institution of Engineers of Ireland

5. Irish Planning Institute

IR-RENJU UNIT

1. Institute of Chartered Accountants in England and Wales

2. Institute of Chartered Accountants of Scotland

3. Institute of Chartered Accountants in Ireland

4. Chartered Association of Certified Accountants

5. Chartered Institute of Loss Adjusters

6. Chartered Institute of Management Accountants

7. Institute of Chartered Secretaries and Administrators

8. Chartered Insurance Institute

9. Institute of Actuaries

10. Faculty of Actuaries

11. Chartered Institute of Bankers

12. Institute of Bankers in Scotland

13. Royal Institution of Chartered Surveyors

14. Royal Town Planning Institute

15. Chartered Society of Physiotherapy

16. Royal Society of Chemistry

17. British Psychological Society

18. Library Association

19. Institute of Chartered Foresters

20. Chartered Institute of Building

21. Engineering Council

22. Institute of Energy

23. Institution of Structural Engineers

24. Institution of Civil Engineers

25. Institution of Mining Engineers

26. Institution of Mining and Metallurgy

27. Institution of Electrical Engineers

28. Institution of Gas Engineers

29. Institution of Mechanical Engineers

30. Institution of Chemical Engineers

31. Institution of Production Engineers

32. Institution of Marine Engineers

33. Royal Institution of Naval Architects

34. Royal Aeronautical Society

35. Institute of Metals

36. Chartered Institution of Building Services Engineers

37. Institute of Measurement and Control

38. British Computer Society

[1] Ċittadini Irlandiżi huma ukoll membri tal-korpi elenkati tar-Renju Unit li ġejjin:

- Institute of Chartered Accountants in England and Wales

- Institute of Chartered Accountants of Scotland

- Institute of Actuaries

- Faculty of Actuaries

- The Chartered Institute of Management Accountants

- Institute of Chartered Secretaries and Administrators

- Royal Town Planning Institute

- Royal Institution of Chartered Surveyors

- Chartered Institute of Building.

[2] Għall-għanijiet ta' l-attività tal-verifika biss.

[3] Għall-għanijiet ta' l-attività tal-verifika biss.

[4] Għall-għanijiet ta' l-attività tal-verifika biss.

--------------------------------------------------

Top