Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31985R2967

Ir-Regolament Tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2967/85 ta’ l-24 ta’ Ottubru 1985 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-iskala Komunitarja għall-gradazzjoni tal-karkassi tal-majjal.

ĠU L 285, 25.10.1985, p. 39–40 (DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (ES, PT, FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2008; Imħassar b' 32008R1249

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1985/2967/oj

31985R2967



Official Journal L 285 , 25/10/1985 P. 0039 - 0040
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 19 P. 0192
Spanish special edition: Chapter 03 Volume 38 P. 0076
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 19 P. 0192
Portuguese special edition Chapter 03 Volume 38 P. 0076


Ir-Regolament Tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2967/85

ta’ l-24 ta’ Ottubru 1985

li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-iskala Komunitarja għall-gradazzjoni tal-karkassi tal-majjal.

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ekonomika Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2759/75 tad-29 ta’ Ottubru 1975 fuq l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-laħam tal-majjal [1], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 2966/80 [2], u b’mod partikolari Artikoli 2 u 4 (6) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3220/84 tat-13 ta’ Novembru 1984 li jistabbilixxi l-iskali Komunitarji għall-gradazzjoni tal-karkassi tal-majjal [3], u b’mod partikolari Artikolu 5(1) tiegħu,

Billi regoli dettaljati għandhom jiġu stabbiliti għall-applikazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 3220/84, b’mod partikolari, miżuri maħsuba biex jiġi assigurat li dan jiġi applikat fuq bażi uniformi;

Billi "piż" huwa meqjus li jfisser il-piż tal-karkassa kiesħa; billi dan jiġi kalkulat billi wieħed japplika mar-riżultat ta’ l-użin koeffiċjenti ta’ konverżjoni li jrid jiġi stabbilit; billi dak il-koeffiċjenti jista’ jvarja skond il-ħin bejn meta l-majjal jintiżen u meta jiddendel; billi aġġustament tal-koeffiċjenti għandu għaldaqstant jiġi permess;

Billi l-kontenut tad-dgħif tal-karkassi jiġi stmat permezz ta’ metodi awtorizzati ta’ gradazzjoni; billi metodi ta’ stima statistikament ippruvati biss jistgħu jintużaw; billi l-awtorizzazzjoni tal-metodi tal-gradazzjoni hija soġġetta għall-konformità mat-tolleranza massima għall-iżball statistiku fl-istima li għandu jiġi speċifikat;

Billi l-immarkar tal-karkassi huwa, mingħajr preġudizzju għal Artikolu 4(2) tar-Regolament(KEE) Nru 3220/84, obbligatorju; billi, biex is-suq ikun aktar trasparenti, regoli dettaljati għandhom jiġu stabbiliti dwar l-immarkar u l-identifikazzjoni tal-karkassi filwaqt li derogi għandhom jiġu pprovduti f’ċerti ċirkostanzi;

Billi l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament jaqblu ma’ l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għal-Laħam tal-Majjal,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dettaljati li jimplementaw ir-Regolament (KEE) Nru 3220/84 li jistabbilixxi l-iskala Komunitarja għall-gradazzjoni tal-karkassi tal-majjal.

Artikolu 2

1. Il-piż tal-karkassa kiesħa kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ Artikolu 2(2) tar-Regolament (KEE) Nru 3220/84 jinkiseb bit-tnaqqis ta’ 2,0 % mill-piż sħun reġistrat mhux aktar tard minn 45 minuta wara li l-majjal ikun ġie mdendel.

2. Jekk, f’xi biċċerija, il-perijodu ta’ 45 minuta bejn li l-majjal jiddendel u li jintiżen ġeneralment ma jkunx jista’ jinżamm, l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru interessat tista’ tippermetti li dan il-perijodu jiġi mtawwal sakemm it-tnaqqis ta’ 2,0 % speċifikat fil-paragrafu 1 ikun imnaqqas b’0,1 ta’ punt għal kull kwarta addizzjonali jew parti minnha li tkun għaddiet.

3. Bħala deroga mill-paragrafi 1 u 2, il-piż tal-karkassa kiesħa jista’ jiġi kalkolat b’referenza għal skali determinati minn qabel ta’ tnaqqis assolut ta’ piż stabbilit mill-Istati Membri skond il-karatteristiċi tal-merħliet tal-qżieqeż tagħhom u nnotifikat lill-Kummissjoni. L-użu ta’ dawn l-iskali għandu jiġi awtorizzat skond il-proċeduri previsti f’Artikolu 24 tar-Regolament (KEE) Nru 2759/75, jekk it-tnaqqis għal klassijiet individwali ta’ piż ikun jikkorrispondi, kemm jista’ jkun, mat-tnaqqis li jirriżulta mill-paragrafi 1 u 2.

Artikolu 3

1. L-ebda metodu biex issir stima tal-volum tad-dgħif tal-karkassi m’għandu jiġi awtorizzat bħala metodu ta’ gradazzjoni fis-sens ta’ Artikolu 2(3) tar-Regolament (KEE) Nru 3220/84 kemm-il darba:

- dan ikun bażat fuq kampjun rappreżentattiv tal-produzzjoni nazzjonali jew reġjonali kkonċernata tal-laħam tal-majjal, bil-metodu ta’ stima, li jikkonsisti f’talanqas 120 karkassa, li fihom il-kontenut tad-dgħif ikun ġie aċċertat skond l-ewwel subparagrafu ta’ Artikolu 2(3) tar-Regolament (KEE) Nru 3220/84 jew direttament jew permezz ta’ metodi nazzjonali ta’ dissezzjoni b’effetti ekwivalenti, u

- l-koeffiċjent tad-determinazzjoni jkun akbar minn R2 = 0,64.

2. Awtorizzazzjoni ta’ metodi ta’ gradazzjoni għandha, madankollu, tkun suġġetta għall-iżball standard residwali fl-istima li jkun anqas minn se = 2,5.

3. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar liema metodi ta’ gradazzjoni jixtiequ li jiġu awtorizzati għall-applikazzjoni fit-territorju tagħhom, waqt li jindikaw il-prinċipji li fuqhom dawn il-metodi jkunu bbażati u l-ekwazzjonijiet użati biex issir stima tal-perċentwal tad-dgħif, u waqt li jinkludu l-korrelazzjoni bejn ilk-kontenut tad-dgħif aċċertat permezz tal-metodu nazzjonali tad-dissezzjoni wżat għal dak l-iskop u l-metodu tad-dissezzjoni kif stabbilit fl-ewwel paragrafu ta’ Artikolu 2(3) tar-Regolament (KEE) Nru 3220/84.

L-applikazzjoni għall-metodi tal-gradazzjoni fit-territorju ta’ Stat Membru għandha tkun awtorizzata skond il-proċeduri previsti f’Artikolu 24 tar-Regolament (KEE) Nru 2759/75.

4. L-applikazzjoni ta’ metodi ta’ gradazzjoni għandha tkun tikkorrispondi fil-partikolarijiet kollha mad-deskrizzjoni mogħtija fid-Deċiżjoni tal-Komunità li tawtorizzhom.

Artikolu 4

1. Mingħajr preġudizzju għal Artikolu 4(2) tar-Regolament (KEE) Nru 3220/84, il-karkassi tal-majjal għandhom jiġu mmarkati bl-ittra kapitali li turi l-grad tal-karkassa fuq l-iskala mogħtija f’Artikolu 3(2) u (3) tiegħu jew bil-perċentwal stmat ta’ d-dgħif skond Artikolu 4(1) tiegħu u, jekk ikun hemm bżonn, b’xi dettalji oħra li jitiqiesu li jkunu approprijati. L-ittri u n-numri għandhom ikunu talanqas ta’ 2 ċentimetri. Kull inka mhix tossika, indelibbli u li tirreżisti għas-sħana tista’ tintuża biex isir l-immarkar kif ukoll kull forma oħra ta’ mmarkar permanenti awtorizzat bil-quddiem mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

2. Nofsijiet ta’ karkassi għandhom jiġu mmarkati fuq il-ġilda tal-ġenb ta’ wara jew fuq il-koxxa.

3. Tikketta mwaħħla b’mod li ma tistax titneħħa bla ma ssirilha ħsara tista’ wkoll tkun forma aċċettabbli ta’ mmarkar.

Artikolu 5

Fil-każ speċifikat f’Artikolu 4(2) tar-Regolament (KEE) Nru 3220/84, il-karkassi tal-majjal għandhom jiġu identifikati individwalment b’kull mezz li ma jkunx jista’ jitbiddel.

Artikolu 6

L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri li huma jidhrilhom li jkunu meħtieġa biex jiggarantixxu l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fit-territorju tagħhom, u għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar dawn il-miżuri mill-aktar fis possibbli.

Artikolu 7

Dan ir-regolament għandu jidħol fid-seħħ nhar l-1 ta' Novembru 1985.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fl-24 ta’ Ottubru 1985.

Għall-Kummissjoni

Frans Andriessen

Vici-President

[1] ĠU L 282, ta’ l-1.11.1975, p. 1.

[2] ĠU L 307, tat-18.11.1980, p. 5.

[3] ĠU L 301, ta’ l-20.11.1984, p. 1.

--------------------------------------------------

Top