Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22019D2133

Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 79/2019 tad-29 ta’ Marzu 2019 li temenda l-Anness IX (Servizzi Finanzjarji) tal-Ftehim ŻEE [2019/2133]

ĠU L 321, 12.12.2019, p. 170–175 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/2133/oj

12.12.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 321/170


DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE Nru 79/2019

tad-29 ta’ Marzu 2019

li temenda l-Anness IX (Servizzi Finanzjarji) tal-Ftehim ŻEE [2019/2133]

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b’mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), kif irrettifikat mill-ĠU L 208, 2.8.2013, p. 68, mill-ĠU L 321, 30.11.2013, p. 6 u mill-ĠU L 20, 25.1.2017, p. 2 għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2017/2395 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward ta’ arranġamenti transizzjonali biex jittaffa l-impatt tal-introduzzjoni tal-IFRS 9 fuq il-fondi proprji u għat-trattament tal-iskoperturi l-kbar ta’ ċerti skoperturi fis-settur pubbliku denominati fil-munita domestika ta’ kwalunkwe Stat Membru (2), għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE.

(3)

Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (3), kif irrettifikata mill-ĠU L 208, 2.8.2013, p. 73 u mill-ĠU L 20, 25.1.2017, p. 1 għandha tiġi inkorporata fil-Ftehim ŻEE.

(4)

Ir-Regolament (UE) 575/2013 u d-Direttiva 2013/36/UE jirreferu għal “istituzzjonijiet prinċipali tal-UE”, “kumpaniji azzjonarji finanzjarji prinċipali tal-UE” u “kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħallta prinċipali tal-UE”, li fil-kuntest tal-Ftehim ŻEE huma mifhuma bħala li jirreferu għal entitajiet li jissodisfaw id-definizzjonijiet rilevanti stabbiliti fir-Regolament, li huma stabbiliti f’Parti Kontraenti taż-ŻEE u li mhumiex sussidjarji ta’ istituzzjoni oħra mwaqqfa fi kwalunkwe Parti Kontraenti oħra taż-ŻEE.

(5)

Id-Direttiva 2013/36/UE tħassar id-Direttivi 2006/48/KE (4) u 2006/49/KE (5) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li huma inkorporati fil-Ftehim ŻEE u li konsegwentement għandhom jitħassru skont il-Ftehim ŻEE.

(6)

Il-potenzjal għal tnaqqis mhux ġustifikat fir-rekwiżiti ta’ fondi proprji fl-użu ta’ mudelli interni ġie limitat, fost l-oħrajn, b’leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta l-Artikolu 152 tad-Direttiva 2006/48/KE, li, sa tmiem l-2017 ġie ssostitwit bl-Artikolu 500 tar-Regolament (UE) 575/2013. Madankollu, għad hemm diversi dispożizzjonijiet oħra fir-Regolament (UE) 575/2013 u fid-Direttiva 2013/36/UE li jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti jindirizzaw l-istess kwistjoni, inkluża l-possibbiltà ta’ miżuri li jilqgħu kontra tnaqqis mhux ġustifikat tal-ammonti tal-iskopertura ponderati għar-riskju — ara pereżempju l-Artikolu 104 tad-Direttiva 2013/36/UE — u jimponu marġni prudenti ta’ konservattiviżmu fil-kalibrazzjoni ta’ mudelli interni — ara pereżempju l-Artikolu 144 tar-Regolament (UE) 575/2013 u l-Artikolu 101 tad-Direttiva 2013/36/UE.

(7)

Għalhekk, l-Anness IX tal-Ftehim ŻEE jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness IX tal-Ftehim ŻEE għandu jiġi emendat kif ġej:

1.

It-test tal-punt 14 (id-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) qed jinbidel b’dan li ġej:

32013 L 0036: id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338), kif irrettifikata mill-ĠU L 208, 2.8.2013, p. 73 u mill-ĠU L 20, 25.1.2017, p. 1.

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva għandhom jinqraw bl-adattamenti li ġejjin:

(a)

Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll 1 ta’ dan il-Ftehim, u sakemm mhux previst mod ieħor f’dan il-Ftehim, it-termini ‘Stat Membru/i’ u ‘awtoritajiet kompetenti’ għandhom jinftiehmu li qed jinkludu, apparti t-tifsira tagħhom fid-Direttiva, l-Istati tal-EFTA u l-awtoritajiet kompetenti tagħhom, rispettivament.

(b)

Ir-referenzi għall-‘banek ċentrali tas-SEBĊ’ jew għall-‘banek ċentrali’ għandhom jinftiehmu li jinkludu, apparti t-tifsira tagħhom fid-Direttiva, il-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati tal-EFTA.

(c)

Referenzi għal atti oħrajn fid-Direttiva japplikaw sal-punt u l-mod li dawk l-atti jiġu inkorporati f’dan il-Ftehim.

(d)

Referenzi fid-Direttiva għas-setgħat tal-ABE skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għandhom jinftiehmu bħala li jirreferu, fil-każijiet previsti fi u f’konformità mal-punt 31g ta’ dan l-Anness, għas-setgħat tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA fir-rigward tal-Istati tal-EFTA.

(e)

Fl-Artikolu 2(5), għandhom jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

‘(11a)

fl-Iżlanda, il-“Byggðastofnun”, l-“Íbúðalánasjóður” u l-“Lánasjóður sveitarfélaga ohf.”;’

(f)

Fl-Artikolu 6, jiddaħħal is-subparagrafu li ġej fil-punt (a):

‘L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati tal-EFTA jikkoperaw b’fiduċja u rispett reċiproku sħiħ, b’mod partikolari meta jiżguraw il-fluss ta’ informazzjoni xierqa u affidabbli bejnhom u l-partijiet tas-SESF u mal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tal-UE għandhom jikkoperaw mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati tal-EFTA bl-istess mod.’

(g)

L-Artikolu 47(3) ma għandux japplika fir-rigward tal-Istati tal-EFTA. Permezz ta’ ftehimiet konklużi ma’ pajjiż terz wieħed jew aktar, Stat tal-EFTA jista’ jaqbel li japplika d-dispożizzjonijiet li jagħtu lil fergħat ta’ istituzzjoni ta’ kreditu li jkollha l-uffiċċju prinċipali tagħha f’pajjiż terz trattament ugwali fit-territorju tal-Istat tal-EFTA.

Il-Partijiet Kontraenti għandhom jinfurmaw u jikkonsultaw ma’ xulxin qabel ma jiġu konklużi l-ftehimiet ma’ pajjiżi terzi abbażi tal-Artikolu 47(3) jew l-ewwel paragrafu ta’ dan il-punt, skont kif ikun il-każ.

Kull meta l-Unjoni Ewropea tinnegozja ma’ pajjiż terz wieħed jew aktar rigward il-konklużjoni ta’ ftehim abbażi tal-Artikolu 47(3), u dan il-ftehim ikollu l-għan li jinkiseb trattament nazzjonali jew aċċess effettiv għas-suq għall-fergħat tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jkollhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea fil-pajjiżi terzi kkonċernati, l-Unjoni Ewropea għandha tagħmel ħilitha biex tikseb it-trattament indaqs għall-fergħat tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jkollhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom fi Stat tal-EFTA.

(h)

L-Artikolu 48 ma japplikax. Meta Stat tal-EFTA jikkonkludi ftehim ma’ pajjiż terz wieħed jew aktar rigward il-mezzi tal-eżerċizzju ta’ superviżjoni fuq bażi kkonsolidata fuq l-istituzzjonijiet li l-impriżi prinċipali tagħhom ikollhom l-uffiċċji prinċipali f’pajjiż terz u l-istituzzjonijiet li jinsabu f’pajjiżi terzi li l-impriżi prinċipali tagħhom, sew jekk ikunu istituzzjonijiet, kumpaniji azzjonarji finanzjarji jew kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħallta, ikollhom l-uffiċċji prinċipali tagħhom f’dak l-Istat tal-EFTA, dak il-ftehim għandu jiżgura li l-ABE tkun tista’ tikseb mingħand l-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat tal-EFTA l-informazzjoni li tkun waslet mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ pajjiżi terzi skont l-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

(i)

Fl-Artikolu 53(2), il-kliem ‘jew, skont il-każ, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA’ għandu jiddaħħal qabel il-kliem ‘skont din id-Direttiva’.

(j)

Fl-Artikolu 58(1)(d), il-kliem ‘jew, skont il-każ, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA’ għandu jiddaħħal wara l-kelma ‘l-AETS’.

(k)

Fl-Artikolu 89(5), il-kliem ‘atti leġiżlattivi futuri tal-Unjoni għal obbligi ta’ żvelar’ għandu jiġi ssostitwit bil-kliem ‘atti leġiżlattivi futuri applikabbli skont il-Ftehim ŻEE jkunu jinkludu obbligi ta’ żvelar li’.

(l)

Fl-Artikolu 114(1), fir-rigward tal-Liechtenstein, il-kliem ‘bank ċentrali tas-SEBĊ’ għandu jiġi sostitwit bil-kliem ‘l-awtorità kompetenti’.

(m)

Fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 117(1), il-kliem ‘jew l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, skont kif ikun il-każ,’ għandu jiddaħħal wara l-kelma ‘ABE’.

(n)

Fl-Artikolu 133(14) u fl-Artikolu 133(15), il-kliem ‘jew, rigward l-lstati tal-EFTA, il-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA’ għandu jiddaħħal wara l-kelma ‘Kummissjoni’.

(o)

Fl-Artikolu 151(1), fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, il-kliem ‘deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE li tinkludi’ għandu jiddaħħal wara l-kliem ‘konformità ma’.”

2.

Dan li ġej jiddaħħal wara l-punt 14 (id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill):

“14a.

32013 R 0575: ir-Regolament (UE) 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1), kif irrettifikat mill-ĠU L 208, 2.8.2013, p. 68, mill-ĠU L 321, 30.11.2013, p. 6 u mill-ĠU L 20, 25.1.2017, p. 2, kif emendat bi:

32017 R 2395: ir-Regolament (UE) 2017/2395 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 (ĠU L 345, 27.12.2017, p. 27).

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament għandhom jinqraw bl-adattamenti li ġejjin:

(a)

Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll 1 ta’ dan il-Ftehim, u sakemm mhux previst mod ieħor f’dan il-Ftehim, it-termini ‘Stat Membru/i’ u ‘awtoritajiet kompetenti’ għandhom jinftiehmu li qed jinkludu, apparti t-tifsira tagħhom fir-Regolament, l-Istati tal-EFTA u l-awtoritajiet kompetenti tagħhom, rispettivament.

(b)

Ir-referenzi għall-‘banek ċentrali tas-SEBĊ’ jew għall-‘banek ċentrali’ għandhom jinftiehmu li jinkludu, apparti t-tifsira tagħhom fir-Regolament, il-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati tal-EFTA.

(c)

Referenzi għal atti oħrajn fir-Regolament japplikaw sal-punt u l-mod li dawk l-atti jiġu inkorporati f’dan il-Ftehim.

(d)

Referenzi fir-Regolament għas-setgħat tal-ABE skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għandhom jinftiehmu bħala li jirreferu, fil-każijiet previsti fil-punt 31g ta’ dan l-Anness u f’konformità miegħu, għas-setgħat tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA fir-rigward tal-Istati tal-EFTA.

(e)

F’punt (75) tal-Artikolu 4(1), il-kliem ‘fin-Norveġja u’ għandu jiddaħħal qabel il-kelma ‘fl-Iżvezja’.

(f)

Fl-Artikolu 31(1)(b), fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, il-kelma ‘l-Kummissjoni’ għandha ssir ‘l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA’.

(g)

F’paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 80, il-kliem ‘jew, fil-każ li jkun ikkonċernat Stat tal-EFTA, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA’ għandu jiddaħħal wara l-kelma ‘Kummissjoni’.

(h)

Fl-Artikolu 329(4), fl-Artikolu 344(2), fl-Artikolu 352(6), fl-Artikolu 358(4) u fl-Artikolu 416(5), fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, il-kliem ‘tad-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE li jinkludu’ għandu jiddaħħal wara l-kliem ‘id-dħul fis-seħħ’.

(i)

Fl-Artikolu 395:

(i)

fil-paragrafi 7 u 8, fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, il-kelma ‘lill-Kunsill’ ma għandhiex tapplika;

(ii)

fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 8 għandu jinbidel kif ġej:

‘Is-setgħa li tadotta deċiżjoni li taċċetta jew tirrifjuta l-miżura nazzjonali proposta msemmija fil-paragrafu 7 hija mogħtija lill-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA.’;

(iii)

l-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 8 għandha tiġi mibdula bis-segwenti:

‘Fi żmien xahar mill-wasla tan-notifika msemmija fil-paragrafu 7, l-ABE għandha tipprovdi l-opinjoni tagħha dwar il-punti msemmija f’dak il-paragrafu lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru kkonċernat jew, fejn l-opinjoni tagħha tikkonċerna miżuri nazzjonali proposti minn Stat tal-EFTA, lill-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA u lill-Istat tal-EFTA kkonċernat.’

(j)

Fl-Artikolu 458:

(i)

fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 għandu jinbidel kif ġej:

‘Fejn l-awtorità determinata skont il-paragrafu 1 tidentifika tibdil fl-intensità tar-riskju makroprudenzjali jew sistemiku fis-sistema finanzjarja bil-potenzjal ta’ konsegwenzi negattivi serji għas-sistema finanzjarja u għall-ekonomija reali fi Stat Membru speċifiku, u l-awtorità tqis li jkun aħjar li jiġu indirizzati permezz ta’ miżuri nazzjonali aktar stretti, hija għandha tinnotifika lill-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA, lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, lill-BERS u lill-ABE b’dan il-fatt u tippreżenta evidenza kwantitattiva jew kwalitattiva rilevanti ta’ dawn kollha li ġejjin:’;

(ii)

fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 4 għandu jinbidel kif ġej:

‘Is-setgħa biex jiġi adottat att ta’ implimentazzjoni li jirrifjuta l-abbozzi ta’ miżuri nazzjonali msemmija fil-punt (d) tal-paragrafu 2 tingħata lill-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA, li jaġixxi fuq proposta mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA.’;

(iii)

fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 4, għandu jiżdied dan li ġej:

‘Fejn l-opinjonijiet tagħhom jikkonċernaw abbozzi ta’ miżuri nazzjonali ta’ Stat tal-EFTA, il-BERS u l-ABE għandhom jgħaddu l-opinjonijiet tagħhom lill-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA, lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA u lill-Istat tal-EFTA kkonċernat.’;

(iv)

fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, it-tielet sat-tmien subparagrafu tal-paragrafu 4 għandhom jinbidlu kif ġej:

‘Filwaqt li jiġu kkunsidrati bl-aktar mod possibbli l-opinjonijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu u jekk ikun hemm evidenza robusta, qawwija u dettaljata li l-miżura jkollha impatt negattiv fuq is-suq intern li jegħleb il-benefiċċji tal-istabbiltà finanzjarja, bir-riżultat ta’ tnaqqis tar-riskju makroprudenzjali jew sistemiku identifikat, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tista’, fi żmien xahar, tipproponi lill-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA r-rifjut tal-abbozzi ta’ miżuri nazzjonali.

Fin-nuqqas ta’ proposta tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA f’dak il-perjodu ta’ xahar, l-Istat tal-EFTA kkonċernat jista’ b’mod immedjat jadotta l-abbozzi ta’ miżuri nazzjonali għal perjodu ta’ mhux aktar minn sentejn jew sal-waqt meta r-riskju makroprudenzjali jew sistemiku ma jibqax jeżisti jekk dan iseħħ qabel.

Il-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA għandu jiddeċiedi dwar il-proposta mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA fi żmien xahar wara l-wasla tal-proposta u jiddikjara r-raġunijiet għar-rifjut jew le tal-abbozzi ta’ miżuri nazzjonali.

Il-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA għandu jirrifjuta l-abbozzi ta’ miżuri nazzjonali biss jekk iqis li waħda jew iżjed mill-kundizzjonijiet li ġejjin ma jkunux ġew osservati:

(a)

il-bidliet fl-intensità tar-riskju makroprudenzjali jew sistemiku jkunu ta’ tali natura li jirrappreżentaw riskju għall-istabbiltà finanzjarja fil-livell nazzjonali;

(b)

l-Artikoli 124 u 164 ta’ dan ir-Regolament u l-Artikoli 101, 103, 104, 105, 133 u 136 tad-Direttiva 2013/36/UE ma jistgħux jindirizzaw b’mod adegwat ir-riskju makroprudenzjali jew sistemiku identifikat, b’kunsiderazzjoni tal-effettività relattiva ta’ dawn il-miżuri;

(c)

l-abbozzi ta’ miżuri nazzjonali jkunu aktar adattati biex jindirizzaw ir-riskju makroprudenzjali jew sistemiku identifikat u ma jinvolvux effetti negattivi sproporzjonati fuq is-sistema finanzjarja kollha jew partijiet minnha, f’Partijiet Kontraenti oħra jew fiż-ŻEE kollha kemm hi, u b’hekk jiffurmaw jew joħolqu ostaklu għall-funzjonament tas-suq intern;

(d)

il-kwistjoni tikkonċerna biss Stat tal-EFTA wieħed; kif ukoll

(e)

ir-riskji ma jkunux diġà ġew indirizzati minn miżuri oħra f’dan ir-Regolament jew fid-Direttiva 2013/36/UE.

Il-valutazzjoni tal-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA għandha tqis l-opinjoni tal-BERS u tal-ABE u għandha tkun ibbażata fuq l-evidenza ppreżentata f’konformità mal-paragrafu 2 mill-awtorità determinata skont il-paragrafu 1.

Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni tal-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA għar-rifjut tal-abbozzi ta’ miżuri nazzjonali fi żmien xahar wara l-wasla tal-proposta mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, l-Istat tal-EFTA jista’ jadotta l-miżuri u japplikahom għal perjodu ta’ mhux aktar minn sentejn jew sal-waqt meta r-riskju makroprudenzjali jew sistemiku ma jibqax jeżisti jekk dan iseħħ qabel.’;

(v)

fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, il-paragrafu 6 għandu jinbidel kif ġej:

‘Fejn Stat tal-EFTA jirrikonoxxi l-miżuri stabbiliti skont dan l-Artikolu, huwa għandu jgħarraf lill-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA, lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, lill-ABE, lill-BERS u lill-Parti Kontraenti tal-Ftehim ŻEE awtorizzata biex tapplika l-miżuri.’

(k)

Fl-Artikolu 467(2), fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, il-kliem ‘sakemm il-Kummissjoni tkun adottat regolament’ għandu jsir ‘sad-dħul fis-seħħ ta’ deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE li tinkludi regolament adottat’.

(l)

Fl-Artikolu 497, fir-rigward tal-Istati tal-EFTA:

(i)

fil-paragrafi 1 u 2, il-kliem ‘deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE li jinkludu’ għandu jiddaħħal wara l-kliem ‘tad-dħul fis-seħħ tal-aħħar’;

(ii)

f’paragrafu 1, il-kliem ‘ikunu ġew adottati’ għandu jsir ‘japplikaw fiż-ŻEE’.”

3.

Fil-punt 31bc (ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill):

(a)

jiżdied l-inċiż li ġej:

“—

32013 R 0575: ir-Regolament (UE) 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1), kif irrettifikat mill-ĠU L 208, 2.8.2013, p. 68, mill-ĠU L 321, 30.11.2013, p. 6 u mill-ĠU L 20, 25.1.2017, p. 2.”

(b)

fl-adattament (zh), jiżdied dan li ġej:

“(v)

fil-paragrafu 5a, fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, il-kliem ‘tad-dħul fis-seħħ tal-aħħar wieħed mill-istandards’ għandu jsir ‘tad-dħul fis-seħħ tal-aħħar deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE li tinkludi standards’.”

4.

L-inċiż li ġej jiżdied mal-punt 31ea (id-Direttiva 2002/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill):

“—

32013 L 0036: id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338), kif irrettifikata mill-ĠU L 208, 2.8.2013, p. 73 u mill-ĠU L 20, 25.1.2017, p. 1.”

5.

It-test tal-punt 31 (id-Direttiva 2006/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) jitħassar.

Artikolu 2

It-testi tar-Regolamenti (UE) 575/2013, kif rettifikat mill-ĠU L 208, 2.8.2013, p. 68, mill-ĠU L 321, 30.11.2013, p. 6 u mill-ĠU L 20, 25.1.2017, p. 2, u (UE) 2017/2395 u tad-Direttiva 2013/36/UE, kif irrettifikata mill-ĠU L 208, 2.8.2013, p. 73 u mill-ĠU L 20, 25.1.2017, p. 1, fl-ilsien Iżlandiż u Norveġiż, li se jiġu ppubblikati fis-Suppliment taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandhom ikunu awtentiċi.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-30 ta’ Marzu 2019, bil-kundizzjoni li jkunu saru n-notifiki kollha skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE (*1).

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u fis-Suppliment tiegħu dwar iż-ŻEE.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Marzu 2019.

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

Claude MAERTEN


(1)  ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1.

(2)  ĠU L 345, 27.12.2017, p. 27.

(3)  ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338.

(4)  ĠU L 177, 30.6.2006, p. 1.

(5)  ĠU L 177, 30.6.2006, p. 201.

(*1)  Hemm indikati rekwiżiti kostituzzjonali.


Dikjarazzjoni Konġunta tal-Partijiet Kontraenti

tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 79/2019 tad-29 ta’ Marzu 2019 li tinkorpora d-Direttiva 2013/36/UE fil-Ftehim ŻEE

Il-Partijiet Kontraenti jikkondividu l-fehim li l-inkorporazzjoni fil-Ftehim ŻEE tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE hija mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali ta’ applikazzjoni ġenerali li jirrigwardaw il-verifika ta’ investiment dirett barrani minħabba raġunijiet ta’ sigurtà jew ordni pubbliku.


Top