Use quotation marks to search for an "exact phrase". Append an asterisk (*) to a search term to find variations of it (transp*, 32019R*). Use a question mark (?) instead of a single character in your search term to find variations of it (ca?e finds case, cane, care).
Ir-regolament għandu l-għan li jistabbilixxi miżuri ta’ restawr biex ikopri, bħala mira tal-UE, mill-inqas 20 % taż-żoni tal-art u 20 % taż-żoni tal-baħar tal-UE sal-2030, u l-ekosistemi kollha li jeħtieġu restawr sal-2050.
Miri u obbligi ta’ restawr speċifiċi għall-ekosistema għall-Istati Membri tal-UE
Ir-regolament jistabbilixxi miri u obbligi ta’ restawr speċifiċi għal:
tipi ta’ ħabitats terrestri, kostali u tal-ilma ħelu u ħabitats ta’ speċijiet f’dawn iż-żoni;
il-ħabitats tal-baħar u l-ħabitats tal-ispeċijiet tal-baħar;
l-ekosistemi urbani;
il-konnettività tax-xmajjar u l-pjanuri tal-għargħar;
il-pollinaturi;
l-ekosistemi agrikoli;
l-ekosistemi tal-foresti.
L-implimentazzjoni tagħhom għandha tikkontribwixxi wkoll għall-impenn li jitħawlu mill-inqas 3 biljun siġra addizzjonali sal-2030 fil-livell tal-UE.
Għat-tipi ta’ ħabitats terrestri, kostali u tal-ilma ħelu elenkati fl-Anness I u għall-ħabitats tal-baħar elenkati fl-Anness II, l-Istati Membri tal-UE jeħtiġilhom jieħdu miżuri biex:
itejbu għal kundizzjoni tajba ż-żoni ta’ tipi ta’ ħabitats li mhumiex f’kundizzjoni tajba, b’miri għall-2030, għall-2040 u għall-2050;
jistabbilixxu mill-ġdid tipi ta’ ħabitats f’żoni fejn ma għadhomx iseħħu;
jirrestawraw żoni ta’ ħabitats tal-ispeċijiet koperti mid-Direttiva dwar l-Għasafar jew mid-Direttiva dwar il-Ħabitats u l-ispeċijiet tal-baħar elenkati fl-Anness III biex tiġi żgurata s-sopravivenza fit-tul tal-ispeċijiet;
jagħlqu d-distakk fl-għarfien dwar id-distribuzzjoni u l-kundizzjoni ta’ dawk il-ħabitats.
F’dawn it-tipi ta’ ħabitats, l-Istati Membri jeħtiġilhom ukoll:
jistabbilixxu miżuri biex jiżguraw li ż-żoni soġġetti għar-restawr ikomplu jitjiebu sakemm tintlaħaq kundizzjoni tajba, u sussegwentement ma jiddeterjorawx b’mod sinifikanti ladarba jkunu laħqu kundizzjoni tajba jew, għall-ħabitats tal-ispeċijiet, kwalità suffiċjenti;
jippruvaw jistabbilixxu miżuri għall-prevenzjoni ta’ deterjorament sinifikanti f’żoni ta’ tipi ta’ ħabitats li diġà jinsabu f’kundizzjoni tajba jew li huma meħtieġa biex jintlaħqu l-miri stabbiliti fl-Artikoli 4(17) u 5(14).
Fl-ekosistemi urbani, l-Istati Membri jridu jiżguraw:
li ma hemm l-ebda telf nett fl-erja nazzjonali totali ta’ spazju aħdar urban jew ta’ kopertura urbana bis-siġar fiż-żoni tal-ekosistema urbana sal-2030;
xejra dejjem akbar fl-erja nazzjonali totali tal-ispazju aħdar urban wara l-2030, u, f’kull żona tal-ekosistema urbana, xejra dejjem akbar ta’ kopertura urbana bis-siġar, sakemm jinkisbu livelli sodisfaċenti.
Sabiex tiġi restawrata l-konnettività naturali tax-xmajjar u l-funzjonijiet naturali tal-pjanuri tal-għargħar relatati, l-Istati Membri jridu:
jagħmlu inventarju tal-ostakli artifiċjali għall-ilma tal-wiċċ u jidentifikaw l-ostakli li għandhom jitneħħew biex ikun hemm kontribut għar-restawr tal-ħabitats u tal-ħabitats tal-ispeċijiet u biex jiġi ssodisfat l-objettiv fil-livell tal-UE li sal-2030 mill-inqas 25 000 km ta’ xmajjar jiġu restawrati għal xmajjar ġierja;
ineħħu l-ostakli f’konformità mal-pjan nazzjonali ta’ restawr tagħhom, filwaqt li jagħtu prijorità lill-ostakli obsoleti;
jimplimentaw miżuri komplementari biex itejbu l-funzjonijiet naturali tal-pjanuri tal-għargħar relatati sal-2050;
jiżguraw li, ladarba jiġu restawrati, jinżammu l-konnettività naturali tax-xmajjar u l-funzjonijiet naturali tal-pjanuri tal-għargħar relatati.
Għar-restawr tal-popolazzjonijiet tal-pollinaturi, l-Istati Membri jridu:
itejbu d-diversità tal-pollinaturi u jreġġgħu lura t-tnaqqis tal-popolazzjonijiet tal-pollinaturi sal-2030;
jiksbu xejra dejjem akbar ta’ popolazzjonijiet ta’ pollinaturi wara l-2030 sakemm jinkisbu livelli sodisfaċenti.
Fl-ekosistemi agrikoli, l-Istati Membri huma meħtieġa jieħdu miżuri li għandhom l-għan li:
jiksbu xejra dejjem akbar fil-livell nazzjonali, sakemm jinkisbu livelli sodisfaċenti, ta’ mill-inqas tnejn mit-tliet indikaturi li ġejjin:
indiċi tal-friefet tal-artijiet bil-ħaxix,
ħażna ta’ karbonju fil-ħamrija minerali tal-art tal-għelejjel,
is-sehem tal-art agrikola b’karatteristiċi tal-pajsaġġ ta’ diversità kbira;
jiżguraw li l-indiċi tal-għasafar tar-raba’ jilħaq livelli speċifikati;
jirrestawraw it-torbiera skulati li bħalissa qed jintużaw fl-agrikoltura b’mill-inqas 30 % sal-2030 (li minnhom mill-inqas kwart jeħtiġilhom jixxarrbu mill-ġdid), 40 % sal-2040 u 50 % sal-2050 (li minnhom mill-inqas terz iridu jixxarrbu mill-ġdid).
Fl-ekosistemi tal-foresti, l-Istati Membri jridu jistabbilixxu miżuri biex:
jiksbu xejra dejjem akbar fil-livell nazzjonali, sakemm jinkisbu livelli sodisfaċenti, ta’ mill-inqas sitta mis-seba’ indikaturi li ġejjin:
injam mejjet wieqaf,
injam mejjet mal-art,
is-sehem ta’ foresti bi struttura ta’ maturazzjoni mhux uniformi,
il-konnettività tal-foresti,
il-ħażna ta’ karbonju,
is-sehem ta’ foresti ddominati minn speċijiet ta’ siġar indiġeni,
id-diversità tal-ispeċijiet tas-siġar.
Ir-regolament jirrikjedi wkoll li l-Istati Membri, meta jimplimentaw l-objettivi u l-obbligi ta’ hawn fuq, jikkontribwixxu għall-impenn fil-livell tal-UE li jħawlu 3 biljun siġra addizzjonali sal-2030.
Diversi miri u obbligi jinkludu l-possibbiltà li l-Istati Membri japplikaw eżenzjonijiet u flessibbiltajiet.
Pjanijiet nazzjonali ta’ restawr
Kull wieħed mill-Istati Membri jeħtieġlu jissottometti pjan nazzjonali ta’ restawr lill-Kummissjoni Ewropea u jippubblika l-pjan, li juri kif se jilħqu l-miri.
Il-pjanijiet nazzjonali ta’ restawr jeħtieġ li jiġu rieżaminati u riveduti fl-2032 u fl-2042.
Monitoraġġ u rapportar
L-Istati Membri jridu jimmonitorjaw u jirrapportaw lill-Kummissjoni, f’intervalli speċifikati, il-progress tagħhom fl-implimentazzjoni tal-obbligi u fl-ilħuq tal-miri tar-regolament.
Kull 6 snin, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent se tipprovdi lill-Kummissjoni ħarsa ġenerali teknika madwar l-UE kollha lejn il-progress lejn l-ilħuq tal-miri u t-twettiq tal-obbligi.
Ir-Regolament (UE) 2024/1991 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- dwar ir-restawr tan-natura u li jemenda r-Regolament (UE) 2022/869 (ĠU L, 2024/1991, ).
L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2024/1991 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.