This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52012DC0209
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL, THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS EU State Aid Modernisation (SAM)
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Il-Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat tal-UE (SAM)
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Il-Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat tal-UE (SAM)
/* COM/2012/0209 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Il-Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat tal-UE (SAM) /* COM/2012/0209 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI
EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Il-Modernizzazzjoni tal-Għajnuna
mill-Istat tal-UE (SAM) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) 1. Introduzzjoni: Il-kontroll tal-għajnuna
mill-istat fl-ambjent attwali 1. Ewropa 2020 hija
l-istrateġija tal-Ewropa għat-tkabbir għal dan il-perjodu ta' għaxar
snin li qegħdin fih. F’dinja li qed tinbidel, il-Kummissjoni Ewropea qed
timmira l-politika tagħha biex l-ekonomija tal-Ewropa tkun
intelliġenti, sostenibbli u inklużiva. Dawk it-tliet għanijiet
li jagħtu s-saħħa lil xulxin għandhom jgħinu lill-UE u
lill-Istati Membri biex jiksbu livelli għoljin ta’ impjiegi, produttività
u koeżjoni soċjali. 2. F’dak id-dawl, is-suq uniku
huwa l-aħjar assi tal-Ewropa biex jinħoloq tkabbir sostenibbli. Suq
intern effettiv jeħtieġ li jiġu attivati żewġ
strumenti: l-ewwel, regolamentazzjoni biex jinħoloq suq wieħed
integrat mingħajr fruntieri nazzjonali, u t-tieni, politika dwar
il-kompetizzjoni li tinkludi kontroll fuq l-għajnuna mill-Istat biex ikun
żgurat li t-tħaddim ta’ dak is-suq intern ma jkunx imxekkel
b’imġiba mhux kompetittiva min-naħa ta' kumpaniji jew mill-Istat
Membri li jiffavorixxu xi partijiet b’dannu għal partijiet oħrajn. Il-kompetizzjoni
hija spinta ewlenija wara t-tkabbir: tagħti inċentiv
lill-intrapriżi, inklużi dawk ġodda, u ttejjeb il-produttività u
l-kompetittività f’kuntest globali. Il-kompetizzjoni hija wkoll politika
kosteffettiva peress li tista’ ssir mingħajr infiq pubbliku jew privat. Għaldaqstant,
bħala wieħed mill-istrumenti tal-politika dwar il-kompetizzjoni,
l-għajnuna mill-Istat għandha rwol fundamentali fid-difiża u
t-tisħiħ tas-suq uniku. 3. Il-kriżi ekonomika u
finanzjarja heddet l-integrità tas-suq uniku u żiedet il-potenzjal li jkun
hemm reazzjonijiet antikompetittivi. Fl-istess ħin, minħabba
l-kriżi żdiedet id-domanda biex l-Istat ikollu rwol ikbar
fil-protezzjoni tal-membri l-iktar vulnerabbli tas-soċjetà u
fil-promozzjoni tal-irkupru ekonomiku. Iżda dan poġġa taħt
pressjoni l-baġits tal-Istati Membri, u huwa meħtieġ li jkun
hemm konsolidazzjoni fiskali u użu aħjar tar-riżorsi skarsi. Fl-aħħar,
iżda mhux b’inqas, dan żied id-differenza bejn il-marġini ta'
manuvra tal-Istati Membri biex jiffinanzjaw il-politiki tagħhom. 4. Il-potenzjal ta’ tkabbir
tal-Ewropa jista’ jiżdied billi l-infiq pubbliku jkun iktar iffukat u
billi jinħolqu l-kundizzjonijiet xierqa biex jibda l-irkupru u jkun
wieħed dejjiemi. B’mod partikolari, l-infiq pubbliku għandu jsir
iktar effiċjenti[1],
effikaċi u mmirat lejn politiki li jippromwovu t-tkabbir li jissodisfa
l-għanijiet Ewropej komuni. 5. Parti minn dak l-infiq
pubbliku jkun fil-forma ta' għajnuna mill-Istat[2], kemm jekk ikun f'għamla
ta' nfiq dirett, inċentivi tat-taxxa, garanziji mill-Istat jew
f'għamla oħra. Għajnuna mill-Istat li tkun iktar
b’saħħitha u mmirata aħjar tista’ tħeġġeġ
biex jitfasslu politiki iktar effikaċi li jtejbu t-tkabbir u tista’
tiżgura li t-tfixkil fil-kompetizzjoni jkun limitat sabiex is-suq intern
jibqa’ miftuħ u kontestabbli. Tista’ tikkontribwixxi wkoll biex tittejjeb
il-kwalità tal-finanzi pubbliċi. Qafas iktar iffukat se jippermetti
lill-Istati Membri biex jikkontribwixxu aħjar kemm fl-implimentazzjoni
tal-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir sostenibbli, kif ukoll
fil-konsolidazzjoni baġitarja. 6. Il-modernizzazzjoni
tal-kontroll fuq l-għajnuna mill-Istat hija meħtieġa sabiex
tissaħħaħ il-kwalità tal-iskrutinju min-naħa
tal-Kummissjoni u biex l-istrument jissawwar f’għodda li tippromwovi
l-użu tajjeb tar-riżorsi pubbliċi biex ikun hemm politiki
orjentati lejn it-tkabbir u jitnaqqas it-tfixkil fil-kompetizzjoni li
jdgħajjef l-ugwaljanza fis-suq intern. Il-kumplessità attwali tar-regoli
sostantivi, kif ukoll tal-qafas proċedurali, li japplikaw
għall-każijiet iż-żgħar kif ukoll għall-kbar,
huma sfidi għall-kontroll tal-għajnuna mill-Istat. 7. Hemm elementi oħrajn li
jsaħħu l-bżonn li jkun hemm pakkett wiesa’ ta’ modernizzazzjoni
għall-politika tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat b’mod ġenerali:
l-iskadenza ta' għadd ta' strumenti ewlenin ta' għajnuna mill-Istat
qabel tmiem l-2013; it-tħejjija tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali tal-UE
u tar-Regoli tal-Fondi Strutturali għall-2014-2020; u fl-aħħar,
iżda mhux b’inqas, it-tisħiħ tas-sistema ta’ sorveljanza
ekonomika u baġitarja fis-semestru tal-UE. 8. Għaldaqstant,
l-għanijiet tal-modernizzazzjoni tal-kontroll fuq l-għajnuna
mill-Istat huma tlieta: (i) it-trawwim tat-tkabbir sostenibbli,
intelliġenti u inklużiv f'suq intern kompetittiv; (ii) l-iffukar
tal-iskrutinju li l-Kummissjoni tagħmel minn qabel fuq każijiet li
jkollhom l-ikbar impatt fuq is-suq intern filwaqt li tissaħħaħ
il-kooperazzjoni tal-Istati Membri fl-infurzar tal-għajnuna mill-Istat; (iii)
is-simplifikazzjoni tar-regoli u l-għoti ta’ deċiżjonijiet
b’iktar ħeffa. 9. Din il-Komunikazzjoni
tagħti l-punti ġenerali ta' strateġija integrata għal
riforma li twassal għall-ksib ta’ dawk l-għanijiet, li huma marbuta
mill-qrib bejniethom u li għandhom jitqiesu bħala partijiet
individwali li permezz tagħhom se jinbena pakkett uniku għar-riforma.
2. L-għanijiet
tal-modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat u l-istrumenti biex jinkisbu 2.1. It-trawwim tat-tkabbir f’suq
intern imsaħħaħ, dinamiku u kompetittiv 10. L-Istrateġija
Ewropa 2020 għat-tkabbir tirrikonoxxi r-rwol tal-għajnuna
mill-Istat fit-tkabbir u l-kapaċità tagħha li "tikkontribwixxi
b'mod attiv u pożittiv għall-għanijiet tal-istrateġija
Ewropa 2020 billi tinċita u tappoġġa inizjattivi għal
teknoloġiji innovattivi, effiċjenti u aktar ekoloġiċi,
filwaqt li tiffaċilita l-aċċess għal appoġġ
pubbliku għall-investiment, kapital tar-riskju u ffinanzjar
tar-riċerka u l-iżvilupp”[3].
11. Il-politiki biex jinkisbu
l-għanijiet tal-Ewropa 2020 jistgħu jagħtu kontribut
importanti biex tintemm il-kriżi u jitqanqal mill-ġdid it-tkabbir
sostenibbli. L-Istati Membri u l-Unjoni se jipprijoritizzaw in-nefqa
mill-baġit għal dak l-iskop; u parti minnha se tinkludi
l-għajnuna mill-Istat. 12. Il-modernizzazzjoni
tal-kontroll fuq l-għajnuna mill-Istat għandha tiffaċilita
t-trattament ta' għajnuna tajba li tkun imfassla tajjeb, immirata lejn
nuqqasijiet identifikati tas-suq u għanijiet ta’ interess komuni u twassal
għall-inqas tfixkil possibbli fis-suq (“għajnuna tajba”). Dan se
jiżgura li l-appoġġ pubbliku jistimula l-innovazzjoni, it-teknoloġiji
ekoloġiċi, l-iżvilupp tal-kapital uman, jevita l-ħsara
ambjentali u fl-aħħar mill-aħħar jippromwovi t-tkabbir,
ix-xogħol u l-kompetittività tal-UE. Għajnuna bħal din
tikkontribwixxi bl-aħjar mod għat-tkabbir meta tkun immirata lejn
in-nuqqasijiet tas-suq u għalhekk tkun qed tikkumplimenta, mhux
tissostitwixxi, l-infiq privat. L-għajnuna mill-Istat tkun effikaċi
biex jinkiseb l-għan ta’ politika pubblika mixtieq biss meta jkollha
l-effett li tkun inċentiv, jiġifieri tkun tinkludi li
l-benefiċjarju tal-għajnuna jwettaq attivitajiet li kieku ma kienx
iwettaq mingħajr l-għajnuna. L-għajnuna mill-Istat se ikollha
l-ikbar impatt pożittiv fuq it-tkabbir biss meta tkun imfassla b’mod li
jillimita t-tfixkil fil-kompetizzjoni u jżomm is-suq intern kompetittiv u
miftuħ. Għaldaqstant il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat huwa
kruċjali biex tittejjeb l-effiċjenza u l-effikaċja tal-infiq
pubbliku fl-għamla ta' għajnuna mill-Istat, bl-għan
ġenerali li jiġi stimulat iktar tkabbir fis-suq intern, li
neċessarjament jeħtieġ li jkun hemm kompetizzjoni li qed
tiżviluppa. L-għajnuna mill-Istat li ma timmirax lejn in-nuqqasijiet
tas-suq u li ma jkollha l-ebda effett li jservi ta’ inċentiv, mhux biss
hija ħela ta' riżorsi pubbliċi iżda sservi biex
trażżan it-tkabbir peress li l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni
fis-suq intern imorru għall-agħar. 13. Il-kontroll tal-għajnuna
mill-Istat diġà huwa element sottostanti tal-inizjattivi prinċipali
tal-Ewropa 2020. Pereżempju, il-linji gwida wiesa’ jipprovdu
kundizzjonijiet għal appoġġ effiċjenti mill-Istat biex
jinfirex il-broadband, jingħata appoġġ lill-ksib
tal-għanijiet tal-"Aġenda Diġitali għall-Ewropa”. L-appoġġ
pubbliku biex tiġi żviluppata l-infrastruttura huwa strumentali wkoll
għall-kisba ta’ netwerks tat-trasport u tal-enerġija
intelliġenti, modernizzati u interkonnessi bis-sħiħ kif previst
mill-“Ewropa li tuża r-riżorsi b'effiċjenza”. Il-qafas
tal-għajnuna mill-Istat għar-riċerka, l-iżvilupp u
l-innovazzjoni jiffaċilita l-kisba tal-għanijiet tal-“Unjoni
tal-Innovazzjoni” kif ukoll ta’ “Politika industrijali għall-era
tal-globalizzazzjoni”. L-infurzar tal-prinċipju “min iniġġes
iħallas” kif ukoll il-possibilità li tingħata għajnuna
lill-kumpaniji biex jitħeġġu jmorru lil hinn mill-istandards
ambjentali obbligatorji tal-UE jew biex jippromwovu l-effiċjenza
tal-enerġija stipulata fil-linji gwida dwar l-Għajnuna ambjentali,
huma wieħed mill-għodod biex tiġi implimentata l-inizjattiva
prinċipali “Ewropa li tuża r-Riżorsi b’Effiċjenza”. Il-possibilità
li jingħata appoġġ lit-taħriġ permezz tal-fondi
tal-Istat tagħti kontribut lill-objettivi tal-"Aġenda
għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi”. Il-linji gwida dwar
is-salvataġġ u r-ristrutturar jippermettu li tingħata
għajnuna mill-Istat lil kumpaniji fi kriżi b'kundizzjonijiet stretti
u jekk ir-riżultat ikun li l-kumpanija terġa' ssir vijabbli fuq tul
ta' żmien twil, billi l-impriżi ineffiċjenti
jitħeġġu joħorġu u dawk f'kompetizzjoni globali
jittieħdu fi ħdanha, b’kontribut lejn “Politika industrijali
għall–era tal-globalizzazzjoni”. Ir-rabta bejn l-għanijiet
tal-Ewropa 2020 u l-inizjattivi prinċipali fuq naħa waħda,
u r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fuq in-naħa l-oħra,
għandhom jiġi żviluppati iktar biex l-istrumenti tal-Kummissjoni
jiġu ssimplifikati u l-Istati Membri jitħeġġu biex jiddirezzjonaw
ir-riżorsi pubbliċi lejn il-prijoritajiet komuni. 14. Billi ssir enfasi fuq
il-kwalità u l-effiċjenza tal-appoġġ pubbliku, il-kontroll
tal-għajnuna mill-Istat jista’ wkoll jgħin lill-Istati Membri biex
isaħħu d-dixxiplina baġitarja u jtejbu l-kwalità tal-finanzi
pubbliċi – li jirriżulta f'użu aħjar tal-flus
tal-kontribwenti. Dan għandu importanza partikolari sabiex tintlaħaq
konsolidazzjoni fiskali intelliġenti, b'rikonċiljazzjoni tar-rwol,
fil-ħolqien tat-tkabbir, tal-infiq pubbliku mmirat mal-ħtieġa li
jiġu kkontrollati l-baġits. Għaldaqstant jeħtieġ ukoll
li l-proċedura tas-Simestru tal-UE jkun fiha kontroll tal-għajnuna
mill-Istat u iktar preokkupazzjonijiet dwar il-kompetizzjoni ġenerali. 15. Jeħtieġ ukoll li
jkun hemm kontroll qawwi tal-għajnuna mill-Istat biex ikun żgurat li
s-suq uniku jiffunzjona sew. Dan il-kontroll qawwi jimxi id f’id
mal-implemetazzjoni effettiva tar-regoli tas-suq intern tal-UE u huwa ta'
rilevanza partikolari fi swieq li għadhom kif infetħu u fejn atturi
kbar li jkunu diġà preżenti u jkunu megħjuna mill-Istat ikun
għad għandhom rwol ewlieni x’jaqdu, bħat-trasport, is-servizzi
postali jew, f’każijiet iktar limitati, l-enerġija. Il-modernizzazzjoni
tal-għajnuna mill-Istat tista’ ttejjeb il-funzjonament tas-suq intern permezz
ta’ politika aktar effikaċi mmirata lejn l-illimitar tat-tfixkil
fil-kompetizzjoni, iż-żamma ta’ kundizzjonijiet ugwali u
l-ġlieda kontra l-protezzjoniżmu. Dan ir-rwol tal-għajnuna
mill-Istat issa huwa iktar importanti peress li jeħtieġ li l-potenzjal
kollu tas-suq intern jiġi mmobilizzat għat-tkabbir. 16. L-ambjent globali joħloq
sfidi u opportunitajiet għall-kumpaniji Ewropej. Fid-dinja kollha
jeżistu sistemi differenti ta' regoli dwar il-kompetizzjoni. Meta tqabbel,
ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat joffru qafas iktar
trasparenti, koerenti u orjentat lejn it-tkabbir, filwaqt li jippermettu
livelli kumparabli ta’ għajnuna[4].
Qafas tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat li jiffoka dejjem iktar fuq
it-titjib tal-għanijiet tat-tkabbir filwaqt li jiżgura li s-suq
intern jiffunzjona sew, għandu jtejjeb il-kompetittività tal-kumpaniji
tal-UE anki barra mill-UE. 17. Fiċ-ċirkostanzi
speċifiċi li s-sussidji mogħtija minn pajjiż terz ikunu se
jwasslu għal tfixkil fil-kompetizzjoni, ir-regoli tal-Organizzazzjoni
Dinjija tal-Kummerċ (WTO) jipprovdu qafas bażiku li joffri rimedju
għall-konsegwenzi speċifiċi ta’ sussidji barranin illegali li
jġarrbu l-operaturi tal-UE. Barra minn hekk, il-Ftehimiet bilaterali
tal-Kummerċ Ħieles iffirmati mill-UE ma’ pajjiżi terzi
jistgħu jinkludu wkoll regoli dwar is-sussidji li jittrattaw kwistjonijiet
speċifiċi li mhumiex koperti mill-qafas tad-WTO (pereżempju
l-Ftehim dwar il-Kummerċ Ħieles mal-Korea). L-istrumenti tal-politika
kummerċjali jistgħu jintużaw biex jiġu implimentati dawk
id-dixxiplini. 18. Il-proposti
tal-modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat li jikkontribwixxu
għall-għan tat-tkabbir huma: (a)
L-identifikazzjoni u d-definizzjoni ta' prinċipji
komuni applikabbli għall-valutazzjoni tal-kompatibbiltà
tal-miżuri ta’ għajnuna kollha mwettqa mill-Kummissjoni; prinċipji
orizzontali bħal dawn jiċċaraw il-mod ta’ kif il-Kummissjoni
tivvaluta l-karatteristiċi komuni li bħalissa mhumiex trattati
bl-istess mod fil-linji gwida u l-oqfsa differenti kollha; dawk
il-prinċipji għandhom ikunu kemm jista’ jkun operattivi u kapaċi
jittrattaw id-definizzjoni u l-valutazzjoni ta' nuqqasijiet ġenwini
tas-suq, l-effett ta' inċentiv u l-effetti negattivi tal-interventi
pubbliċi, inklużi, potenzjalment, il-kunsiderazzjonijiet dwar
l-impatt globali tal-għajnuna. (b)
Ir-reviżjoni u s-simplifikazzjoni tal-linji
gwida dwar l-għajnuna mill-Istat, biex isiru
konsistenti ma’ dawk il-prinċipji komuni. Ir-reviżjoni se ssegwi
metodu ġenerali msejjes fuq it-tisħiħ tas-suq intern, li
jippromwovi iktar effikaċja fl-infiq pubbliku (l-użu
tal-għajnuna mill-Istat biss meta tirrappreżenta valur miżjud
reali); definizzjoni iktar ċara tan-nuqqasijiet tas-suq li
jeħtieġ li jiġu indirizzati u iktar skrutinju tal-effett ta’
inċentivi għandu jkollhom rwol importanti f’dak il-kuntest, sabiex
ikun żgurat li jkun hemm valur għall-flus u jiġi evitat
it-tfixkil. Valutazzjoni iktar sistematika tal-effetti negattivi potenzjali
tal-għajnuna mill-Istat – notevolment f’termini ta’ tfixkil
fl-effiċjenza allokattiva u dinamika, jeħtieġ li jissegwew ukoll
il-kompetizzjoni għas-sussidji u l-poter fis-suq. Għaldaqstant,
pereżempju, il-Linji Gwida riveduti dwar is-Salvataġġ u
r-Ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji se jsiru strument importanti
ħafna biex tiġi kkontrollata dik it-tip ta’ għajnuna li
toħloq tfixkil kbir, sabiex ikun żgurat li l-Istat iwaqqaf
il-proċess ta’ ħruġ mis-suq biss meta jkun verament
ġustifikat. Bl-istess mod, meta l-kundizzjonijiet tas-suq jippermettu, se
jiġu stipulati sensiela ġdida ta' regoli dwar is-salvataġġ
u r-ristrutturar tal-istituzzjonijiet finanzjarji għas-sitwazzjoni ta’
wara l-kriżi, li jkunu konsistenti mal-proposti tal-UE fil-futur dwar
il-ġestjoni u r-riżoluzzjoni tal-kriżijiet. Fl-aħħar
nett, l-identifikazzjoni tal-aħjar prattiki fir-rigward tal-prijoritajiet
ta’ nfiq ta' Ewropa 2020 għandha tippermetti li l-għajnuna li
tkun kosteffettiva u ttejjeb it-tkabbir tiġi approvata malajr. Fir-rigward
tas-simplifikazzjoni, fi stadju primarju, diversi linji gwida, fosthom linji
gwida għall-Għajnuna Reġjonali, ir-Riċerka u
l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni, l-Għajnuna ambjentali, il-Kapital
tar-Riskju u l-Broadband (tipi ta’ għajnuna li jirrappreżentaw iktar
minn żewġ terzi tal-għajnuna mogħtija fl-UE), jistgħu
jiġu allinjati u possibilment konsolidati mal-prinċipji komuni
sal-aħħar tal-2013. Dan jista’ anki jippermetti t-tiftix ta’
sinerġiji bejn reġimi differenti ta’ għajnuna u l-issodisfar ta’
għanijiet multipli. L-adozzjoni individwali ta’ kull linja gwida se
sseħħ progressivament u bla dewmien matul dan il-perjodu. Niffukaw
l-infurzar fuq il-każijiet li għandhom l-ikbar impatt fuq is-suq
intern 2.2. Niffukaw l-infurzar fuq
il-każijiet li għandhom l-ikbar impatt fuq is-suq intern 19. Il-mixja
lejn infiq iktar effiċjenti ma għandhiex tirriżulta
f’mikrokontroll tan-nefqa pubblika kollha, iżda pjuttost fi
prijoritizzazzjoni u f’iktar skrutinju tal-għajnuna b’impatt sinifikanti
fuq is-suq uniku, inkluż dawk il-miżuri li jkopru l-għajnuna
kbira b’potenzjal ta’ tfixkil, inkluż l-għajnuna fiskali.
Parallelament, l-analiżi tal-każijiet ta’ natura iktar lokali u
b’effett żgħir fuq il-kummerċ għandhom jiġu
ssimplifikati. Dak l-eżitu jista’ jinkiseb billi jiġu definiti regoli
iktar proporzjonati u divrenzjati u billi l-proċeduri ta’ kontroll
tal-għajnuna mill-Istat jiġu modernizzati, b’iktar responsabilità fuq
l-Istati Membri biex ifasslu u jimplimentaw miżuri ta’ appoġġ. Dan
se jirrikjedi li r-regoli jiġu definiti aħjar u li l-Kummissjoni
ttejjeb il-monitoraġġ li jsir minnha wara biex tiżgura li jkun
hemm konformità xierqa. Dan se jnaqqas ukoll il-piż amministrattiv fuq
l-awtoritajiet pubbliċi u fuq il-benefiċjarji meta jkunu involuti
ammonti iżgħar ta’ għajnuna. 20. Il-proposti
tal-modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat li jikkontribwixxu
għall-għan ta' prijoritizzazzjoni huma: (a)
il-possibilità ta’ reviżjoni tar-Regolament
de minimis, fuq il-bażi ta’ studju tal-impatt dettaljat, b’kont
meħud tas-sitwazzjoni fl-Istati Membri kollha u fis-suq uniku b'mod
ġenerali, kif ukoll l-implikazzjonijiet baġitarji ta' reviżjoni
bħal din, sabiex jiġi eżaminat jekk il-limitu attwali
għadux jikkorrispondi għall-kundizzjonijiet tas-suq; (b)
il-possibilità ta’ tibdil fir-Regolament ta’
Awtorizzazzjoni tal-Kunsill biex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddikjara li
ċerti kategoriji ta’ għajnuna jkunu kompatibbli mas-suq intern u
għalhekk ikunu eżenti milli jiġu notifikati minn qabel. Sussegwentement
dan għandu jippermetti li jkun hemm żieda fit-tipi ta’ għajnuna
li, skont l-esperjenza tal-Kummissjoni, ikunu jistgħu jibbenefikaw minn
kontroll issimplifikat bħal dan, mingħajr ma tiddgħajjef
is-superviżjoni effiċjenti mill-Kummissjoni u l-monitoraġġ
li jsir wara. Dawk it-tipi ġodda ta’ għajnuna li jistgħu jkunu
koperti mir-Regolament ta’ Awtorizzazzjoni jistgħu jinkludu,
pereżempju: għajnuna għall-kultura; għajnuna
għall-ħsara kkawżata minn diżastri naturali; għajnuna
(parzjali) għal proġetti ffinanzjati mill-UE bħal
pereżempju JESSICA; u oħrajn. (c)
reviżjoni u l-possibilità ta’ estensjoni tar-Regolament
għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa fir-rigward
tal-kategoriji ta’ għajnuna koperti mir-Regolament ta’ Awtorizzazzjoni
rrivedut, sabiex jingħata kontribut biex ir-riżorsi pubbliċi
jiġu direzzjonati aħjar lejn ċerti għanijiet stabbiliti sew
filwaqt li jiġi ssimplifikat il-proċess amministrattiv ta’
miżuri mfassla sew b’ammont relattivament baxx ta’ għajnuna. 21. Jekk il-Kummissjoni
tiddeċiedi li żżid id-daqs u l-firxa ta' miżuri ta'
għajnuna li jkunu eżenti mill-obbligu ta' notifika, jiżdiedu
r-responsabilitajiet tal-Istati Membri biex jiżguraw li l-infurzar
tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat isir korrettement. B’iktar
miżuri eżenti mir-rekwiżit ta’ notifika, l-Istati Membri se
jkollhom jiżguraw li jkun hemm konformità minn qabel mar-regoli dwar
l-għajnuna mill-Istat fil-każ ta’ miżuri de minimis u
skemi u każijiet ta' eżenzjonijiet ġenerali, b'koordinazzjoni
stretta mal-Kummissjoni li tkompli teżerċita kontroll ta’ wara fuq
dawn il-miżuri. Il-Kummissjoni se tistenna li jkun hemm kooperazzjoni
aħjar min-naħa tal-Istati Membri f’termini ta’ kwalità u puntwalità
fis-sottomissjoni ta’ informazzjoni u fit-tħejjija tan-notifiki, kif ukoll
li jkun hemm sistemi nazzjonali effettivi (inkluż infurzar privat) li
jiżguraw li l-miżuri ta' għajnuna mill-Istat li jkunu
eżenti minn notifika minn qabel ikunu jikkonformaw mal-liġi tal-Unjoni.
Jista’ jkun hemm inqas piż amministrattiv minħabba inqas obbligi ta’
notifika biss jekk dan ikun akkumpanjat minn żieda fl-impenn u
fir-riżultati min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali f’termini ta’
konformità. Konsegwentement, il-kontrolli li tagħmel il-Kummissjoni wara
se jkollhom jiżdiedu, anki peress li r-riżultati attwali
tal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni mill-Istati Membri
tal-miżuri suġġetti għal eżenzjoni ġenerali qed
juri li spiss ikun hemm nuqqas ta’ konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.
B’dan il-mod jista' jkun żgurat li l-infurzar ikun effikaċi. 2.3. Simplifikazzjoni tar-regoli u
teħid ta’ deċiżjonijiet iktar malajr 22. Maż-żmien, ir-regoli
dwar l-għajnuna mill-Istat żviluppaw f'qafas legali kumpless. Hemm
lok biex ir-regoli jiġu ċċarati u ssimplifikati, tiżdied
il-konsistenza u jiġi ssimplifikat il-proċess ta’ valutazzjoni. Hemm
bżonn li jiġu spjegati aħjar il-kunċetti tal-għajnuna
mill-Istat u jiġu kkonsolidati r-regoli orizzontali u sostantivi
tagħna. 23. Il-Kummissjoni hija obbligata
li teżamina l-allegazzjonijiet kollha dwar għajnuna potenzjali
mingħajr ma tkun kapaċi tistabbilixxi fil-prattika prijoritajiet
fl-indirizzar tal-ilmenti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni mhux dejjem tkun
f'pożizzjoni li tikseb mingħand il-partijiet informazzjoni kompleta u
korretta, u dan jista’ jtawwal il-proċeduri. Hemm bżonn li jiġu
ssimplifikati u rriformati l-proċeduri sabiex id-deċiżjonijiet
jittieħdu f’perjodi ta’ żmien rilevanti għan-negozju,
b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri. L-elementi tal-pakkett li
jikkontribwixxu għal dak l-għan huma: (a)
kjarifika u spjegazzjoni aħjar tal-kunċett
tal-għajnuna mill-Istat: il-kunċett ta’ għajnuna huwa
kunċett oġġettiv iddefinit direttament mit-Trattat
fl-Artikolu 107 bħala kwalunkwe miżura li tirriżulta
f’intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li jkollu effett
fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, li jagħti vantaġġ li
min jirċevih u li jwassal għal distorsjoni jew jhedded li jwassal għal
distorsjoni għall-kompetizzjoni. Ir-rwol tal-Kummissjoni f’dak ir-rigward
huwa limitat għall-għoti ta' kjarifika dwar kif hi tifhem u tapplika
d-dispożizzjonijiet tat-Trattat, kif interpretati mill-Qorti
tal-Ġustizzja. F’dawk il-limiti, il-Kummissjoni se tipprovdi kjarifika
ulterjuri dwar il-kunċetti prinċipali relatati mal-kunċett ta'
għajnuna bl-għan li tikkontribwixxi għal implimentazzjoni iktar
sempliċi; (b)
Modernizzazzjoni tar-Regolament Proċedurali
dwar l-għajnuna mill-Istat f’dak li jirrigwarda t-trattament
tal-ilmenti u l-għodod ta’ informazzjoni tas-suq, sabiex il-Kummissjoni
tkun tista’ tiffoka l-azzjoni tagħha aħjar fuq każijiet li huma
l-iktar rilevanti għas-suq intern. Dan jirrikjedi li l-Kummissjoni tkun
tista’ tistabbilixxi prijoritajiet għat-trattament tal-ilmenti, sabiex
tipprijoritizza allegazzjonijiet ta' għajnuna potenzjali li jkollha impatt
kbir fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ fis-suq intern. Parallelament,
sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tinvestiga b'effiċjenza każijiet
ta' għajnuna b’impatt sinifikati, għandu jkollha għodod iktar
effiċjenti biex tikseb l-informazzjoni kollha meħtieġa
mill-parteċipanti fis-suq minn kmieni sabiex tkun tista' tieħu
deċiżjonijiet f'perjodu ta' żmien rilevanti għan-negozju. Dawn
il-proċeduri ta’ modernizzazzjoni jippermettu wkoll li l-Kummissjoni twettaq
investigazzjonijiet b’inizjattiva tagħha stess dwar tfixkil sinifikanti
fil-kompetizzjoni li jxekkel is-suq intern. Għandhom jippermettu wkoll li
ssir verifika malajr tal-effetti fuq is-suq ta' miżuri li jippermettu li
d-deċiżjonjiet jittieħdu iktar malajr. 3. il-passi li jmiss 24. Il-modernizzazzjoni
tal-għajnuna mill-Istat kif deskritta hawn fuq għandha
tirriżulta f'arkitettura aktar ċara u koerenti tal-kontroll
tal-għajnuna mill-Istat. Il-miżuri potenzjali varji deskritti hawn
fuq jikkostitwixxu elementi integrati ta’ pakkett wieħed ta’ riforma. 25. Għalhekk, il-miżuri
potenzjali deskritti hawn fuq jaħdmu flimkien biex jiksbu l-għanijiet
ta' livell għoli – huma jappoġġaw lil xulxin u huma
interdipendenti. Pereżempju, il-miżuri proċedurali possibbli li
qed jiġu suġġeriti hawn fuq għandhom jippermettu li
d-deċiżjonijiet jittieħdu b’iktar ħeffa u jippermettu
lill-Kummissjoni li tiffoka l-infurzar tagħha fuq l-affarijiet l-iktar
importanti fuq il-livell tal-UE. L-istess loġika tapplika
għat-twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament għal
Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa permezz ta' modifika
tar-Regolament ta’ Awtorizzazzjoni. 26. Fid-dawl ta' dik
l-interdipendenza bejn l-għanijiet u l-elementi tal-pakkett, u sabiex
jinkiseb il-massimu possibbli mir-riżultati tal-modernizzazzjoni
tal-għajnuna mill-Istat, huwa mixtieq ukoll li l-elementi prinċipali
tar-riforma jidħlu fis-seħħ fl-istess ħin. Għaldaqstant
il-proċessi differenti se jibdew mill-adozzjoni ta’ din il-Komunikazzjoni,
u l-istrumenti prinċipali tal-pakkett, inklużi l-atti tal-Kunsill,
għandhom jiġu adottati sal-aħħar tal-2013. 27. Biex tintlaħaq din
il-mira, il-proposti tal-Kummissjoni għar-Regoli ta’ Proċedura u ta’
Awtorizzazzjoni għandhom jiġu adottati fil-ħarifa tal-2012. Il-Kummissjoni
se timmira li tiżviluppa l-bqija tal-pakkett matul ix-xhur li ġejjin
bil-ħsieb li l-atti tal-Kummissjoni u l-linji gwida prinċipali
jiġu riveduti u ssimplifikati progressivament sal-aħħar
tal-2013. Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tikkonsulta lill-Istati
Membri u tibda djalogu miftuħ mal-Parlament Ewropew u ma’ partijiet
interessati oħrajn, bl-għan li tiġbor informazzjoni biex isir
dibattitu dwar il-proposti għall-modernizzazzjoni tal-għajnuna
mill-Istat. [1] Dan jimplika wkoll l-eliminazzjoni gradwali tas-sussidji
li jwasslu għal użu ineffiċjenti ta’ riżorsi jew ħsara
ambjentali f’konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Pjan Direzzjonali
għal Ewropa b'Użu Effiċjenti tar-Riżorsi”,
COM(2011) 571 finali, p. 10. [2] Ħarsa ġenerali lejn in-nefqa pubblika
għall-għajnuna mill-Istat tinsab fit-“Tabella ta’ Valutazzjoni dwar
l-Għajnuna mill-Istat - Rapport dwar l-għajnuna mill-Istat
mogħtija mill-Istati Membri tal-UE”, COM(2011) 848 finali. [3] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Ewropa 2020 –
Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u
inklużiv”, COM(2010) 2020 finali, 3.3.2010, p. 20. [4] Studju komparattiv imwettaq mid-WTO fl-2006
jissuġġerixxi li l-livell ta’ għajnuna mogħti lill-Istati
Membri tal-UE huwa paragunabbli mal-livelli mogħtija mill-imsieħba
kummerċjali ewlenin tal-UE. Ara r-Rapport tal-World Trade
Organization tal-2006 “Exploring the links between subsidies, trade
and the WTO.” http://www.wto.org/english/res_e/booksp_e/anrep_e/world_trade_report06_e.pdf.
Ara Taqsima II“Subsidies, Trade and the WTO”, Kapitolu E “The
Incidence of Subsidies”.