Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009PC0136

    Proposta għal deċiżjoni qafas tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, u l-protezzjoni tal-vittmi, li tirrevoka d-Deċiżjoni Kwadru 2002/629/JHA {SEG(2009) 358} {SEG(2009) 359}

    /* KUMM/2009/0136 finali - CNS 2009/0050 */

    52009PC0136




    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 25.3.2009

    KUMM(2009) 136 finali

    2009/0050 (CNS)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI QAFAS TAL-KUNSILL

    dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, u l-protezzjoni tal-vittmi,

    li tirrevoka d-Deċiżjoni Kwadru 2002/629/JHA {SEG(2009) 358}{SEG(2009) 359}

    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1. KUNTEST TAL-PROPOSTA

    1.1. Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

    It-traffikar tal-bnedmin huwa kkunsidrat bħala wieħed mill-iktar reati serji fid-dinja, vjolazzjoni kbira tad-drittijet umani, forma moderna ta' skjavitù, u negozju ta' profitt qawwi għall-kriminalità ogranizzata. Dan jikkonsisti fir-reklutaġġ, it-trasferiment u r-riċeviment ta' persuni, mwettqa b'mezzi ta' sfruzar, qarrieqa jew abbużivi, għal għan ta' sfruttar inkluż sfruttar sesswali u ta' xogħol, xogħol furzat, servitù domestika u forom oħra ta' sfruttament inkluż it-teħid ta' organi.

    Għalhekk it-tweġiba għat-traffikar għandha tkun robusta, u għandha timmira lejn il-prevenzjoni u l-prosekuzzjoni tar-reat kif ukoll lejn il-protezzjoni tal-vittmi.

    1.2. Kuntest ġenerali

    Numru ta' Stati Membri tal-UE huma pajjiżi ta' destinazzjoni prinċipali għall-fluss tat-traffikar tal-bnedmin minn pajjiżi terzi. Barra minn hekk, hemm evidenza ta' fluss tat-traffikar fi ħdan l-UE. Huwa raġonevoli li jkun stmat miċ-ċifri disponibbli li diversi mijiet ta' eluf ta' persuni huma ttrafikati fiż-żona tal-UE u fi ħdan iż-żona tal-UE kull sena.

    Wieħed jista' jargumenta li l-vulnerabbiltà soċjali hija l-kawża priniċipali tat-traffikar tal-bnedmin. Il-vulnerabbiltà tiġi minn fatturi ekonomiċi u soċjali bħal ma huma l-faqar, id-diskriminazzjoni bejn is-sessi, il-kunflitti armati, il-vjolenza domestika, familji disfunzjonali u ċirkustanzi personali bħal ma huma l-età, il-kundizzjonijiet tas-saħħa jew diżabilitajiet. Din il-vulnerabbiltà hija użata min-netwerks tal-kriminalità organizzata biex tiffaċilita l-migrazzjoni u b'konsegwenza tisfrutta n-nies b'mod gravi bl-użu tal-forza, theddid, sfurzar, jew forom differenti ta' abbuż bħall-jasar tad-dejn. Fil-fatt il-livell għoli ta' profitti magħmula huwa l-mutur prinċipali tal-attività. It-talba għal servizzi sesswali u xogħol bl-irħis u fattur li jmexxiha wkoll.

    1.3. Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

    Il-Konvenzjoni tal-NU dwar id-Drittijet tat-Tfal, adottata fl-1989 timmira li tipproteġi t-tfal minn kull forma ta' sfruttament sesswali u abbużż sesswali. Dan l-obbligu jestendi għall-isfruttament u l-abbuż sesswali mwettaq kontra tfal fil-kuntest tat-traffikar tal-bnedmin.

    Fis-sena 2000, in-NU adottaw Protokoll għall-Prevenzjoni, it-Trażżin u l-Ikkastigar tat-Traffikar tal-Persuni, speċjalment tan-Nisa u tat-Tfal, sabiex tissupplimenta l-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Kriminalità Tranżnazzjonali Organizzata. Il-Protokoll kien l-ewwel strument internazzjonali komprensiv li jittratta t-traffikar tal-bnedmin. Sa Marzu tal-2009, il-Protokoll ġie ratifikat minn 23 Stat Membru tal-UE, u l-4 l-oħra ffirmawh. Il-Kummissjoni Ewropea ffirmat u approvat il-Protokoll.

    Il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-Azzjoni kontra t-Traffikar tal-Bnedmin tipprovdi qafas komprensiv u koerenti li jkopri l-prevenzjoni, l-kooperazzjoni bejn atturi differenti, il-protezzjoni u l-għajnuna għall-vittmi, u obbligu biex ikun ikkriminalizzat it-traffikar tal-bnedmin. L-implimentazjzoni ta' dawn il-miżuri twassal għal titjib sinifikanti. Il-Konvenzjoni ġiet ratifikata minn 12-il Stat Membru tal-UE. Tlettax oħra ffirmawha u qegħdin fil-proċess ta' ratifikazzjoni.

    Id-Deċiżjoni Qafas (DQ) dwar il-ġlieda kontra ttraffikar tal-bnedmin ġiet adottata fid-19 ta' Lulju 2002 bħala tweġiba għal ħtieġa li tinħass ġeneralment biex ir-reat kriminali serju tat-traffikar tal-bnedmin ikun indirizzat fuq livell tal-UE. Rapport dwar l-implimentazzjoni tad-DQ kien adottat mill-Kummissjoni f'Mejju tal-2006.

    Id-Direttiva 2004/81/KE tipprovdi għall-għajnuna u status ta' residenza għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma vittmi tat-traffikar. Il-Kummissjoni se tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2004/81/KE fil-ħarifa tal-2009 u se tikkunsidra l-miżuri xierqa għar-raffurzar addizzjonali tal-protezzjoni offerta lill-vittmi mill-Istati Membri.

    1.4. Konsistenza mal-bqija tal-politiki u l-miri tal-Unjoni Ewropea

    Il-ġlieda kontra kull forma ta' vjolenza bbażata fuq is-sess inkluż it-traffikar tifforma parti integrali mill-impenn meħud mill-Kummissjoni fil-Pjan dwar l-ugwaljanza bejn is-Sessi[1]. Il-ġlieda kontra t-traffikar tat-tfal ukoll hija inkluża fl-istrateġija dwar id-drittijiet tat-tfal[2]. L-għan tal-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-għajnuna tal-vittmi huwa konsistenti mar-regolament fid-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2001/220/JHA dwar il-pożizzjoni tal-vittmi fil-proċedura kriminali[3], u d-Direttiva tal-Kunsill 2004/81/KE dwar il-permessi ta' residenza[4] li tittratta kwestjonijiet ta' immigrazzjoni u tapplika biss għal ċittadini ta' pajjiżi terzi. Id-dispożizzjonijiet kollha inklużi f'din id-Deċiżjoni Qafas japplikaw sa fejn il-kwistjoni mhix koperta mid-Direttiva msemmija hawn fuq. L-għan tal-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin huwa konsistenti wkoll mad-Direttiva tal-Kunsill 2004/80/KE dwar il-kumpens tal-vittmi ta' reati li għandha l-għan li tiffaċilita l-aċċess għall-kumpens f'sitwazzjonijiet transkonfinali[5] u mad-Deċiżjoni Qafas 2008/841/JHA dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata[6]. It-traffikar tal-bnedmin huwa inkluż fil-lista ta' reati li jwasslu għall ċediment skont mandat ta' arrest Ewropew f'konformità mad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/JHA dwar il-mandat ta' arrest Ewropew[7]. L-għanijiet imsemmija hawn fuq huma kompletament konsistenti ma' dawn l-istrumenti, kif ukoll mal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar it-Traffikar tal-Bnedmin u mal-mandati tal-Europol u l-Eurojust

    Kull azzjoni tal-Unjoni f'dan il-qasam għandha tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta tal-UE) u l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet Umani u l-Libertajiet Fundamentali (ECHR). L-Istati Membri, meta jimplimentaw il-liġi tal-Unjoni, għandhom jagħmlu dan skont dawn id-drittijiet u l-prinċipji.

    Din il-proposta saret suġġett għal skrutinju fil-fond biex ikun żgurat li d-dispożizzjonijiet tagħha jkunu kompatibbli bis-sħiħ mad-drittijiet fundamentali u partikolarment id-dinjità umana, il-projbizzjoni tal-iskjavitù, ix-xogħol furzat u t-traffikar tal-bnedmin, il-projbizzjoni tat-tortura u t-trattament jew kastig inuman u degradanti , il-projbizzjoni tal-iskjavitù u x-xogħol fouzat, id-drittijiet tat-tfal, id-dritt għall-libertà u s-sigurtà, il-libertà ta' espressjoni u informazzjoni, il-protezzjoni tad-dejta personali, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust u l-prinċipju ta' legalità u proporzjonalità tar-reati kriminali u l-pieni.

    Ingħatat attenzjoni partikolari għall-Artikolu 5(3) tal-Karta tal-UE li espliċitament tipprojbixxi t-traffikar tal-bnedmin. Barra minn hekk, l-Artikolu 24 tal-Karta tal-UE kien ta' importanza, billi ħafna mill-vittmi tat-traffikar tal- bnedmin huma tfal. Provvedimenti dwar il-protezzjoni u l-għajnuna lill-vittmi għandhom impatt pożittiv fuq id-drittijiet fundamentali. Id-dritt ta' protezzjoni mill-iskjavitù, x-xogħol furzat u s-servitù ġie rrikonoxxut mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Id-dritt tal-vittmi għal investigazzjoni preċiża, imparzjali, effettiva u mgħaġġla huwa wkoll involut, u jsir effettiv b'rikonoxximent aħjar tar-rwol tal-vittma fil-proċeduri kriminali.

    Jista' jinħoloq impatt negattiv mir-rwol iktar immarkat tal-vittma fil-proċeduri kriminali, jekk dan ir-rwol imsaħħaħ ikun b'mod li jpoġġi fil-periklu d-drittijiet proċedurali tal-konvenut (l-Artkolu 48 taċ-Charter tal-UE) u d-dritt għal difiża (l-Artikolu 48 taċ-Charter tal-UE). Madanakollu, il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem stabbiliet prinċipji ċari biex tirrikonċilja d-drittijiet rispettivi tal-konvenut u tal-vittma. Għalhekk ġiet żgurata kompatibbiltà sħiħa mad-drittijiet tad-difiża bl-abbozzar bir-reqqa tat-test leġiżlattiv, li huwa l-bażi għall-implimentazzjoni xierqa mill-Istati Membri.

    2. KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

    2.1. Konsultazzjoni mal-partijiet interessati

    2.1.1. Metodi ta' konsultazzjoni, is-setturi ewlenin indirizzati u l-profil ġenerali tal-partijiet

    Wara t-talba tal-Kunsill għall-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Pjan tal-UE, ġie ċċirkolat kwestjonarju mill-Kummissjoni fost l-Istati Membri (SM) f'Diċembru tal-2007. Tlieta u għoxrin SM u n-Norveġja wieġbu. Ir-riżultati ġew meqjusa fid-Dokument ta' Ħidma tal-Kummissjoni adottat fis-17 ta' Ottubru 2008.

    Saru tliet laqgħat konsultattivi sabiex tkun abbozzata valutazzjoni tal-impatt. Il-Grupp ta' Esperti dwar it-Traffikar tal-Bnedmin iltaqgħu fit-2 u t-3 ta' Ottubru 2008, u wara diskussjoni estensiva, ħarġu opinjoni bil-miktub. Fis-7 ta' Ottubru 2008 saret laqgħa konsultattiva ma' esperti minn oqsma differenti inklużi gvernijiet, aġenziji tal-infurzar tal-liġi, organizzazzjonijiet mhux governattivi, organizzazzjonijiet internazzjonali u universitajiet. Fis-17 ta' Ottubru 2008 il-parteċipanti kienu mistiedna biex wara jittrażmettu l-kummenti bil-miktub, u numru ta' esperti bagħtuhom. Saret laqgħa mar-rappreżentanti tal-Istati Membri .

    2.1.2. Sinteżi tar-reazzjonijiet u ta' kif dawn ġew ikkunsidrati

    - Il-Grupp ta' Esperti tal-Kummissjoni Ewropea dwar it-Traffikar tal-Bnedmin, fl-opinjoni bil-miktub tiegħu, enfasizza bħala prinċipji gwida, il-ħtieġa għal qafas legali adegwat f'kull pajjiż, il-ħtieġa li d-drittijiet umani jsiru kwistjoni ta' importanza kbira, li jittieħed approċċ ħolistiku, koordinat u integrat biex jgħaqqad il-politiki tal-gvern dwar it-traffikar tal-bnedmin ma' dawk dwar il-migrazzjoni, li jkunu rispettati d-drittijiet tat-tfal, li tkun promossa r-riċerka dwar it-traffikar tal-bnedmin u li jkun sorveljat l-impatt tal-politiki kontra t-traffikar.

    - Ħafna mill-partijiet ikkonċernati qablu dwar il-ħtieġa ta' dispożizzjonijiet speċifiċi mmirati biex isaħħu l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni. Ir-rwol kruċjali tal-miżuri tal-għajnuna ġew enfasizzati b'mod ġenerali.

    - Il-kwistjoni biex ikun introdott obbligu speċifiku biex ikunu kkriminaliżati l-klijenti li jafu li qed jużaw servizzi sesswali minn persuni ttraffikati kienet kontroversjali fost il-partijiet ikkonċernati. Numru ta' SM semmew li f'kull każ dispożizzjoni bħal din m'għandhiex tkun torbot.

    2.2. Ġbir u użu tal-għarfien espert

    Ma kienx hemm ħtieġa ta’ kompetenza esterna.

    2.3. Valutazzjoni tal-impatt

    Ġew eżaminati numru ta' għażliet politiki bħala mezz biex jintlaħqu b'mod iktar effettiv l-għanijiet tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra traffikar tal-bnedmin, u biex il-vittmi ikunu protettti aħjar.

    - Għażla ta’ Politika (1): L-ebda azzjoni ġdida mill-UE

    L-UE ma tieħu ebda azzjoni biex tiġġieled it-traffikar tal-bnedmin, waqt li l-Istati Membri jistgħu jkomplu bil-proċess ta' ffirmar u ratifikazzjoni tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-Azzjoni kontra t-Traffikar tal-Bnedmin.

    - Għażla ta’ Politika (2): Miżuri mhux leġiżlattivi

    Id-DQ 2004/629/JHA ma tkunx emendata. Jistgħu isiru miżuri mhux leġiżlattivi fil-qasam tal-skemi ta' appoġġ għall-vittmi, il-monitoraġġ, il-miżuri ta' prevenzjoni fil-pajjiżi destinatarji, il-miżuri ta' prevenzjoni fil-pajjiżi ta' oriġini, it-taħriġ, u l-kooperazzjoni fil-qasam tal-infurzar tal-liġi.

    - Għażla ta’ Politika (3): Leġiżlazzjoni ġdida dwar il-prosekuzzjoni, l-appoġġ għall-vittmi, il-prevenzjoni u l-monitoraġġ

    Tkun adottata DQ ġdida bl-inkorporazzjoni tad-dispożizzjonijiet fid-DQ eżistenti, flimkien ma' ċerti dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tal-KtE u elementi oħra. B'mod partikolari, id-DQ ġdida jkollha dispożizzjonijiet fil-qasam tal-liġi kriminali sostantiva il-ġurisdizzjoni u l-prosekuzzjoni, id-drittijiet tal-vittmi fil-proċeduri kriminali, l-għajnuna għall-vittmi, miżuri protettivi speċjali għat-tfal, il-prevenzjoni u l-monitoraġġ.

    - Għażla ta’ Politika (4): Leġiżlazzjoni ġdida (bħal tal-għażla 3) + miżuri mhux leġiżlattivi (bħal tal-għażla 2)

    - DQ ġdida tkun adottata, li tinkorpora d-DQ eżistenti kif ukoll dispożizzjonijiet ġodda. Id-DQ l-ġdida tkun supplimentata b'miżuri mhux leġiżlattivi, u b'mod partikolari dawk identifikati fl-għażla 2.

    - Wara l-analiżi tal-impatti ekonomiki, l-impatti soċjali u l-impatti fuq id-drittijet fundamentali, l-għażliet 3 u 4 juru l-aħjar approċċ għall-problema u għandhom jilħqu bis-sħiħ l-għanijiet identifikati. L-aħjar għażla tkun l-għażla 4.

    3. ELEMENTI ġURIDIċI TAL-PROPOSTA

    3.1. Sinteżi tal-azzjoni proposta

    Id-DQ l-ġdida, minbarra d-dispożizzjonijiet fid-DQ attwali, tinkludi l-elementi ġodda li ġejjin:

    A Dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali sostantiva

    - Definizzjoni;

    - Pieni u ċirkostanzi aggravanti;

    - Ma jkunux applikati sanzjonijiet lill-vittmi.

    B Ġurisdizzjoni u prosekuzzjoni

    - Regoli ta' ġurisdizzjoni extraterritorjali iktar wiesgħa u li jorbtu iktar;

    - Il-koordinazzjoni tal-prosekuzzjoni; din id-dispożizzjoni tista' tkun issuperata ladarba l-Proposta għall-Deċiżjoni Qafas dwar il-kunflitti tal-ġurisdizzjoni fil-proċeduri kriminali tkun adottata[8].

    - Għodod investigattivi.

    C Id-Drittijiet tal-vittmi fil-proċeduri kriminali

    - Trattament speċjali bil-għan li jipprevjeni vittimizzazzjoni sekondarja;

    - Protezzjoni fuq il-bażi ta' valutazzjoni tar-riskju;

    - Kumpens, inkluż l-aċċess għall-fondi eżistenti.

    D Appoġġ għall-vittmi

    - It-twaqqif ta' mekkaniżmu ta' identifikazzjoni prekoċi u għajnuna għall-vittmi;

    - Standard ta' għajnuna inkluż aċċess għat-trattament mediku neċessarju counselling u għajnuna psikoloġika;

    - Miżuri speċjali għat-tfal.

    E Prevenzjoni

    - Azzjoni mmirata biex tiskoraġġixxi t-talba għas-servizzi sesswali u x-xogħol bl-irħis;

    - Taħriġ;

    - Il-kriminalizzazzjoni tal-utenti ta' servizzi li jiġu minn persuna, meta dawn ikunu jafu li din il-persuna qed tkun ittraffikata.

    F Monitoraġġ

    - Jkunu stabbiliti Rapporteurs Nazzjonali jew mekkaniżmi ekwivalenti.

    3.2. Il-Valur miżjud tal-proposta, meta mqabbel mal-Konvenzjoni tal-KtE tal-2005 dwar azzjoni kontra t-traffikar tal-bnedmin

    Il-proposta tibni fuq il-Konvenzjoni tal-KtE u tadotta l-istess approċċ ħolistiku inklużi l-prevenzjoni, il-prosekuzzjoni, il-protezzjoni tal-vittmi u l-monitoraġġ. Barra minn dan, il-proposta turi dawn l-elementi prinċipali ta' valur miżjud li ġejjin:

    - Dispożizzjonijiet ġodda li jipprevedu trattament speċifiku għall-vittmi vulnerabbli fil-proċeduri kriminali, immirati lejn il-prevenzjoni ta' vittimizzazzjoni sekondarja (l-Artikolu 9).

    - Ambitu usa' tad-dispożizzjoni dwar in-nuqqas ta' applikazzjoni ta' sanzjonijiet lill-vittmi għall-involviment tagħhom f'attivitajiet illegali, kwalunkwe mezzi illeċiti li ntużaw mit-traffikanti (l-Artikolu 6).

    - Standard ogħla ta' għajnuna lill-vittmi, speċjalment dwar it-trattament mediku (l-Artikolu 10).

    - Regola ta' ġurisdizzjoni extraterritorjali usa' u li torbot iktar, li tobbliga lill-Istati Membri li jipproċedu kontra ċittadini u residenti abitwali li wettqu r-reat tat-traffikar barra mit-territorju tal-Istat Membru (l-Artikolu 8).

    - Livell ta' pieni preċiż adattat għas-severità tar-reat (l-Artikolu 3).

    - Barra minn dan, l-integrazzjoni ta' dispożizzjonijiet li għandhom kontenut simili fl-acquis tal-UE juri l-vantaġġi relatati ma' rabta iktar b'saħħitha maħluqa mill-ordni legali tal-UE, preċiżament id-dħul fis-seħħ immedjat, u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni.

    3.3. Bażi ġuridika

    L-Artikoli 29, 31(1)(e), 34(2)(b) tat-TUE.

    4. IL-PRINċIPJI TAS-SUSSIDJARJETÀ

    L-għanijiet tal-proposta ma jistgħux jintlaħqu suffiċjentement mill-Istati Membri għar-raġunijiet li ġejjin.

    Il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin teħtieġ sforzi ta' koordinazzjoni fost l-Istati Membri, kif ukoll kooperazzjoni fuq livell internazzjonali sabiex jintlaħqu l-għanijiet tagħha. Id-differenzi fit-trattament legali fl-Istati Membri differenti ifixklu l-isforzi koordinati u l-infurzar tal-liġi internazzjonali u l-kooperazzjoni ġuridika.

    L-azzjoni tal-Unjoni Ewropea tilħaq aħjar l-għanijiet tal-proposta għar-raġuni li ġejja.

    Il-proposta se tqarreb il-liġi kriminali sostantiva u r-regoli u l-proċeduri tal-Istati Membri b'mod iktar estensiv milli d-Deċiżjoni Qafas. Din se jkollha impatt pożittiv fuq il-liġi internazzjonali u l-kooperazzjoni ġudizzjarja u l-protezzjoni u għajnuna mogħtija lill-vittmi. Għalhekk il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

    5. IL-PRINċIPJU TAL-PROPORZJONALITÀ

    Il-proposta hija konformi mal-prinċipju ta' proporzjonalità billi tillimita ruħha għall-minimu rikjest biex tikseb dawk l-għanijiet f'livell Ewropew u ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ għal dak il-għan.

    6. L-GħAżLA TAL-ISTRUMENTI

    L-istrument li qed jiġi propost: Deċiżjoni Qafas.

    Mezzi oħra ma jkunux adegwati. Fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin Deċiżjoni Qafas biss tippermetti t-tqarrib tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u hija meħtieġa beix ittejjeb l-infurzar tal-liġi internazzjonali u l-kooperazjzoni ġuridika

    7. IMPLIKAZZJONI GħALL-BAġIT

    Il-proposta ma għandha ebda implikazzjoni fuq il-baġit Komunitarju.

    8. AKTAR TAGħRIF

    Revoka ta' leġiżlazzjoni eżistenti

    L-adozzjoni tal-proposta se twassal għar-revoka tal-leġiżlazzjoni eżistenti.

    2009/0050 (CNS)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI QAFAS TAL-KUNSILL

    dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, u l-protezzjoni tal-vittmi,

    li tirrevoka d-Deċiżjoni Kwadru 2002/629/JHA

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 u l-Artikolu 31(1) (e) u l-Artikolu 34(2)(b) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,[9]

    Billi:

    (1) It-traffikar tal-bnedmin huwa reat serju, spiss imwettaq fil-qafas tal-kriminalità organizzata, kif ukoll vjolazzjoni kbira tad-drittijiet tal-bniedem.

    (2) L-Unjoni Ewropea hija impenjata li tipprevjeni u tiġġieled kontra t-traffikar tal- bnedmin, u li tipproteġi d-drittijiet tal-persuni ttraffikati. Għal dan il-għan, kienu adottati id-Deċiżjoni kwadru tal-Kunsill 2002/629/JHA tad-19 ta' Lulju 2002 dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin[10] u l-Pjan tal-UE dwar l-aħjar prattiċi, standards u proċeduri għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-persuni u l-prevenzjoni tiegħu, (2005/C311/01)[11].

    (3) Din id-Deċiżjoni Qafas tadotta approċċ integrat u ħolistiku għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin. Prevenzjoni u prosekuzzjoni iktar rigorużi, kif ukoll il-protezzjoni tad-drittijiet tal-vittmi, huma l-għanijiet prinċipali ta' din id-Deċiżjoni Qafas. It-tfal huma aktar vulnerabbli u huma għalhekk esposti għal riskju akbar li jsiru vittmi tat-traffikar tal-bnedmin. Id-dispożizzjonijiet kollha ta' din id-Deċiżjoni Qafas għandhom ikunu applikati fid-dawl tal-aħjar interess tat-tfal u b'rispett għad-drittijiet tat-t-tfal, skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Drittijet tat-Tfal tal-1989[12].

    (4) Il-Protokoll tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Prevenzjoni, it-Trażżin u l-Ikkastigar tat-Traffikar tal-Persuni, speċjalment tan-Nisa u t-Tfal, li jissuplimenta l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Tranżnazzjonali[13], u l-Konvenzjoni tal-2005 tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-Azzjoni kontra t-Traffikar tal-Bnedmin[14] huma passi kruċjali fil-proċess tat-titjib tal-kooperazzjoni internazzjonali kontra t-traffikar tal-bnedmin. Sabiex jissaħħaħ il-proċess tat-tqarrib tal-leġiżlazzjoni, din id-Deċiżjoni Qafas tadotta d-definizzjoni wiesa tar-reati inkluża fl-istrumenti tan-NU u tal-KtE msemmija hawn fuq. Id-definizzjoni tkopri wkoll it-traffikar tal-bnedmin għal-għan tat-teħid tal-organi, li jista' jkun marbut mat-traffikar tal-organi u jikkostitwixxi vjolazzjoni serja tad-dinjità umana u l-integrità fiżika.

    (5) Il-pieni għandhom ikunu effettivi, disważivi u proporzjonali għall-gravità tar-reat, dan ukoll biex l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni jsiru iktar effettivi u jitjiebu l-infurzar tal-liġi internazzjonali u l-kooperazzjoni ġudizzjarja. Iċ-ċirkustanzi aggravanti għandhom jieħdu f'konsiderazzjoni il-ħtieġa tal-protezzjoni tal-vittmi partikolarment vulnerabbli inklużi l-vittmi tfal u adulti li huma vulnerabbli minħabba ċirkostanzi personali, jew konsegwenzi fiżiċi jew psikoloġiċi tar-reat.

    (6) Il-vittmi għandhom ikunu protetti mill-prosekuzzjoni u l-kastig, wara deċiżjoni mill-awtorità kompetenti, għall-attivitajiet illegali li fihom kienu involuti b'konsegwenza diretta tal-fatt li kienu soġġetti għal xi mezz illeċitu użat mit-traffikanti, bħal ma huma vjolazzjonijiet tal-liġijiet tal-immigrazzjoni, l-użu ta' dokumenti foloz, jew reati previsti mill-liġijiet dwar il-prostituzzjoni. Għan ulterjuri ta' din il-protezzjoni huwa li jkunu inkoraġġiti li jagħtu xhieda fil-proċeduri kriminali.

    (7) Waqt li d-Deċiżjoni Qafas tal-15 ta' Marzu 2001 dwar id-drittijiet tal-vittmi fil-proċeduri kriminali (2001/220/JHA)[15] u l-emendi sussegwenti jistabbbilixxu set ta' drittijiet tal-vittmi fil-proċeduri kriminali inkluż id-dritt għall-protezzjoni u l-kumpens, il-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin huma vulnerabbli u għalhekk hemm bżonn miżuri speċifiki fir-rigward tagħhom. Dawn il-vittmi, li jġorru l-konsegwenzi tal-attivitajiet kriminali relatati mat-traffikar tal-bnedmin inkluż it-tneħħija tal-organi, għandhom ikunu protetti mill-intimidazzjoni u mill-vittimizzazzjoni sekondarja jiġifieri vittimizzazzjoni addizzjonali jew trawmi li jiġu mill-mod ta' kif titwettaq il-proċedura kriminali. Barra minn dan, għandhom ikunu stabbiliti mezzi speċifiċi biex ikunu żgurati protezzjoni u kumpens effettivi.

    (8) Il-vittmi għandhom ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom b'mod effettiv. Għalhekk għandha tkun disponibbli għajnuna xierqa lill-vittmi qabel, waqt u wara l-proċeduri kriminali. Din id-Deċiżjoni Qafas tistabbilixxi obbligu fuq l-Istati Membri biex jipprovdu lil kwalunkwe vittma b'għajnuna, li għandha tkun biżżejjed biex tgħinha tirkupra.

    (9) Waqt li d-Direttiva 2004/81/KE tipprovdi għall-ħruġ ta' permess ta' residenza għall-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin li huma ċittadini ta' pajjiż terz, u d-Direttiva 2004/38/KE tirregola l-eżerċizzju tad-dritt tal-moviment u r-residenza ħielsa fit-territorju tal-Istati Membri għal ċittadini tal-Unjoni u l-familji tagħhom, inkluż il-protezzjoni mill-espulsjoni, din id-Deċiżjoni Qafas tistabbilixxi miżuri protettivi speċifiċi għal kull vittma tat-traffikar tal-bnedmin u ma tindirizzax il-kundizzjonijiet tar-residenza tagħhom fit-territorju tal-Istati Membri jew kull kwistjoni oħra li taqa' fil-kompetenza tal-Komunità.

    (10) Barra mill-miżuri disponibbli għall-adulti, kull Stat Membru għandu jiżgura li jkunu disponibbli miżuri ta' protezzjoni speċifiċi għall-vittmi tfal.

    (11) Kull Stat Membru għandu jistabblixxi u/jew isaħħaħ il-politiki biex jipprevjenu t-traffikar tal-bnedmin inklużi miżuri biex jiskoraġixxu t-talba li twassal għal kull forma ta' sfruttament permezz tar-riċerka, it-tagħrif, it-tqajjim tal-kuxjenza u t-tagħlim. F'dawn l-inizjattivi kull Stat Membru għandu jadotta approċċ ta' perspettiva tas-sessi u tad-drittijiet tat-tfal.

    (12) [Id-Direttiva 2009/.../KE tal-Parlament Eworpew u tal-Kunsill tal-... li tipprovdi standards minimi dwar sanzjonijiet kontra min iħaddem ċittadini ta' pajjiżi terzi bla permess ta' residenza] tipprovdi għal pieni għal min iħaddem ċittadini ta' pajjiżi terzi li qegħdin fil-pajjiż illegalment li, waqt li ma ġewx akkużati jew misjuba ħatja mit-traffikar tal-bnedmin, jużaw xogħol jew servizzi li ġejjin minn persuna u jafu li din hija vittma ta' traffikar. Barra minn dan, l-Istati Membri għandhom jieħdu f'konsiderazzjoni l-possibiltà li jagħmlu sanzjonijiet fuq l-utenti ta' kull servizz li ġej minn vittma, li huwa magħruf li din kienet ittraffikata. Din il-kriminalizzazzjoni ulterjuri tista' tinkludi lil minn iħaddem ċittadini ta' pajjizi terzi li qegħdin fil-pajjiz legalment u ċittadini tal-UE, kif ukoll minn jixtri servizzi sesswali minn kull persuna ttrafikata, tkun xi tkun in-nazzjonalità.

    (13) Għandhom ikunu stabbiliti sistemi ta' monitoraġġ nazzjonali bħal ma' huma r-Rapporteurs Nazzjonali jew mekkaniżmi ekwivalenti, sabiex jiġbru d-dejta u jwettqu valutazzjonijiet fuq ix-xejra tat-traffikar, iqisu r-riżultati tal-politika dwar il-ġlieda għat-traffikar, u jagħtu parir lill-gvernijiet u lill-parlamenti dwar l-iżvilupp ta' azzjonijiet kontra t-traffikar tal-bnedmin. Dawn il-mekkaniżmi u l-miżuri huma essenzjali sabiex tiġi stabbilita politika ta' kontra t-traffikar effettiva.

    (14) Billi l-għan ta' din id-Deċiżjoni Qafas, preċiżament il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, ma jistax jintlaħaq b'mod sodisfaċenti mill-Istati Membri waħedhom u jista' għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jiġi milħuq aħjar fuq il-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif imsemmi fl-Artikolu 2 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea u kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu tal-aħħar, din id-Deċiżjoni Kwadru ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq dak il-għan.

    (15) Din id-Deċiżjoni Qafas tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rrikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u notament id-dinjità umana, il-projbizzjoni tal-iskjavitù, ix-xogħol furzat u t-traffikar tal-bnedmin, il-projbizzjoni tat-tortura u t-trattament jew kastig inuman u degradanti, id-drittijiet tat-tfal, id-dritt għall-libertà, sigurtà, libertà ta' espressjoni u informazzjoni, il-protezzjoni tad-dejta personali, id-dritt għal rimedu effettiv u għal proċess ġust u l-prinċipju ta' legalità u proporzjonalità tar-reati kriminali u l-pieni. B'mod partikolari, din id-Deċiżjoni Qafas tfittex li tiżgura r-rispett sħiħ ta' dawn id-drittijiet u l-prinċipji.

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI QAFAS:

    Artikolu 1

    Reati li jkkonċernaw it-traffikar tal-bnedmin

    1. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li l-atti li ġejjin ikunu kastigabbli:

    Ir-reklutaġġ, trasport, trasferiment, kenn, lqugħ ta' persuni, permezz tat-theddida jew l-użu tal-forza jew forom oħra ta' sfurzar, ta' ħtif, ta' frodi, ta' qerq, ta' abbuż tal-poter jew ta' pożizzjoni ta' vulnerabbiltà jew tal-għotja jew talli jirċievu ħlasijiet jew benefiċċji biex jinkiseb il-kunsens ta' persuna li jkollha kontroll fuq persuna oħra, għall-għan ta' sfruttament.

    2. Pożizzjoni ta' vulnerabbiltà isseħħ fil-każ meta persuna ma' jkollhiex alternattiva reali u aċċettabbli iżda li tissottometti għall-abbuż involut.

    3. L-isfruttament għandu jinkludi, tal-inqas, l-isfruttament tal-prostituzzjoni ta' oħrajn jew forom oħra ta' sfruttament sesswali, xogħol jew servizzi sfurzati, skjavitù jew prattiċi simili għall-skjavitù, sfruttament tal-attivitajiet assoċjati mas-sisija jew attivitajiet oħra illegali, jew it-teħid ta' organi.

    4. Il-kunsens ta' vittma tat-traffikar tal-persuni għall-isfruttament, mixtieq jew reali, għandu jkun irrelevanti fejn xi wieħed mill-mezzi msemmija fil-paragrafu 1 ikunu ġew użati.

    5. Meta l-għemil imsemmi fil-paragrafu 1 jinvolvi tfal, għandu jkun reat ta' traffikar tal-bnedmin kastigabbli anke jekk ebda mill-mezzi msemmija fil-paragrafu 1 ma jkunu ġew użati.

    6. Għall-għan ta' din id-Deċiżjoni Qafas, "tfal" għandha tfisser kull persuna taħt it-18-il sena.

    Artikolu 2

    Istigazzjoni, għajnuna, kompliċità u attentati

    Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li l-istigazzjoni, l-għajnuna, it-tixwix jew attentati sabiex jitwettaq reat msemmi fl-Artikolu 1 ikunu kastigabbli.

    Artikolu 3

    Pieni u ċirkostanzi aggravanti

    1. Kull Stat Membri għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li reat msemmi fl-Artikolu 1 u 2 ikun kastigabbli permezz ta' piena massima ta' ħabs li ma tkunx inqas minn sitt snin.

    2. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li reat msemmi fl-Artikolu 1 ikun kastiggabbli b'sentenzi ta' ħabs b'piena massima li ma tkunx anqas minn għaxar snin fejn ikun twettaq f'xi waħda miċ-ċirkustanzi li ġejjin:

    (a) ir-reat twettaq minn uffiċjal waqt il-qadi ta' dmirijietu/ha;

    (b) ir-reat sar kontra vittma li kienet partikolarment vulnerabbli.

    (d) ir-reat kien imwettaq fil-qafas ta' organizzazzjoni kriminali fit-tifsira tad-Deċiżjoni Qafas 2008/841/JHA[16].

    3. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li reat msemmi fl-Artikolu 1 ikun kastiggabbli b'sentenzi ta' ħabs b'piena massima li ma' tkunx anqas minn tnax-il sena fejn ikun twettaq f'xi waħda miċ-ċirkustanzi li ġejjin:

    (a) ir-reat poġġa l-ħajja tal-vittmi fil-periklu;

    (b) ir-reat ikun twettaq bl-użu tal-vjolenza serja jew ikun ikkawża ħsara partikolarment serja lill-vittma.

    Artikolu 4

    Responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi

    1. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li persuni ġuridiċi jkunu jistgħu jinżammu responsabbli għal reat msemmi fl-Artikolu 1 u 2, li jkunu saru għall-benefiċċju tagħhom minn kwalunkwe persuna, li jaġixxu individwalment jew bħala parti minn organu tal-persuna ġuridika, li jkollhom pożizzjoni ta' tmexxija fi ħdan il-persuna ġuridika, bbażata fuq:

    (a) setgħa ta’ rappreżentanza tal-persuna ġuridika, jew

    (b) awtorità li tieħu deċiżjonijiet f’isem il-persuna ġuridika, jew

    (c) awtorità li teżerċita kontroll fi ħdan il-persuna ġuridika.

    2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li persuna ġuridika tista' tinżamm responsabbli meta n-nuqqas ta' superviżjoni jew kontroll, minn persuna msemmija fil-paragrafu 1, jkun għamel possibbli t-twettiq tar-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 1 u 2 għall-benefiċċju ta' dik il-persuna ġuridika minn persuna taħt l-awtorità tagħha.

    3. Ir-responsabbiltà ta’ persuna ġuridika skont il-paragrafi 1 u 2 m’għandhiex teskludi proċeduri kriminali kontra persuni fiżiċi li huma awturi, instigaturi jew aċċessorji fir-reati msemmija fl-Artikoli 1 u 2.

    4. Għall-għanijiet ta' din id-Deċiżjoni Qafas, 'persuna ġuridika' għandha tfisser kull entità li jkollha personalità ġuridika taħt il-liġi applikabbli, minbarra l-Istati jew korpi pubbliċi fl-eżerċizzju tal-awtorità Statali u għall-organizzazzjonijiet internazzjonali pubbliċi.

    Artikolu 5

    Sanzjonijiet kontra persuni ġuridiċi

    1. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li persuna legali miżmuma responsabbli skond Artikolu 4(1) tista' tkun ikkastigata b'sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi, li għandhom jinkludu multi kriminali jew mhux kriminali u jistgħu jinkludu sanzjonijiet oħra, bħal:

    (a) l-esklużjoni minn intitolament għal benefiċċji jew għajnuna pubblika;

    (b) skwalifika temporanja jew permanenti mill-prattika ta' attivitajiet kummerċjali;

    (c) it-tqegħid taħt sorveljanza ġudizzjarja;

    (d) l-istralċ ġudizzjarju;

    (e) l-għeluq temporanju jew permanenti ta' stabbilimenti li ġew użati għat-twettiq tar-reat.

    Artikolu 6

    Ma jkunux applikati sanzjonijiet lill-vittmi

    Kull Stat Membru għandu jipprovdi għall-possibbiltà li ma jipprosegwix jew ma jagħtix pieni lill-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin għall-involviment tagħhom fl-attivitajiet illegali bħala konsegwenza diretta li ġew soġġetti għal xi mezz illeċitu msemmi fl-Artikoli 1 u 2.

    Artikolu 7

    Investigazzjoni u Prosekuzzjoni Kriminali

    1. Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' reati msemmija fl-Artikoli 1 u 2 ma jkunux dipendenti fuq ir-rapport jew l-akkuża magħmula mill-vittma u li l-proċeduri kriminali jistgħu ikomplu wkoll jekk il-vittma tkun irtirat id-dikjarazzjoni tagħha.

    2. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jippermetti l-prosekuzzjoni ta' reat msemmi fl-Artikolu 1 u 2 għal perjodu ta' żmien suffiċjenti wara li l-vittma tkun waslet għall-età tal-maturità sa fejn hija proporzjonali mal-gravità tar-reat ikkonċernat.

    3. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-persuni, unitajiet jew servizzi responsabbli għall-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' reati msemmija fl-Artikoli 1 u 2 jkunu mħarrġa b'mod xieraq.

    4. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-għodod investigattivi li jintużaw fil-każijiet tal-kriminalità organizzata bħal ma huma l-ittappar tat-telefon, is-sorveljanza elettronika, u investigazzjonijiet finanzjarji jkunu disponibbli lill-persuni, unitajiet jew servizzi responsabbli għall-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' reati msemmija fl-Artikoli 1 u 2

    Artikolu 8

    Ġuriżdizzjoni u koordinazzjoni tal-prosekuzzjoni

    1. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jistabbilixxi l-ġuriżdizzjoni tiegħu fuq reat msemmi fl-Artikoli 1 u 2 fejn:

    (a) ir-reat ikun twettaq totalment jew parzjalment fit-territorju tiegħu; jew

    (b) min iwettaq ir-reat huwa ċittadin tiegħu jew għandu r-residenza abitwali tiegħu/tagħha fit-territorju tiegħu; jew

    (c) ir-reat huwa mwettaq kontra ċittadin tiegħu jew persuna li għandha r-residenza abitwali tagħha fit-territorju tiegħu; jew

    (d) ir-reat jitwettaq għal benefiċċju ta' persuna ġuridika stabbilita fit-territorju ta' dak l-Istat Membru.

    2. Għall-prosekuzzjoni ta' reat msemmi fl-Artikoli 1 u 2 mwettaq barra mit-territorju tal-Istat Membru ikkonċernat, fir-rigward tal-paragrafu 1(b), kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li t-twaqqif tal-ġuriżdizzjoni tiegħu mhux subordinat għall-kundizzjoni li l-atti huma kkriminalizzati fil-post fejn twettqu.

    3. Għall-prosekuzzjoni ta' reat msemmi fl-Artikoli 1 u 2 mwettaq barra mit-territorju tal-Istat Membru ikkonċernat, fir-rigward tal-paragrafu 1(b), kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li t-twaqqif tal-ġuriżdizzjoni tiegħu mhux subordinat għall-kundizzjoni li l-prosekuzzjoni tista' tinbeda biss wara rapport magħmul mill-vittma fil-post fejn twettaq ir-reat, jew denunċja mill-Istat tal-post fejn twettaq ir-reat.

    4. Fejn reat jaqa' fl-ambitu tal-ġuriżdizzjoni ta' iżjed minn Stat Membru wieħed u fejn xi wieħed mill-Istati kkonċernati jistgħu jmexxu l-prosekuzzjoni b'mod validu fuq il-bażi tal-istess fatti, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jikkooperaw sabiex jiddeċiedu liema minnhom ser immexxi l-prosekuzzjoni kontra l-persuni li wettqu r-reat bl-iskop, jekk possibbli, li jiċċentralizzaw il-proċeduri fi Stat Membru wieħed. Għal dan il-għan, l-Istati Membri jistgħu jirrikoru għal-Eurojust jew kull korp jew mekkaniżmu stabbilit fl-Unjoni Ewropea sabiex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji tagħhom u l-koordinazzjoni tal-azzjoni tagħhom. Fid-deċiżjoni ta' liema Stat Membru għandu jipproċedi kontra l-awtur ta' dan ir-reat, għandha tittieħed konsiderazzjoni speċjali tal-fattur li ġejjin:

    - l-Istat Membru huwa dak li fit-territorju tiegħu twettqu l-atti,

    - l-Istat Membru għandu jkun dak li fih min iwettaq ir-reat huwa ċittadin jew residenti,

    - l-Istat Membru huwa l-Istat Membru ta' oriġini tal-vittma,

    - l-Istat Membru huwa dak li fit-territorju tiegħu instab min wettaq l-att.

    Artikolu 9

    Il-protezzjoni ta' vittmi vulnerabbli tat-traffikar tal-bnedmin fil-proċeduri kriminali

    1. It-tfal li huma vittmi ta' reat msemmi fl-Artikoli 1 u 2 għandhom ikunu meqjusa bħala partikolarment vulnerabbli skont l-Artikolu 2(2), l-Artikolu 8(4) u l-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Kwadru 2001/220/JHA.

    2. Kull persuna adulta li hija vittma ta' reat msemmi fl-Artikoli 1 u 2 għandha tkun meqjusa bħala partikolarment vulnerabbli skont l-Artikolu 2(2), l-Artikolu 8(4) u l-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2001/220/JHA, skont valutazzjoni individwali mill-awtoritajiet kompetenti, li għandha tieħu f'konsiderazzjoni l-età, il-maturità, is-saħħa, it-tqala, id-diżabbiltà, kundizzjonijiet oħra personali jew soċjali tagħha, u l-konsegwenzi fiżiċi u psikoloġiċi tal-attività kriminali li ġiet soġġetta għaliha.

    3. Bla ħsara għad-drittijet tad-difiża, kull Stat Membru għandu jiżgura li l-vittmi partikolarment vulnerabbli, minbarra d-drittijiet stabbiliti mid-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2001/220/JHA, jkunu intitolati għal trattament speċifiku bil-għan li jipprevjeni l-vittimizzazzjoni sekondarja billi jkun evitat, sa fejn hu possibli u skont il-bażi ddefinita mill-leġiżlazzjoni nazzjonali:

    (a) il-kuntatt viżiv bejn il-vittmi u min iwettaq ir-reat inkluż matul l-għotja tax-xhieda bħal fil-każi ta' interoġazjzoni u kontroeżami, b'modi xierqa inkluż l-użu ta' faċilitajiet awdjoviżivi;

    (b) mistoqsijiet dwar il-ħajja privata li m’humiex assolutament meħtieġa biex juru l-fatti li huwa l-qofol tal-akkuża;

    (c) l-għotja ta' xhieda fil-qorti bil-miftuħ;

    (d) ripetizzjoni mhux meħtieġa ta' intervisti waqt l-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u l-proċess.

    4. Kull Stat Membru għandu jippermetti, fejn xieraq, li l-identità ta' vittma partikolarment vulnerabbli li qed tagħti xhieda ma tiġix żvelata

    5. Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin jirċievu protezzjoni xierqa fuq il-bażi ta' valutazzjoni tar-riskju individwali, u jkollhom aċċess għall-programmi ta' protezzjoni tax-xhieda fejn xieraq, skont il-bażi ddefiniti mill-liġi nazzjonali.

    6. Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-vittmi partikolarment vulnerabbli waqt il-proċeduri kriminali, jkollhom aċċess għall-counselling legali b'xejn, u għar-rappreżentazzjoni legali fuq l-istess bażi previst mill-liġi nazzjonali għall-konvenut, inkluż għall-għan li jitolbu kumpens. Dan il-paragrafu għandu jkun bla ħsara għall-applikazzjoni tal-Artikolu 11 fejn il-vittma huwa minuri.

    Artikolu 10

    Għajnuna għall-vittmi

    1. Kull Stat Membru għandu jiżgura li tkun ipprovduta għajnuna lill-vittmi qabel, waqt u wara l-proċeduri kriminali sabiex tippermettilhom jeżerċaw id-drittijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni Kwadru 2001/220/JHA tal-15 ta' Marzu 2001 dwar id-drittijiet tal-vittmi fil-proċeduri kriminali, u din id-Deċiżjoni Qafas.

    2. Persuna għandha tkun trattata bħala vittma malli l-awtoritajiet kompetenti jkollhom indikazzjoni li din ġiet soġġetta għal reat msemmi fl-Artkoli 1 u 2.

    3. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxi mekkaniżmi xierqa fuq livell nazzjonali u lokali bil-għan li l-vittmi ikunu identifikati malajr u appoġġjati, b'kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet ta' appoġġ relevanti.

    4. Il-vittmi għandhom ikunu mogħtija l-għajnuna u l-appoġġ meħtieġ mill-Istati Membri, fil-qafas tal-proċeduri kriminali, biex ikunu jistgħu jirkupraw u jaħarbu mill-influwenza ta' min wettaq ir-reat, inkluż billi jkunu provvduti b'akkomodazzjoni sikura u għajnuna materjali, il-kura medika meħtieġa, inkluż għajnuna psikoloġika, counselling u tagħrif, għajnuna biex tippermetti li d-drittijiet u l-interessi tagħhom ikunu ppreżentati u kkunsidrati fil-proċeduri kriminali u servizzi ta' traduzzjoni u interpretazzjoni fejn xieraq. L-Istati Membri għandhom jieħdu ħsieb il-bżonnijiet speċjali ta' min hu l-iktar vulnerabbli.

    Artikolu 11

    Miżuri protettivi speċjali għat-tfal

    Kull Stat Membru għandu japplika l-Artikoli 14 u 15 tad-Deċiżjoni Qafas dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal, ul-pornografija ta-tfal, li tirrevoka d-Deċiżjoni Kwadru 2004/68/JHA.

    Artikolu 12

    Prevenzjoni

    1. Kull Stat Membru għandu jipprova jiskoraġġixxi t-talba biex jissaħħaħ kull forma ta' sfruttament.

    2. Kull Stat Membru għandu jippromwovi taħriġ regolari għall-uffiċjali li probabilment se jkunu f'kuntatt mal-vittmi u l-vittmi potezjali, inklużi pulizija li jaħdmu direttament f'dan il-qasam, bil-għan li jkunu jistgħu jidentifikaw il-vittmi u l-vittmi potenzjali, u jkunu jafu kif iġibu ruħhom ma' vittmi partikolarment vulnerabbli kif imsemmi fl-Artikolu 9(1) u 9(2) ta' din id-Deċizjoni Qafas.

    3. Bla ħsara għall-liġi Komunitarja, kull Stat Membru għandu jikkunsidra li jieħu l-miżuri biex jistabilixxi bħala reat kriminali l-użu ta' servizzi li huma oġġett għal sfruttament kif imsemmi fl-Artikoli 1 u 2 bl-għarfien li l-persuna hija vittma ta' reat msemmi fl-Artikoli 1 u 2.

    Artikolu 13

    Monitoraġġ

    L-Istati Membru għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabilixxu Rapporteurs Nazzjonali jew mekkaniżmi oħra ekwivalenti. Il-kompiti ta' dawn il-mekkaniżmi għandhom jinkludu mill-inqas il-monitoraġġ u l-implimentazzjoni ta' miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni Qafas.

    Artikolu 14

    Ambitu territorjali

    Din id-Deċiżjoni Qafas għandha tapplika għal Ġibiltà.

    Artikolu 15

    Revoka tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/629/JHA

    Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/629/JHA dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin hija rrevokata.

    Artikolu 16

    Implimentazzjoni

    1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jikkonformaw ma' din id-Deċiżjoni Qafas sa [sentejn mill-adozzjoni].

    2. Sa [sentejn mill-adozzjoni], l-Istati Membri għandhom jittrażmettu lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u lill-Kummissjoni it-test tad-dispożizzjonijiet u jimplimentaw fil-liġi nazzjonali tagħhom l-obbligi imposti fuqhom skond din id-Deċiżjoni Qafas. Il-Kunsill sa [erba' snin mill-adozzjoni] l-aktar tard, fuq il-bażi ta' rapport stabbilit li jirrifletti din l-informazzjoni u rapport bil-miktub trażmess mill-Kummissjoni, jagħmel stima tal-miżuri meħtieġa meħuda mill-Istati Membri sabiex iħarsu din id-Deċiżjoni Qafas.

    Artikolu 17

    Id-Dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni Qafas għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmula fi Brussel,

    Għall-Kunsill

    Il-President

    [1] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Il-pjan għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2006-2010, {SEC(2006)275}, COM(2006)92 finali.

    [2] Kommunikazzjoni mill-Kummissjoni – Lejn strateġija tal-UE dwar id-drittijet tat-tfal {SEC(2006) 888} {SEC(2006) 889}, COM(2006) 367 finali.

    [3] Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2001 dwar id-drittijiet tal-vittmi fil-proċeduri kriminali (2001/220/JHA), ĠU L 82, 22.3.2001, p.1.

    [4] Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/81/KE tad-29 ta' April 2004 dwar il-permess ta' residenza maħruġ lil ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma vittmi tat-traffikar fi bnedmin jew li kienu s-suġġett ta' azzjoni għall-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali, li jikkoperaw ma' l-awtoritajiet kompetenti ĠU L 261, 6.8.2004, p. 85

    [5] Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/80/KE tad-29 ta' April 2004 li għandha x'taqsam ma' kumpens għal vittmi ta' reati, ĠU L 261, 6.8.2004, p. 15.

    [6] ĠU L 300, 11.11.2008, p. 42.

    [7] Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-mandat ta' arrest Ewropew u l-proċeduri ta' ta' ċediment bejn l-Istati Membri, ĠU L 190, 18.7.2002.

    [8] Proposta għal Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni u l-konkluzjoni tal-kunflitti ta' ġurisdizzjoni fi proċeduri kriminali, imressqa fl-20 ta' Jannar 2009 mir-Repubblika Ċeka, il-Polonja, is-Slovenja, is-Slovakkja u l-Iżveżja. Dokument tal-Kunsill Nru 5208/09.

    [9] ĠU C […], […], p. […].

    [10] ĠU L 203, 1.8.2002, p. 1.

    [11] ĠU C 311, 9.12.2005, p. 1.

    [12] Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal, adottata u miftuħa għall-firem, għar-ratifikazzjoni u għall-adeżjoni mir-reżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali 44/25 tal-20 ta' Novembru 1989.

    [13] Il-Protokoll tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Prevenzjoni, it-Trażżin u l-Ikkastigar tat-Traffikar tal-Persuni, speċjalment tan-Nisa' u t-Tfal, li tissupplimenta l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijieti Uniti dwar il-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali, magħmul f'Palermo, fl-2000.

    [14] Il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-Azzjoni kontra t-Traffikar tal-Bnedmin, magħmula f'Warsaw, 16.V.2005, it-Trattat tal-Kunsill tal-Ewropa Serje N. 197.

    [15] ĠU L 82, tat-22.3.2001, p. 1.

    [16] ĠU L 300, 1l.11.2008, p. 42.

    Top