Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R1155

Regolament (UE) 2019/1155 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 810/2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi)

PE/29/2019/REV/1

ĠU L 188, 12/07/2019, p. 25–54 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1155/oj

12.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 188/25


REGOLAMENT (UE) 2019/1155 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-20 ta' Ġunju 2019

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 810/2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 77(2)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Waqt li jaġixxu f'konformità mal-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Il-politika tal-Unjoni dwar il-viża komuni kienet parti integrali tal-istabbiliment ta' żona mingħajr fruntieri interni. Jenħtieġ li l-politika dwar il-viża tibqa' strument essenzjali għall-iffaċilitar tat-turiżmu u tan-negozju, filwaqt li tkun ta' għajnuna kontra riskji ta' sigurtà u r-riskju tal-migrazzjoni irregolari lejn l-Unjoni. Il-politika komuni dwar il-viżi għandha tikkontribwixxi għall-ġenerazzjoni tat-tkabbir u tkun konsistenti ma' politiki oħrajn tal-Unjoni, bħal dawk relatati mar-relazzjonijiet esterni, il-kummerċ, l-edukazzjoni, il-kultura u t-turiżmu.

(2)

Jenħtieġ li l-Unjoni tuża b'mod aħjar il-politika tagħha tal-viża fil-kooperazzjoni tagħha ma' pajjiżi terzi, u li jiġi żgurat bilanċ aħjar bejn il-preokkupazzjonijiet ta' migrazzjoni u ta' sigurtà, konsiderazzjonijiet ekonomiċi u relazzjoni esterni ġenerali.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċeduri għall-ħruġ ta' viżi għal soġġorni intenzjonati fit-territorju tal-Istati Membri ta' mhux aktar minn 90 jum f'kull perijodu ta' 180 jum.

(4)

Jenħtieġ li l-applikazzjonijiet għall-visa jiġu eżaminati u deċiżi mill-konsulati jew, b'deroga, mill-awtoritajiet ċentrali. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsulati u l-awtoritajiet ċentrali jkollhom biżżejjed għarfien taċ-ċirkostanzi lokali biex tiġi żgurata l-integrità tal-proċedura tal-viża.

(5)

Jenħtieġ li l-proċedura tal-applikazzjoni tkun kemm jista' jkun faċli għall-applikanti. Jenħtieġ li jkun ċar liema Stat Membru jkun kompetenti li jeżamina applikazzjoni, b'mod partikolari meta l-applikant ikollu l-intenzjoni li jżur diversi Stati Membri. Fejn possibbli, jenħtieġ li l-Istati Membri jippermettu li l-formoli tal-applikazzjonijiet jimtlew u jiġu ppreżentati b'mod elettroniku. Jenħtieġ li jkun possibbli wkoll li l-applikanti jkunu jistgħu jiffirmaw il-formola tal-applikazzjoni elettronikament, meta firma elettronika tkun rikonoxxuta mill-Istat Membru kompetenti. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti skadenzi għad-diversi passi tal-proċedura, b'mod partikolari sabiex il-vjaġġaturi jkollhom iż-żmien biżżejjed biex jippjanaw minn qabel u jevitaw iż-żminijiet meta jkun hemm l-akbar attività fil-konsulati.

(6)

Jenħtieġ li l-Istati Membri ma jkunux obbligati li jżommu l-possibbiltà ta' aċċess dirett għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet fil-konsulat f'postijiet fejn fornitur estern tas-servizzi jkun ingħata mandat li jiġbor l-applikazzjonijiet f'ismu, mingħajr preġudizzju għall-obbligi imposti fuq l-Istati Membri bid-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), b'mod partikolari l-Artikolu 5(2) tagħha.

(7)

Jenħtieġ li t-tariffa tal-viża tiżgura li jkun hemm disponibbli riżorsi finanzjarji suffiċjenti sabiex jiġu koperti l-ispejjeż tal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet, inkluż tal-istrutturi xierqa u tal-għadd suffiċjenti ta' membri tal-persunal sabiex jiġu żgurati l-kwalità u l-integrità tal-eżami tal-applikazzjonijiet, kif ukoll ir-rispett għall-iskadenzi. L-ammont tat-tariffa tal-viża jenħtieġ li jiġi rivedut kull tliet snin abbażi ta' kriterji ta' valutazzjoni oġġettivi.

(8)

Ċittadini ta' pajjiżi terzi soġġetti għar-rekwiżit tal-viża jenħtieġ li jkunu jistgħu jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom fil-post tar-residenza tagħhom anke jekk l-Istat Membru kompetenti ma jkollux konsulat bl-iskop tal-ġbir ta' applikazzjonijiet, u ma jkunx irrappreżentat minn Stat Membru ieħor, f'dak il-pajjiż terz. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom biex jikkooperaw ma' fornituri esterni tas-servizzi, li jenħtieġ li jkunu jistgħu jimponu tariffa għas-servizz. Jenħtieġ li dik it-tariffa għas-servizz, fil-prinċipju, ma tkunx aktar mill-ammont tat-tariffa tal-viża. Fejn dak l-ammont ma jkunx biżżejjed biex jingħata servizz sħiħ, jenħtieġ li l-fornitur estern tas-servizzi jkun madankollu jista' jimponi tariffa għas-servizz ogħla, soġġett għal-limitu previst f'dan ir-Regolament.

(9)

Jenħtieġ li jiġu integrati u ffaċilitati arranġamenti ta' rappreżentanza u jenħtieġ li jiġu evitati l-ostakli għall-konklużjoni ta' tali arranġamenti fost l-Istati Membri. Jenħtieġ li l-Istat Membru rappreżentanti jkun responsabbli għall-proċedura kollha kemm hi tal-viża, mingħajr l-involviment tal-Istat Membru rappreżentat.

(10)

Fejn il-ġurisdizzjoni tal-konsulat tal-Istat Membru rappreżentanti tkun tkopri aktar mill-pajjiż ospitanti, jenħtieġ li jkun possibbli li l-arranġament tar-rappreżentanza jkopri dawk il-pajjiżi terzi.

(11)

Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq il-konsulati u sabiex jiġi ffaċilitat l-ivvjaġġar għal vjaġġaturi frekwenti jew regolari, jenħtieġ li jinħarġu viżi ta' dħul multiplu b'perijodu twil ta' validità lil applikanti li jissodisfaw il-kondizzjonijiet tad-dħul matul il-perijodu kollu tal-validità tal-viża maħruġa skont kriterji komuni stabbiliti b'mod oġġettiv u li ma jkunux ristretti għal skopijiet speċifiċi ta' vjaġġar jew għal xi kategoriji ta' applikanti. F'dak il-kuntest, jenħtieġ li l-Istati Membri jagħtu konsiderazzjoni partikolari għal persuni li jivvjaġġaw bl-iskop li jeżerċitaw il-professjoni tagħhom, bħal persuni tan-negozju, baħħara, artisti u atleti. Jenħtieġ li jkun possibbli li jinħarġu viżi ta' dħul multiplu b'perijodu iqsar ta' validità jekk ikun hemm raġunijiet validi għal dan.

(12)

Meta jitqiesu d-differenzi fiċ-ċirkostanzi lokali, notevolment għar-rigward tar-riskji ta' migrazzjoni u dawk ta' sigurtà, kif ukoll ir-relazzjonijiet li l-Unjoni żżomm ma' pajjiżi speċifiċi, jenħtieġ li l-konsulati f'postijiet individwali jivvalutaw il-ħtieġa li jiġu adattati r-regoli dwar il-ħruġ ta' viżi bi dħul multiplu sabiex dawn ikunu jippermettu applikazzjoni aktar favorevoli jew aktar restrittiva. Jenħtieġ li l-approċċi aktar favorevoli fil-ħruġ ta' viżi bi dħul multiplu b'perijodu twil ta' validità jieħdu f'kunsiderazzjoni, b'mod partikolari, l-eżistenza ta' ftehimiet ta' kummerċ li jkopru l-mobbiltà tal-persuni tan-negozju. Abbażi ta' dik il-valutazzjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tadotta regoli dwar il-kondizzjonijiet għall-ħruġ ta' tali viżi li għandhom jiġu applikati f'kull ġurisdizzjoni.

(13)

Fejn ikun hemm nuqqas ta' kooperazzjoni minn ċerti pajjiżi terzi fejn tidħol ir-riammissjoni ta' dawk iċ-ċittadini tagħhom li jkunu jinqabdu f'sitwazzjoni irregolari, u n-nuqqas minn dawk il-pajjiżi terzi li jikkooperaw b'mod effettiv fil-proċess ta' ritorn, jenħtieġ li tiġi applikata applikazzjoni restrittiva u temporanja ta' ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 810/2009, abbażi ta' mekkaniżmu trasparenti bbażat fuq kriterji oġġettivi, sabiex titjieb il-kooperazzjoni tal-pajjiż terz ikkonċernat fejn tidħol ir-riammissjoni ta' migranti irregolari. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta b'mod regolari, mill-inqas darba fis-sena, il-kooperazzjoni ta' pajjiżi terzi fir-rigward tar-riammissjoni, u jenħtieġ li teżamina kwalunkwe notifika mill-Istati Membri li tikkonċerna l-kooperazzjoni ma' pajjiż terz fir-riammissjoni ta' migranti irregolari. Jenħtieġ li l-Kummissjoni, fil-valutazzjoni tagħha dwar jekk pajjiż terz ikunx qed jikkoopera b'mod suffiċjenti u jekk tkunx meħtieġa azzjoni, tqis il-kooperazzjoni ġenerali ta' dak il-pajjiż terz fil-qasam tal-migrazzjoni, b'mod partikolari fl-oqsma tal-ġestjoni tal-fruntieri, tal-prevenzjoni u tal-ġlieda kontra t-traffikar tal-migranti u tal-prevenzjoni ta' transitu ta' migranti irregolari mit-territorju tiegħu. Fejn il-Kummissjoni tqis li l-pajjiż terz ma jkunx qed jikkoopera biżżejjed jew fejn tiġi notifika minn maġġoranza sempliċi tal-Istati Membri li pajjiż terz ma jkunx qed jikkoopera biżżejjed, jenħtieġ li tressaq proposta lill-Kunsill sabiex jadotta deċiżjoni ta' implimentazzjoni, filwaqt li tkompli l-isforzi tagħha biex ittejjeb il-kooperazzjoni mal-pajjiż terz ikkonċernat. Barra minn hekk, fejn, rigward il-livell ta' kooperazzjoni ta' pajjiż terz mal-Istati Membri dwar ir-riammissjoni ta' migranti irregolari, ivvalutat abbażi ta' data rilevanti u oġġettiva, il-Kummissjoni tqis li pajjiż terz ikun qed jikkoopera biżżejjed, jenħtieġ li jkun possibbli li l-Kummissjoni tkun tista' tippreżenta proposta lill-Kunsill biex jadotta deċiżjoni ta' implimentazzjoni, li tipprovdi waħda jew iktar miżuri intiżi li jiffaċilitaw l-għoti tal-viżas, dwar applikanti jew kategoriji ta' applikanti li huma ċittadini ta' dak il-pajjiż terz u li japplikaw għal viża fit-territorju ta' dak il-pajjiż terz.

(14)

Sabiex jiġi żgurat li l-fatturi rilevanti u l-implikazzjonijiet possibbli kollha tal-applikazzjoni tal-miżuri biex titjieb il-kooperazzjoni ta' pajjiż terz dwar ir-riammissjoni jitqiesu b'mod adegwat, b'kont meħud tan-natura politika partikolarment sensittiva ta' tali miżuri u l-implikazzjonijiet orizzontali tagħhom għall-Istati Membri u l-Unjoni nnifisha, b'mod partikolari għar-relazzjonijiet esterni tagħhom u għall-funzjonament ġenerali taż-żona Schengen, jenħtieġ li s-setgħat ta' implimentazzjoni jingħataw lill-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni. L-għoti ta' tali setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kunsill iqis b'mod adegwat in-natura politikament sensittiva potenzjali tal-implimentazzjoni tal-miżuri biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni ta' pajjiż terz dwar ir-riammissjoni, minħabba wkoll il-ftehimiet ta' faċilitazzjoni li l-Istati Membri jkollhom fis-seħħ ma' pajjiżi terzi.

(15)

Jenħtieġ li l-applikanti li ġew miċħudin minn viża jkollhom id-dritt jappellaw. Jenħtieġ li n-notifika taċ-ċaħda tinkludi informazzjoni dettaljata dwar ir-raġunijiet għaċ-ċaħda u dwar il-proċedura tal-appell. Matul il-proċedura tal-appell, jenħtieġ li l-applikanti jingħataw aċċess għall-informazzjoni kollha rilevanti għall-każ tagħhom, f'konformità mal-liġi nazzjonali.

(16)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva d-drittijiet u l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B'mod partikolari, huwa għandu l-għan li jiżgura rispett sħiħ għad-dritt tal-protezzjoni ta' data personali, id-dritt għal rispett għall-ħajja privata u tal-familja, id-drittijiet tat-tfal, u l-protezzjoni ta' persuni vulnerabbli.

(17)

Il-kooperazzjoni lokali ta' Schengen hija kruċjali għall-applikazzjoni armonizzata tal-politika komuni dwar il-viżi u biex issir valutazzjoni tajba tar-riskji migratorji u ta' sigurtà. Fi ħdan dik il-kooperazzjoni, l-Istati Membri jenħtieġ li jivvalutaw l-applikazzjoni operattiva ta' dispożizzjonijiet speċifiċi fid-dawl taċ-ċirkustanzi lokali u tar-riskju migratorju. Jenħtieġ li l-kooperazzjoni u l-iskambji fost il-konsulati f'postijiet individwali jkunu kkoordinati minn delegazzjonijiet tal-Unjoni.

(18)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jissorveljaw mill-qrib u jissorveljaw b'mod regolari l-operazzjonijiet tal-fornituri esterni tas-servizzi sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-istrument legali li jirregola r-responsabbiltajiet fdati lilhom. Jenħtieġ li l-Istati Membri jirrappurtaw lill-Kummissjoni fuq bażi annwali dwar il-kooperazzjoni mal-fornituri esterni tas-servizzi, u s-sorveljanza fuqhom. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-proċedura kollha għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet u l-kooperazzjoni mal-fornituri esterni tas-servizzi tkun issorveljata minn membri tal-persunal espatrijat.

(19)

Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli flessibbli li jippermettu li l-Istati Membri jottimizzaw il-qsim tar-riżorsi u tiżdied il-kopertura konsulari. Il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri (Ċentri ta' Viżi ta' Schengen) tista' tieħu kull forma adattata għaċ-ċirkostanzi lokali sabiex tiżdied il-kopertura ġeografika konsulari, jitnaqqsu l-kosti tal-Istati Membri, tiżdied il-viżibilità tal-Unjoni u jitjieb is-servizz offrut lill-applikanti.

(20)

Is-sistemi elettroniċi għall-applikazzjonijiet huma għodda importanti biex jiġu ffaċilitati l-proċeduri tal-applikazzjoni. Jenħtieġ li fil-futur tiġi żviluppata soluzzjoni komuni bil-għan tad-diġitalizzazzjoni biex b'hekk isir użu sħiħ mill-iżviluppi legali u teknoloġiċi reċenti, biex l-applikazzjonijiet jkunu jistgħu jiġu ppreżentati online biex jiġu akkomodati l-ħtiġijiet tal-applikanti u biex jiġu attirati aktar viżitaturi għaż-żona ta' Schengen. Il-garanziji proċedurali sempliċi u integrati jenħtieġ li jissaħħu u jiġu applikati b'mod uniformi. Barra minn hekk, fejn possibbli, l-intervisti jistgħu jsiru bl-użu ta' għodod diġitali moderni u mezzi ta' komunikazzjoni mill-bogħod, bħal telefonati awdjo jew vidjo bl-internet. Jenħtieġ li d-drittijiet fundamentali tal-applikanti jiġu ggarantiti matul il-proċess.

(21)

Sabiex tiġi prevista l-possibbiltà li jiġi rivedut l-ammont tat-tariffi tal-viża stabbilit f'dan ir-Regolament, jenħtieġ li s-setgħa għall-adozzjoni ta' atti f'konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) tiġi ddelegata lill-Kummissjoni biex dan ir-Regolament jiġi emendat fir-rigward tal-ammont tat-tariffi tal-viża. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet adatti matul il-ħidma ta' tħejjija tagħha, inkluż fil-livell ta' esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (5). B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li fih jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom sistematikament aċċess għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jkunu qed jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati.

(22)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 810/2009, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta' implimentazzjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

(23)

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Ladarba dan ir-Regolament jibni fuq l-acquis ta' Schengen, id-Danimarka għandha, f'konformità mal-Artikolu 4 ta' dak il-Protokoll, tiddeċiedi, fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar dan ir-Regolament, jekk hijiex ser timplimentah fil-liġi nazzjonali tagħha.

(24)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fih ir-Renju Unit ma jipparteċipax, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE (7); għaldaqstant ir-Renju Unit mhuwiex qiegħed jieħu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha.

(25)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li l-Irlanda mhijiex qed tipparteċipa fihom, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (8); għaldaqstant l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u mhijiex marbuta minnu jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(26)

Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn it-tnejn tal-aħħar mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (9) li jaqgħu fl-ambitu msemmi fl-Artikolu 1, il-punt B tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (10).

(27)

Fir-rigward tal-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (11) li jaqgħu fil-qasam imsemmi fil-punt B tal-Artikolu 1, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (12).

(28)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat ta' Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat ta' Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-adeżjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (13) li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt B, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (14).

(29)

Fir-rigward ta' Ċipru, dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta' Schengen, jew li b'xi mod ieħor huwa relatat miegħu, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tal-Att ta' Adeżjoni tal-2003.

(30)

Fir-rigward tal-Belġju u r-Rumanija dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq jew inkella huwa relatat mal-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Artikolu 4(2) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2005.

(31)

Fir-rigward tal-Kroazja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta' Schengen, jew li hu b'xi mod ieħor relatat miegħu, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tal-Att ta' Adeżjoni tal-2011.

(32)

Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-proċeduri u l-kondizzjonijiet għall-ħruġ ta' viżi għal soġġorni intenzjonati fit-territorju tal-Istati Membri li ma jeċċedux id-90 jum fi kwalunkwe perijodu ta' 180 jum.”;

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“4.   Meta japplikaw dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jaġixxu f'konformità sħiħa mal-liġi tal-Unjoni, inkluż il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipji ġenerali tal-dritt tal-Unjoni, id-deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet skont dan ir-Regolament għandhom jittieħdu fuq bażi individwali.”;

(2)

l-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-punt 2, il-punt (a) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(a)

soġġorn intenzjonat fit-territorju tal-Istati Membri li ma jkunx aktar minn 90 jum fi kwalunkwe perijodu ta' 180 jum; jew”;

(b)

il-punt 7 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“7.

“dokument tal-ivvjaġġar rikonoxxut” tfisser dokument tal-ivvjaġġar rikonoxxut minn Stat Membru wieħed jew diversi Stati Membri bl-iskop tal-qsim tal-fruntieri esterni u li fih jitwaħħlu l-viżi f'konformità mad-Deċiżjoni Nru 1105/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1);

(*1)  Id-Deċiżjoni Nru 1105/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar il-lista ta' dokumenti tal-ivvjaġġar li jintitolaw lid-detentur jaqsam il-fruntieri esterni u li jistgħu jkunu approvati b'viża u dwar it-twaqqif ta' mekkaniżmu għall-istabbiliment ta' din il-lista (ĠU L 287, 4.11.2011, p. 9).”;"

(c)

jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“12.

“baħħar” tfisser kwalunkwe persuna li tkun impjegata, ingaġġata jew taħdem fi kwalunkwe kapaċità abbord vapur f'navigazzjoni marittima jew vapur li jbaħħar f'ibħra interni internazzjonali;

13.

“firma elettronika” tfisser firma elettronika kif definit fil-punt (10) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2).

(*2)  Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE, (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73).”;"

(3)

fl-Artikolu 3(5), il-punti (b) u (c) huma sostitwiti b'dan li ġej:

“(b)

ċittadini ta' pajjiżi terzi fil-pussess ta' permess ta' residenza validu maħruġ minn Stat Membru li ma jiħux sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament jew minn Stat Membru li għadu mhux qed japplika d-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen b'mod sħiħ, jew ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu fil-pussess ta' wieħed mill-permessi ta' residenza validi elenkati fl-Anness V maħruġa mill-Andorra, il-Kanada, il-Ġappun, San Marino jew l-Istati Uniti tal-Amerka li jiggarantixxu r-riammissjoni mhux kondizzjonata tad-detentur, jew li huma fil-pussess ta' permess ta' residenza validu għal wieħed jew aktar mill-pajjiżi u territorji extra-Ewropej tar-Renju tan-Netherlands (Aruba, Curaçao, Sint Maarten, Bonaire, Sint Eustatius u Saba);

(c)

ċittadini ta' pajjiżi terzi fil-pussess ta' viża valida għal Stat Membru li ma jiħux sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament, jew għal Stat Membru li għadu mhux qed japplika d-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen b'mod sħiħ, jew għal pajjiż li huwa parti mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea jew għall-Kanada, il-Ġappun jew l-Istati Uniti tal-Amerka, jew detenturi ta' viża valida għal wieħed jew aktar mill-pajjiżi u territorji extra-Ewropej tar-Renju tan-Netherlands (Aruba, Curaçao, Sint Maarten, Bonaire, Sint Eustatius u Saba), meta jivvjaġġaw lejn il-pajjiż li jkun ħareġ il-viża jew lejn kwalunkwe pajjiż terz ieħor, jew meta, wara li jkunu għamlu użu mill-viża, jirritornaw mill-pajjiż li jkun ħareġ il-viża;”;

(4)

fl-Artikolu 4 jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   B'deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-applikazzjonijiet jiġu eżaminati u deċiżi mill-awtoritajiet ċentrali. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk l-awtoritajiet ikollhom biżżejjed għarfien taċ-ċirkostanzi lokali tal-pajjiż fejn tiġi ppreżentata l-applikazzjoni sabiex jivvalutaw ir-riskju migratorju u r-riskju għas-sigurtà, kif ukoll għarfien suffiċjenti tal-lingwa biex janalizzaw id-dokumenti, u li l-konsolati jkunu involuti, fejn ikun neċessarju, biex iwettqu eżamijiet u intervisti addizzjonali.”;

(5)

fl-Artikolu 5(1), il-punt (b) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(b)

jekk iż-żjara tinkludi aktar minn destinazzjoni waħda, jew jekk għandhom jitwettqu diversi żjarat separati f'perijodu ta' xahrejn, l-Istat Membru li t-territorju tiegħu jikkostitwixxi d-destinazzjoni prinċipali taż-żjara(t) fir-rigward tat-tul tas-soġġorn, f'numru ta' jiem, jew l-iskop tas-soġġorn; jew”;

(6)

l-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Stat Membru jista' jaqbel li jirrappreżenta Stat Membru ieħor li jkun kompetenti f'konformità mal-Artikolu 5 bl-iskop li jeżamina l-applikazzjonijiet u jiddeċiedi dwarhom f'isem dak l-Istat Membru. Stat Membru jista' wkoll jirrappreżenta Stat Membru ieħor b'mod limitat unikament għall-ġbir tal-applikazzjonijiet u għar-reġistrazzjoni ta' identifikaturi bijometriċi.”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa mħassar;

(c)

il-paragrafi 3 u 4 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“3.   Meta r-rappreżentanza tkun limitata f'konformità mat-tieni sentenza tal-paragrafu 1, il-ġbir u t-trasmissjoni tad-data lill-Istat Membru rappreżentat għandhom jitwettqu f'konformità mar-regoli rilevanti tal-protezzjoni tad-data u r-regoli tas-sigurtà.

4.   Għandu jiġi stabbilit arranġament bilaterali bejn l-Istat Membru rappreżentanti u l-Istat Membru rappreżentat. Dak l-arranġament:

(a)

għandu jispeċifika t-tul tal-perijodu tar-rappreżentanza, anki jekk temporanju, u l-proċeduri għat-terminazzjoni tagħha;

(b)

jista', b'mod partikolari fejn l-Istat Membru rappreżentat ikollu konsulat fil-pajjiż terz ikkonċernat, jipprevedi l-forniment ta' uffiċċji, persunal u ħlasijiet mill-Istat Membru rappreżentat”;

(d)

il-paragrafi 7 u 8 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“7.   L-Istat Membru rappreżentat għandu jinnotifika l-arranġamenti dwar rappreżentanza jew it-tmiem ta' dawn l-arranġamenti lill-Kummissjoni mill-inqas 20 jum kalendarju qabel ma jidħlu fis-seħħ jew jintemmu, minbarra fil-każijiet ta' force majeure.

8.   Il-konsulat tal-Istat Membru rappreżentanti għandu, fl-istess ħin li ssir in-notifika msemmija fil-paragrafu 7, jinforma kemm lill-konsulati tal-Istati Membri l-oħrajn kif ukoll lid-delegazzjoni tal-Unjoni fil-ġurisdizzjoni kkonċernata dwar l-arranġamenti ta' rappreżentanza jew dwar it-terminazzjoni ta' tali arranġamenti.”;

(e)

jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“10.   Jekk Stat Membru la jkun preżenti u lanqas ma jkun irrappreżentat fil-pajjiż terz fejn l-applikant ser jippreżenta l-applikazzjoni, dak l-Istat Membru għandu jimpenja ruħu biex jikkoopera ma' fornitur estern tas-servizzi, f'konformità mal-Artikolu 43, f' dak il-pajjiż terz.

11.   Fejn konsulat ta' Stat Membru f'post partikolari jesperjenza forza maġġuri teknika fit-tul, dak l-Istat Membru għandu jfittex rappreżentanza temporanja minn Stat Membru ieħor f'dak il-post għal kull kategorija ta' applikanti jew għal uħud mill-kategoriji.”;

(7)

l-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   L-applikazzjonijiet għandhom jiġu ppreżentati mhux aktar minn sitt xhur, u fil-każ ta' baħħara fil-qadi ta' dmirijiethom, mhux aktar minn disa' xhur, qabel ma tibda ż-żjara intenzjonata, u, bħala regola, mhux aktar tard minn 15-il jum kalendarju qabel ma tibda ż-żjara intenzjonata. F'każijiet ta' urġenza individwali ġġustifikati, il-konsulat jew l-awtoritajiet ċentrali jistgħu jippermettu li l-applikazzjonijiet jiġu ppreżentati aktar tard minn 15-il jum kalendarju qabel ma tibda ż-żjara intenzjonata.”;

(b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 13, l-applikazzjonijiet jistgħu jiġu ppreżentati:

(a)

mill-applikant;

(b)

minn intermedjarju kummerċjali akkreditat;

(c)

minn xi assoċjazzjoni jew istituzzjoni professjonali, kulturali, sportiva jew edukattiva f'isem il-membri tagħha.”;

(c)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“5.   Applikant ma għandux ikun obbligat jidher personalment f'aktar minn post wieħed biex ikun jista' jippreżenta applikazzjoni.”;

(8)

l-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   L-applikanti għandhom jidhru personalment meta jippreżentaw applikazzjoni għall-ġbir ta' marki tas-swaba', f'konformità mal-Artikolu 13(2) u (3) u l-punt (b) tal-Artikolu 13(7). Mingħajr preġudizzju għall-ewwel sentenza ta' dan il-paragrafu u għall-Artikolu 45, l-applikanti jistgħu jippreżentaw l-applikazzjonijiet tagħhom b'mod elettroniku, fejn disponibbli.”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa mħassar;

(9)

l-Artikolu 11 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, l-ewwel sentenza hija sostitwita b'dan li ġej:

“1.   Kull applikant għandu jippreżenta formola tal-applikazzjoni mimlija manwalment jew elettronikament kif stipulat fl-Anness I. Il-formola tal-applikazzjoni għandha tiġi ffirmata. Din tista' tiġi ffirmata manwalment jew, fejn firma elettronika tkun rikonoxxuta mill-Istat Membru kompetenti li jeżamina u jiddeċiedi dwar applikazzjoni, elettronikament.”;

(b)

jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“1a.   Fejn l-applikant jiffirma l-formola tal-applikazzjoni elettronikament, il-firma elettronika għandha tkun firma elettronika, fis-sens tal-punt (12) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 910/2014.

1b.   Il-kontenut tal-verżjoni elettronika tal-formola tal-applikazzjoni, jekk applikabbli, għandu jkun kif stipulat fl-Anness I.”;

(c)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   Il-formola għandha bħala minimu tkun disponibbli bil-lingwi li ġejjin:

(a)

il-lingwa jew lingwi uffiċjali tal-Istat Membru li għalih tkun qiegħda tintalab viża jew l-Istat Membru rappreżentanti; u

(b)

il-lingwa jew lingwi uffiċjali tal-pajjiż ospitanti.

Minbarra bil-lingwa/i msemmija fil-punt (a), il-formola tista' tkun disponibbli bi kwalunkwe lingwa/i oħra uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.”;

(d)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.   Jekk il-lingwa/i uffiċjali tal-pajjiż ospitanti ma tkunx/jkunux integrata/i fil-formola, traduzzjoni f'dik/dawk il-lingwa/i għandha tkun disponibbli separatament għall-applikanti.”;

(10)

l-Artikolu 14 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 3 sa 5 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“3.   L-Anness II jinkludi lista mhux eżawrjenti ta' dokumenti ta' sostenn li jistgħu jintalbu mingħand l-applikant sabiex jiġi vverifikat jekk ikunux ġew issodisfati l-kondizzjonijiet elenkati fil-paragrafi 1 u 2.

4.   L-Istati Membri jistgħu jesiġu li l-applikanti jippreżentaw prova ta' sponsorizzazzjoni jew ta' akkomodazzjoni privata, jew tat-tnejn li huma, billi jimlew formola abbozzata minn kull Stat Membru. Dik il-formola għandha tindika b'mod partikolari:

(a)

jekk l-iskop tagħha huwiex li tagħti prova ta' sponsorizzazzjoni jew ta' akkomodazzjoni privata, jew tat-tnejn li huma;

(b)

jekk l-isponsor jew il-persuna li stiednet tkunx individwu, kumpannija jew organizzazzjoni;

(c)

l-identità u d-dettalji ta' kuntatt tal-isponsor jew tal-persuna li stiednet;

(d)

id-data tal-identità (isem u kunjom, data tat-twelid, post tat-twelid u ċittadinanza) tal-applikant jew applikanti;

(e)

l-indirizz tal-akkomodazzjoni;

(f)

it-tul u l-iskop tas-soġġorn;

(g)

irbit familjari possibbli mal-isponsor jew il-persuna li stiednet;

(h)

l-informazzjoni mitluba skont l-Artikolu 37(1) tar-Regolament VIS.

Minbarra bil-lingwa/i uffiċjali tal-Istat Membru, il-formola għandha titfassal tal-inqas b'lingwa uffiċjali oħra tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Għandu jintbagħat kampjun tal-formola lill-Kummissjoni.

5.   Il-konsulati għandhom, fil-kuntest tal-kooperazzjoni lokali ta' Schengen, jivvalutaw l-implimentazzjoni tal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1, biex jitqiesu ċ-ċirkostanzi lokali, ir-riskji migratorji u r-riskji għas-sigurtà.”;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“5a.   Fejn ikun meħtieġ sabiex jittieħed kont taċ-ċirkostanzi lokali kif imsemmi fl-Artikolu 48, il-Kummissjoni għandha, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tadotta lista armonizzata ta' dokumenti ta' sostenn li għandhom jiġu użati f'kull ġurisdizzjoni. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 52(2).”;

(c)

il-paragrafu 6 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“6.   Ir-rekwiżiti tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jistgħu jiġu rinunzjati fil-każ ta' applikant li jkun magħruf lill-konsulat jew l-awtoritajiet ċentrali għall-integrità u l-affidabbiltà tiegħu, b'mod partikolari fir-rigward tal-użu legali ta' viżi preċedenti, jekk ma jkun hemm l-ebda dubju li huwa ser jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3) meta jaqsam il-fruntieri esterni tal-Istati Membri.

(*3)  Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni min-naħa għall-oħra tal- fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen) (ĠU L 77, 23.3.2016, p. 1).”;"

(11)

fl-Artikolu 15(2), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   L-applikanti għal viża bi dħul multiplu għandhom jagħtu prova li jkollhom fil-pussess tagħhom assigurazzjoni medika tal-ivvjaġġar adegwata u valida li tkopri l-perijodu tal-ewwel żjara intenzjonata tagħhom.”;

(12)

l-Artikolu 16 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“1.   L-applikanti għandhom iħallsu tariffa tal-viża ta' EUR 80.

2.   Tfal mill-età ta' sitt snin sa inqas minn 12-il sena għandhom iħallsu tariffa tal-viża ta' EUR 40.”;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.   Għandha tapplika tariffa tal-viża ta' EUR 120 jew EUR 160 jekk deċiżjoni ta' implimentazzjoni tiġi adottata mill-Kunsill skont il-punt (b) tal-Artikolu 25a(5). Din id-dispożizzjoni ma għandhiex tapplika għal tfal taħt l-età ta' 12-il sena.”;

(c)

il-paragrafu 3 huwa mħassar;

(d)

fil-paragrafu 4, il-punt (c) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(c)

riċerkaturi, kif definit fil-punt (2) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2016/801 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*4), li jivvjaġġaw bl-iskop li jwettqu riċerka xjentifika jew li jipparteċipaw f'seminar jew konferenza xjentifika;

(*4)  Id-Direttiva (UE) 2016/801 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar il-kondizzjonijiet ta' dħul u residenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-finijiet ta' riċerka, studji, taħriġ, servizz volontarju, skemi ta' skambju ta' skulari jew proġetti edukattivi u au pairing (ĠU L 132, 21.5.2016, p. 21).”;"

(e)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“5.   It-tariffa tal-viża tista' tiġi rinunzjata għal:

(a)

tfal mill-età ta' sitt snin u taħt it-18-il sena;

(b)

detenturi ta' passaporti diplomatiċi u ta' servizz;

(c)

parteċipanti li jipparteċipaw f'seminars, konferenzi, avvenimenti sportivi, kulturali jew edukattivi, organizzati minn organizzazzjonijiet bla skop ta' qligħ, u li ma għandhomx aktar minn 25 sena.”;

(f)

il-paragrafu 6 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“6.   F'każijiet individwali, l-ammont tat-tariffa tal-viża li għandha tiġi imposta tista' tiġi rinunzjata jew imnaqqsa meta din il-miżura sservi biex tippromwovi interessi kulturali jew sportivi, interessi fil-qasam tal-politika estera, il-politika tal-iżvilupp u oqsma oħrajn ta' interess pubbliku vitali, jew għal raġunijiet umanitarji jew minħabba obbligi internazzjonali.”;

(g)

fil-paragrafu 7, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Meta l-ammont tat-tariffa tal-viża jkun impost f'munita li mhijiex l-Euro, l-ammont tat-tariffa tal-viża impost f'dik il-munita għandu jiġi ddeterminat u rieżaminat b'mod regolari fl-applikazzjoni tar-rata tal-kambju ta' referenza esterna tal-euro stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew. L-ammont impost jista' jiġi aġġustat għall-eqreb ċifra u għandu jiġi żgurat li jiġu imposti tariffi simili skont il-kooperazzjoni lokali ta' Schengen.”;

(h)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“9.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-ħtieġa li tirrevedi l-ammont tat-tariffi tal-viża stipulat fil-paragrafi 1, 2 u 2a ta' dan l-Artikolu kull tliet snin, b'kont meħud ta' kriterji oġġettivi, bħalma huma r-rata tal-inflazzjoni ġenerali fl-Unjoni kollha, kif ippubblikata mill-Eurostat, u l-medja ponderata tas-salarji tal-uffiċjali pubbliċi tal-Istati Membri. Abbażi ta' dawk il-valutazzjonijiet, il-Kummissjoni għandha tadotta, fejn ikun xieraq, atti delegati f'konformità mal-Artikolu 51a dwar l-emenda ta' dan ir-Regolament fir-rigward tal-ammont tat-tariffi tal-viża.”;

(13)

l-Artikolu 17 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, l-ewwel sentenza hija sostitwita b'dan li ġej:

“1.   Tista' tiġi imposta tariffa għas-servizz minn fornitur estern tas-servizzi kif imsemmi fl-Artikolu 43.”;

(b)

il-paragrafu 3 huwa mħassar;

(c)

jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“4a.   B'deroga mill-paragrafu 4, it-tariffa għas-servizz, fil-prinċipju, ma għandhiex tkun aktar minn EUR 80 f'pajjiżi terzi fejn l-Istat Membru kompetenti ma jkollux konsulat bl-iskop tal-ġbir ta' applikazzjonijiet u ma jkunx rappreżentat minn Stat Membru ieħor.

4b.   F'ċirkostanzi eċċezzjonali fejn l-ammont imsemmi fil-paragrafu 4a ma jkunx biżżejjed biex jingħata servizz sħiħ, tista' tiġi imposta tariffa ogħla għas-servizz sa mhux aktar minn EUR 120. F'tali każ, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika lill-Kummissjoni l-intenzjoni tiegħu li jippermetti li tiġi imposta tariffa ogħla għas-servizz, mhux aktar tard minn tliet xhur qabel il-bidu tal-implimentazzjoni tagħha. In-notifika għandha tispeċifika r-raġunijiet li abbażi tagħhom jiġi ddeterminat il-livell tat-tariffa għas-servizz, b'mod partikolari l-ispejjeż dettaljati li jwasslu biex jiġi ddeterminat ammont ogħla.”;

(d)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“5.   L-Istat Membru kkonċernat jista' jżomm il-possibbiltà għall-applikanti kollha li jippreżentaw l-applikazzjonijiet tagħhom direttament fil-konsulati tiegħu jew fil-konsulat ta' Stat Membru li miegħu jkollu arranġament ta' rappreżentanza, f'konformità mal-Artikolu 8.”;

(14)

l-Artikolu 19 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-kliem introduttorju huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Il-konsulat kompetenti jew l-awtoritajiet ċentrali tal-Istat Membru kompetenti għandhom jivverifikaw jekk:”;

(b)

fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Fejn il-konsulat kompetenti jew l-awtoritajiet ċentrali tal-Istat Membru kompetenti jikkonkludu li l-kondizzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1 ikunu ġew issodisfati, l-applikazzjoni għandha tkun ammissibbli u l-konsulat jew l-awtoritajiet ċentrali għandhom:

isegwu l-proċeduri deskritti fl-Artikolu 8 tar-Regolament VIS, u

ikomplu jeżaminaw l-applikazzjoni.”;

(c)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   Fejn il-konsulat kompetenti jew l-awtoritajiet ċentrali tal-Istat Membru kompetenti jikkonkludu li l-kondizzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1 ma jkunux ġew issodisfati, l-applikazzjoni ma għandhiex tkun ammissibbli u l-konsulat jew l-awtoritajiet ċentrali għandhom mingħajr dewmien:

iroddu lura l-formola tal-applikazzjoni u d-dokumenti kollha ppreżentati mill-applikant,

jeqirdu d-data bijometrika miġbura,

jirrimborżaw it-tariffa tal-viża, u

ma jeżaminawx l-applikazzjoni.”;

(d)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.   B'deroga mill-paragrafu 3, applikazzjoni li ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1 tista' titqies ammissibbli għal raġunijiet umanitarji, għal raġunijiet ta' interess nazzjonali jew minħabba obbligi internazzjonali.”;

(15)

l-Artikolu 21 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 3 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-kliem introduttorju huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   Waqt il-verifika ta' jekk l-applikant jissodisfax il-kondizzjonijiet tad-dħul, il-konsulat jew l-awtoritajiet ċentrali għandhom jivverifikaw:”;

(ii)

il-punt (e) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(e)

li l-applikant ikollu fil-pussess tiegħu assigurazzjoni medika tal-ivvjaġġar adegwata u valida, fejn applikabbli, li tkun tkopri l-perijodu tas-soġġorn intenzjonat, jew, jekk issir applikazzjoni għal viża bi dħul multiplu, il-perijodu tal-ewwel żjara intenzjonata.”;

(b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.   Fejn applikabbli, il-konsulat jew l-awtoritajiet ċentrali għandhom jivverifikaw it-tul tas-soġġorni preċedenti u dawk intenzjonati sabiex jivverifikaw li l-applikant ma qabiżx it-tul massimu tas-soġġorn awtorizzat fit-territorju tal-Istati Membri, irrispettivament minn soġġorni potenzjalment awtorizzati minn viża nazzjonali għal soġġorn twil jew permess ta' residenza.”;

(c)

fil-paragrafu 6, il-kliem introduttorju huwa sostitwit b'dan li ġej:

“6.   Waqt l-eżami ta' applikazzjoni għal viża għal transitu fl-ajruport, il-konsulat jew l-awtoritajiet ċentrali għandhom b'mod partikolari jivverifikaw:”;

(d)

il-paragrafu 8 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“8.   Waqt l-eżami ta' applikazzjoni, il-konsulati jew l-awtoritajiet ċentrali jistgħu, f'każijiet ġustifikati, jagħmlu intervista lill-applikant u jitolbuh dokumenti addizzjonali.”;

(16)

l-Artikolu 22 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 1 sa 3 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“1.   Għal raġunijiet ta' theddida għall-ordni pubbliku, is-sigurtà interna, ir-relazzjonijiet internazzjonali jew is-saħħa pubblika, Stat Membru jista' jitlob lill-awtoritajiet ċentrali ta' Stati Membri oħra biex jikkonsultaw lill-awtoritajiet ċentrali tiegħu matul l-eżami tal-applikazzjonijiet ippreżentati minn ċittadini ta' pajjiżi terzi speċifiċi jew kategoriji speċifiċi ta' dawn iċ-ċittadini. Tali konsultazzjoni ma għandhiex tapplika għall-applikazzjonijiet għal viżi għal transitu fl-ajruport.

2.   “L-awtoritajiet ċentrali kkonsultati għandhom iwieġbu b'mod definit mill-aktar fis possibbli iżda mhux aktar tard minn sebat ijiem kalendarji minn meta jiġu kkonsultati. In-nuqqas ta' tweġiba qabel dik l-iskadenza għandha tfisser li huma ma jkollhomx raġunijiet biex joġġezzjonaw għall-ħruġ tal-viża.

3.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni jew it-tneħħija tar-rekwiżit għal konsultazzjoni minn qabel, bħala regola, tal-inqas 25 jum kalendarju qabel ma ssir applikabbli. Dik l-informazzjoni għandha tingħata wkoll fil-kuntest tal-kooperazzjoni lokali ta' Schengen fil-ġurisdizzjoni kkonċernata.”;

(b)

il-paragrafu 5 huwa mħassar;

(17)

l-Artikolu 23 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Dan il-perjodu jista' jiġi estiż sa massimu ta' 45 jum kalendarju f'każijiet individwali, b'mod notevoli meta jkun meħtieġ skrutinju ulterjuri tal-applikazzjoni.”;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.   Għandha tittieħed deċiżjoni mingħajr dewmien dwar l-applikazzjonijiet f'każijiet ta' urġenza individwali ġġustifikati.”;

(c)

il-paragrafu 3 huwa mħassar;

(d)

il-paragrafu 4 huwa emendat kif ġej:

(i)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“(ba)

tinħareġ viża għal transitu fl-ajruport f'konformità mal-Artikolu 26; jew”;

(ii)

punt (c) huwa ssostitwit permezz ta' dan li ġej:

“(c)

tinċaħad viża skont l-Artikolu 32.”;

(iii)

il-punt (d) huwa mħassar;

(18)

l-Artikolu 24 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

it-tielet subparagrafu huwa mħassar;

(ii)

ir-raba' subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Mingħajr preġudizzju għall-punt (a) tal-Artikolu 12, il-perijodu ta' validità ta' viża għal dħul wieħed għandu jinkludi ‘perijodu ta' konċessjoni’ addizzjonali ta' 15-il jum kalendarju”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Dment li l-applikant jissodisfa l-kondizzjonijiet ta' dħul stipulati fil-punt (a) u l-punti (c) sa (e) tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2016/399, viżi bi dħul multiplu b'validità twila għandhom jinħarġu għall-perijodi ta' validità li ġejjin, sakemm il-validità tal-viża ma tkunx taqbeż dik tad-dokument tal-ivvjaġġar:

(a)

għal perijodu ta' validità ta' sena, dment li l-applikant ikun kiseb u uża legalment tliet viżi fi żmien is-sentejn preċedenti;

(b)

għal perijodu ta' validità ta' sentejn, dment li l-applikant ikun kiseb u uża legalment viża bi dħul multiplu preċedenti valida għal sena matul is-sentejn preċedenti;

(c)

għal perijodu ta' validità ta' ħames snin, dment li l-applikant ikun kiseb u uża legalment viża bi dħul multiplu preċedenti valida għal sentejn matul it-tliet snin preċedenti.

Viżi għal transitu fl-ajruport u viżi b'validità territorjali limitata maħruġa f'konformità mal-Artikolu 25(1) ma għandhomx jiġu kkunsidrati għall-ħruġ ta' viżi bi dħul multiplu.”;

(c)

jiddaħħlu l-paragrafu li ġejjin:

“2a.   B'deroga mill-paragrafu 2, il-perijodu ta' validità tal-viża maħruġa jista' jitqassar f'każijiet individwali fejn ikun hemm dubju raġonevoli dwar jekk il-kondizzjonijiet tad-dħul ikunux ser jiġu ssodisfati għall-perijodu kollu.

2b.   B'deroga mill-paragrafu 2, il-konsulati għandhom, fil-kuntest tal-kooperazzjoni lokali ta' Schengen, jikkunsidraw jekk ir-regoli dwar il-ħruġ ta' viżi bi dħul multiplu stipulati fil-paragrafu 2 għandhomx jiġu adattati biex jitqiesu ċ-ċirkostanzi lokali, ir-riskji migratorji u r-riskji għas-sigurtà, fid-dawl tal-adozzjoni ta' regoli aktar favorevoli jew aktar restrittivi f'konformità mal-paragrafu 2d.

2c.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, viża bi dħul multiplu valida għal massimu ta' ħames snin tista' tinħareġ lil applikanti li jagħtu prova tal-ħtieġa jew jiġġustifikaw l-intenzjoni tagħhom li jivvjaġġaw ta' spiss jew regolarment, dment li jagħtu prova tal-integrità u l-affidabbiltà tagħhom, b'mod partikolari l-użu legali ta' viżi preċedenti, is-sitwazzjoni ekonomika fil-pajjiż tal-oriġini u l-intenzjoni ġenwina tagħhom li jitilqu mit-territorju tal-Istati Membri qabel l-iskadenza tal-viża li jkunu applikaw għaliha.

2d.   Fejn ikun meħtieġ, abbażi tal-kunsiderazzjoni msemmija fil-paragrafu 2b ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tadotta r-regoli dwar il-kondizzjonijiet għall-ħruġ ta' viżi bi dħul multiplu stipulati fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, li għandhom jiġu applikati f'kull ġurisdizzjoni sabiex jitqiesu ċ-ċirkostanzi lokali, tar-riskji migratorji u għas-sigurtà, u tar-relazzjonijiet ġenerali tal-Unjoni mal-pajjiż terz inkwistjoni. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 52(2).”;

(19)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 25a

Kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni

1.   Skont il-livell ta' kooperazzjoni ta' pajjiż terz mal-Istati Membri dwar ir-riammissjoni ta' migranti irregolari, ivvalidata abbażi ta' data rilevanti u oġġettiva, l-Artikolu 14(6), l-Artikolu 16(1), il-punt (b) tal-Artikolu 16(5), l-Artikolu 23(1), u l-Artikolu 24(2) u (2c) ma għandhomx japplikaw għal applikanti jew kategoriji ta' applikanti li jkunu ċittadini ta' pajjiż terz li jkun meqjus li ma jikkooperax biżżejjed f'konformità ma' dan l-Artikolu.

2.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta regolarment, tal-inqas darba fis-sena, il-kooperazzjoni tal-pajjiżi terzi fir-rigward tar-riammissjoni, billi tqis, b'mod partikolari, l-indikaturi li ġejjin:

(a)

l-għadd ta' deċiżjonijiet ta' ritorn maħruġa lil persuni mill-pajjiż terz inkwistjoni li jkunu b'soġġorn illegali fit-territorju tal-Istati Membri

(b)

l-għadd ta' ritorni reali furzati ta' persuni li jkunu nħarġulhom deċiżjonijiet ta' ritorn bħala perċentwal tal-għadd ta' deċiżjonijiet ta' ritorn maħruġa lil ċittadini tal-pajjiż terz inkwistjoni inkluż, fejn xieraq, abbażi ta' ftehimiet ta' riammissjoni tal-Unjoni jew bilaterali, l-għadd ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu għaddew mit-territorju tal-pajjiż terz inkwistjoni;

(c)

l-għadd ta' talbiet ta' riammissjoni għal kull Stat Membru aċċettati mill-pajjiż terz bħala perċentwal tal-għadd ta' tali talbiet sottomessi lilu;

(d)

il-livell ta' kooperazzjoni prattika fir-rigward tar-ritorn fl-istadji differenti tal-proċedura tar-ritorn, bħal:

(i)

l-assistenza li tingħata fl-identifikazzjoni tal-persuni b'soġġorn illegali fit-territorju tal-Istati Membri u fil-ħruġ f'waqtu tad-dokumenti tal-ivvjaġġar;

(ii)

l-aċċettazzjoni tad-dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment jew laissez-passer;

(iii)

l-aċċettazzjoni tar-riammissjoni ta' persuni li għandhom jiġu ritornati legalment lejn pajjiżhom;

(iv)

l-aċċettazzjoni tat-titjiriet u l-operazzjonijiet ta' ritorn.

Din il-valutazzjoni għandha tkun ibbażata fuq l-użu ta' data affidabbli pprovduta mill-Istati Membri, kif ukoll mill-istituzzjonijiet,, il-korpi, l-uffiċji u l-aġenziji tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta regolarment, tal-inqas darba f'sena, il-valutazzjoni tagħha lill-Kunsill.

3.   Stat Membru jista' wkoll jinnotifika lill-Kummissjoni jekk ikollu problemi prattiċi sostanzjali u persistenti fil-kooperazzjoni ma' pajjiż terz fir-riammissjoni ta' migranti irregolari abbażi tal-istess indikaturi bħal dawk elenkati fil-paragrafu 2. Il-Kummissjoni għandha tinforma minnufih lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill bin-notifika.

4.   Il-Kummissjoni għandha teżamina kwalunkwe notifika magħmula skont il-paragrafu 3 fi żmien perijodu ta' xahar. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bir-riżultati tal-eżami tagħha.

5.   Fejn, abbażi tal-analiżi msemmija fil-paragrafi 2 u 4, u b'kont meħud tal-passi meħudin mill-Kummissjoni biex jittejjeb il-livell ta' kooperazzjoni tal-pajjiż terz ikkonċernat fil-qasam tar-riammissjoni u r-relazzjonijiet ġenerali tal-Unjoni ma' dak il-pajjiż terz, inkluż fil-qasam tal-migrazzjoni, il-Kummissjoni tikkunsidra li pajjiż mhux qed jikkoopera biżżejjed u li għalhekk jeħtieġ li tittieħed azzjoni, jew fejn, fi żmien 12-il xahar, maġġoranza sempliċi tal-Istati Membri tkun innotifikat lill-Kummissjoni f'konformità mal-paragrafu 3, il-Kummissjoni, filwaqt li tkompli bl-isforzi tagħha biex ittejjeb il-kooperazzjoni mal-pajjiż terz ikkonċernat, għandha tippreżenta proposta lill-Kunsill biex tiġi adottata:

(a)

deċiżjoni ta' implimentazzjoni li tissospendi temporanjament l-applikazzjoni ta' xi wieħed jew aktar mill-Artikolu 14(6), il-punt (b) tal-Artikolu 16(5), l-Artikolu 23(1) jew l-Artikolu 24(2) u (2c), għaċ-ċittadini kollha tal-pajjiż terz ikkonċernat jew għal ċerti kategoriji minnhom;

(b)

fejn, wara valutazzjoni mill-Kummissjoni, il-miżuri applikati skont id-deċiżjoni ta' implimentazzjoni msemmija fil-punt (a) ta' dan il-paragrafu jitqiesu ineffikaċi, deċiżjoni ta' implimentazzjoni li tapplika, fuq bażi gradwali, waħda mit-tariffi tal-viża stabbiliti fl-Artikolu 16(2a) għaċ-ċittadini kollha tal-pajjiż terz ikkonċernat jew għal ċerti kategoriji minnhom.

6.   Il-Kummissjoni għandha kontinwament tivvaluta u tirrapporta abbażi tal-indikaturi stabbiliti fil-paragrafu 2 jekk ikunx jista' jiġi stabbilit titjib sostanzjali u sostnut fil-kooperazzjoni mal-pajjiż terz ikkonċernat dwar ir-riammissjoni ta' migranti irregolari u, b'kont meħud ukoll tar-relazzjonijiet ġenerali tal-Unjoni ma' dak il-pajjiż terz, tista' tippreżenta proposta lill-Kunsill biex jiġu revokati jew emendati d-deċiżjonijiet ta' implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 5.

7.   Mhux aktar tard minn sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ tad-deċiżjonijiet ta' implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 5, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress miksub fejn tidħol il-kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni ta' dak il-pajjiż terz.

8.   Fejn, abbażi tal-analiżi msemmija fil-paragrafu 2 u b'kont meħud tar-relazzjonijiet ġenerali tal-Unjoni mal-pajjiż terz ikkonċernat, speċjalment fejn tidħol il-kooperazzjoni fil-qasam tar-riammissjoni, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-pajjiż terz ikkonċernat ikun qed jikkoopera biżżejjed, hija tista' tippreżenta proposta lill-Kunsill biex tiġi adottata deċiżjoni ta' implimentazzjoni dwar applikanti jew kategoriji ta' applikanti li jkunu ċittadini ta' dak il-pajjiż terz u li japplikaw għal viża fit-territorju ta' dak il-pajjiż terz, li tipprevedi waħda jew aktar minn dawn li ġejjin:

(a)

tnaqqis tat-tariffa tal-viża msemmija fl-Artikolu 16(1) għal EUR 60;

(b)

tnaqqis taż-żmien li fih għandhom isiru d-deċiżjonijiet dwar applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 23(1) għal għaxart ijiem;

(c)

żieda fil-perijodu tal-validità tal-viżi bi dħul multiplu skont l-Artikolu 24(2).

Dik id-deċiżjoni ta' implimentazzjoni għandha tapplika għal massimu ta' sena. Din tista' tiġġedded.”;

(20)

l-Artikolu 27 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“1.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tadotta r-regoli għall-mili tal-istiker tal-viża. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 52(2).

2.   L-Istati Membri jistgħu jżidu annotamenti nazzjonali fit-taqsima tal-“kummenti” fl-istiker tal-viża. Dawk l-annotamenti ma għandhomx jidduplikaw l-annotamenti obbligatorji stabbiliti f'konformità mal-proċedura msemmija fil-paragrafu 1.”;

(b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.   Stiker tal-viża għal dħul wieħed tista' timtela manwalment biss fil-każ ta' forza maġġuri teknika. Ma għandha ssir ebda bidla fi stiker tal-viża li tkun imtliet manwalment.”;

(21)

l-Artikolu 29 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   L-istiker tal-viża għandha titwaħħal mad-dokument tal-ivvjaġġar.”;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tadotta r-regoli dettalji dwar it-twaħħil tal-istiker tal-viża. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 52(2).”;

(22)

l-Artikolu 31 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“1.   Stat Membru jista' jeħtieġ li l-awtoritajiet ċentrali tiegħu jiġu infurmati dwar viżi maħruġa minn Stati Membri oħrajn lil ċittadini ta' pajjiżi terzi speċifiċi jew lil kategoriji speċifiċi ta' tali ċittadini, minbarra fil-każ ta' viżi għal tranżitu fl-ajruport.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni jew it-tneħħija tar-rekwiżit għal din l-informazzjoni tal-inqas sa 25 jum kalendarju qabel ma ssir applikabbli. Dik l-informazzjoni għandha tingħata wkoll fil-kuntest tal-kooperazzjoni lokali ta' Schengen fil-ġurisdizzjoni kkonċernata.”;

(b)

il-paragrafu 4 huwa mħassar;

(23)

l-Artikolu 32 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-punt (a) tal-paragrafu 1 jiddaħħal il-punt li ġej:

“(iia)

ma jipprovdix ġustifikazzjoni għall-iskop u l-kondizzjonijiet tat-transitu fl-ajruport intenzjonat;”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Id-deċiżjoni għaċ-ċaħda u r-raġunijiet li fuqhom hi bbażata għandhom jiġu nnotifikati lill-applikant permezz tal-formola standard stabbilita fl-Anness VI bil-lingwa tal-Istat Membru li jkun ħa d-deċiżjoni finali dwar l-applikazzjoni u b'lingwa uffiċjali oħra tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni”.;

(c)

il-paragrafu 4 huwa mħassar;

(24)

l-Artikolu 36 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa mħassar;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.   Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, istruzzjonijiet operazzjonali għall-ħruġ ta' viżi fuq il-fruntiera lil baħħara. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 52(2).”;

(25)

fl-Artikolu 37, il-paragrafi 2 u 3 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“2.   Il-ħażna u l-ġestjoni tal-istikers tal-viża għandhom ikunu soġġetti għal miżuri ta' sigurtà adatti biex jiġu evitati l-frodi jew it-telf. Kull konsulat għandu jżomm kont tal-istokk ta' stikers tal-viża tiegħu u jirreġistra kif intużat kull stiker tal-viża. Kwalunkwe telf sinifikanti ta' stikers vojta tal-viża għandu jiġi rrappurtat lill-Kummissjoni.

3.   Il-konsulati jew l-awtoritajiet ċentrali għandhom iżommu arkivji tal-applikazzjonijiet stampati jew f'format elettroniku. Kull fajl individwali għandu jkun fih l-informazzjoni rilevanti li tippermetti rikostruzzjoni, jekk ikun hemm bżonn, tal-isfond għad-deċiżjoni meħuda dwar l-applikazzjoni.

Il-fajls individwali tal-applikazzjonijiet għandhom jinżammu għal tal-inqas sena mid-data tad-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni, kif imsemmija fl-Artikolu 23(1) jew, fil-każ ta' appell, sa tmiem il-proċedura tal-appell, skont liema perijodu jkun l-itwal. Jekk ikun applikabbli, il-fajls individwali tal-applikazzjonijiet elettroniċi għandhom jinżammu għall-perijodu tal-validità tal-viża maħruġa.”;

(26)

l-Artikolu 38 huwa emendat kif ġej:

(a)

l-intestatura hija sostitwita b'dan li ġej:

“Riżorsi għall-eżami tal-applikazzjonijiet u l-monitoraġġ tal-proċeduri tal-viża”;

(b)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Istati Membri għandhom jagħmlu użu minn persunal adatt f'għadd suffiċjenti fil-konsulati biex iwettqu l-kompiti relatati mal-eżami tal-applikazzjonijiet, b'tali mod li jiżguraw kwalità raġonevoli u armonizzata tas-servizz lill-pubbliku.”;

(c)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċedura kollha tal-viża fil-konsulati, inkluż il-preżentazzjoni u t-trattament tal-applikazzjonijiet, l-istampar tal-istikers tal-viża u l-kooperazzjoni prattika mal-fornituri esterni tas-servizzi, tiġi ssorveljata minn persunal espatrijat biex tiġi żgurata l-integrità tal-istadji kollha tal-proċedura.”;

(d)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   L-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri għandhom jipprovdu taħriġ adegwat kemm lill-membri tal-persunal espatrijati kif ukoll lill-membri tal-persunal impjegati lokalment u għandhom ikunu responsabbli biex jipprovdulhom informazzjoni kompluta, preċiża u aġġornata dwar il-liġi rilevanti tal-Unjoni u dik nazzjonali.”;

(e)

jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“3a.   Fejn applikazzjonijiet jiġu eżaminati u deċiżi mill-awtoritajiet ċentrali kif imsemmi fl-Artikolu 4(1a), l-Istati Membri għandhom jipprovdu taħriġ speċifiku biex jiżguraw li l-persunal ta' dawk l-awtoritajiet ċentrali ikollu għarfien suffiċjenti u aġġornat dwar il-pajjiż fir-rigward taċ-ċirkostanzi soċjoekonomiċi lokali, u informazzjoni kompleta, preċiża u aġġornata dwar il-liġi rilevanti tal-Unjoni u dik nazzjonali.

3b.   L-Istati Membri għandhom ukoll jiżguraw li l-konsulati jkollhom numru suffiċjenti ta' persunal adegwatament imħarreġ biex jassisti lill-awtoritajiet ċentrali jeżaminaw u jiddeċiedu dwar applikazzjonijiet, notevolment billi jipparteċipa f'laqgħat ta' kooperazzjoni lokali ta' Schengen, jiskambja informazzjoni ma' konsulati u awtoritajiet lokali oħrajn, jiġbor informazzjoni rilevanti lokalment dwar ir-riskju migratorju u prattiki frodulenti, u jwettaq intervisti u eżamijiet addizzjonali.”;

(f)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm proċedura fis-seħħ li tippermetti li l-applikanti jippreżentaw ilmenti rigward:

(a)

l-imġiba tal-persunal fil-konsulati u, fejn applikabbli, tal-fornituri esterni tas-servizzi; jew

(b)

il-proċess ta' applikazzjoni.

Il-konsulati jew l-awtoritajiet ċentrali għandhom iżommu rekord tal-ilmenti u s-segwitu li jingħata.

L-Istati Membri għandhom iqiegħdu l-informazzjoni dwar il-proċedura prevista f'dan il-paragrafu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.”;

(27)

fl-Artikolu 39, il-paragrafi 2 u 3 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“2.   Fit-twettiq ta' dmirijietu, il-persunal konsulari u tal-awtoritajiet ċentrali għandu jirrispetta b'mod sħiħ id-dinjità tal-bniedem. Kwalunkwe miżura meħuda għandha tkun proporzjonata għall-objettivi segwiti minn dawn il-miżuri.”;

3.   Fit-twettiq ta' dmirijietu, il-persunal konsulari u tal-awtoritajiet ċentrali ma għandux jiddiskrimina kontra persuni fuq bażi ta' sess, razza jew oriġini etnika, reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali.”;

(28)

l-Artikolu 40 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 40

Organizzazzjoni u kooperazzjoni konsulari

1.   Kull Stat Membru għandu jkun responsabbli biex jorganizza l-proċeduri relatati mal-applikazzjonijiet.

2.   L-Istati Membri għandhom:

(a)

jgħammru lill-konsulati u lill-awtoritajiet responsabbli tagħhom għall-ħruġ tal-viżi fuq il-fruntieri bil-materjal meħtieġ għall-ġbir tal-identifikaturi bijometriċi, kif ukoll lill-uffiċċji tal-konsli onorarji tagħhom, fejn jagħmlu użu minnhom, biex ikunu jistgħu jinġabru l-identifikaturi bijometriċi f'konformità mal-Artikolu 42;

(b)

jikkooperaw ma' Stat Membru wieħed jew aktar taħt arranġamenti ta' rappreżentazzjoni jew kwalunkwe forma oħra ta' kooperazzjoni konsulari.

3.   Stat Membru jista' jikkoopera wkoll ma' fornitur estern tas-servizzi f'konformità mal-Artikolu 43.

4.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-organizzazzjoni u l-kooperazzjoni konsulari tagħhom f'kull rappreżentanza konsulari.

5.   Fil-każ li jtemmu l-kooperazzjoni ma' Stati Membri oħra, l-Istati Membri għandhom jistinkaw biex jassiguraw il-kontinwità ta' servizz sħiħ.”;

(29)

l-Artikolu 41 huwa mħassar;

(30)

l-Artikolu 43 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 3 huwa mħassar;

(b)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“5.   Il-fornituri esterni tas-servizzi fl-ebda ċirkostanza m'għandu jkollhom aċċess għall-VIS. L-aċċess għall-VIS għandu jkun riżervat esklużivament għall-persunal debitament awtorizzat tal-konsulati jew tal-awtoritajiet ċentrali.”;

(c)

il-paragrafu 6 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (a) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(a)

jipprovdi informazzjoni ġenerali dwar ir-rekwiżiti għall-viża, f'konformità mal-punti (a) sa (c) tal-Artikolu 47(1), u l-formoli tal-applikazzjoni;”;

(ii)

il-punt (c) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(c)

jiġbor data u applikazzjonijiet (inkluż ġbir ta' identifikaturi bijometriċi) u jittrasmetti l-applikazzjoni lill-konsulat jew lill-awtoritajiet ċentrali;”;

(iii)

Il-punti (e) u (f) huma sostitwiti b'dan li ġej:

“(e)

jiġġestixxi l-appuntamenti għall-applikant, fejn applikabbli, fil-konsulat jew fil-bini ta' fornitur estern tas-servizzi.

(f)

jiġbor id-dokumenti tal-ivvjaġġar, inkluż notifika ta' ċaħda jekk applikabbli, mingħand il-konsulat jew l-awtoritajiet ċentrali u jgħaddihom lura lill-applikant.”;

(d)

il-paragrafu 7 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“7.   Fl-għażla tal-fornitur estern tas-servizzi, l-Istat Membru kkonċernat għandu jivvaluta l-affidabbiltà u s-solvenza tal-organizzazzjoni jew il-kumpannija u għandu jiżgura li ma jkun hemm l-ebda konflitt ta' interess. Il-valutazzjoni għandha tinkludi, kif xieraq, l-iskrutinju tal-liċenzji neċessarji, ir-reġistrazzjoni kummerċjali, l-istatuti u l-kuntratti bankarji.”;

(e)

il-paragrafu 9 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“9.   L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli għall-konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni ta' data personali u jiżguraw li l-fornitur estern tas-servizzi jkun soġġett għal sorveljanza mill-awtoritajiet ta' sorveljanza tal-protezzjoni tad-data skont l-Artikolu 51(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*5).

(*5)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), (ĠU L119, 4.5.2016, p. 1).”;"

(f)

il-paragrafu 11 huwa emendat kif ġej:

(i)

fl-ewwel subparagrafu, il-punti (a) u (b) huma sostitwiti b'dan li ġej:

“(a)

l-informazzjoni ġenerali dwar il-kriterji, il-kondizzjonijiet u l-proċeduri biex issir applikazzjoni għal viża, kif stipulat fil-punti (a) sa (c) tal-Artikolu 47(1), u l-kontenut tal-formoli ta' applikazzjoni pprovduti mill-fornitur estern tas-servizzi lill-applikanti.

(b)

il-miżuri ta' sigurtà kollha tekniċi u organizzattivi meħtieġa għall-protezzjoni tad-data personali kontra distruzzjoni aċċidentali jew illegali, jew telf, alterazzjoni, żvelar jew aċċess mhux awtorizzat aċċidentali, b'mod partikolari meta l-kooperazzjoni tkun tinvolvi t-trasmissjoni ta' fajls u data lill-konsulati jew lill-awtoritajiet ċentrali tal-Istat jew Stati Membri kkonċernati, u l-forom illegali l-oħra kollha ta' pproċessar ta' data personali;”;

(ii)

it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Għal dan l-iskop, il-konsulat(i) jew l-awtoritajiet ċentrali tal-Istat jew Stati Membri kkonċernati għandhom, fuq bażi regolari u tal-inqas kull disa' xhur, iwettqu spezzjonijiet għall-għarrieda fuq il-post tal-fornitur estern tas-servizzi. L-Istati Membri jistgħu jaqblu li jaqsmu bejniethom l-oneru ta' dan il-monitoraġġ regolari.”;

(g)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“11a.   Sal-1 ta' Frar ta' kull sena, l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni magħhom u s-sorveljanza tagħhom, kif imsemmi fil-punt C tal-Anness X, tal-fornituri esterni tas-servizzi madwar id-dinja.”;

(31)

l-Artikolu 44 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 44

Kriptaġġ u trasferiment sigur ta' data

1.   Fil-każ ta' kooperazzjoni fost l-Istati Membri u kooperazzjoni ma' fornitur estern tas-servizzi u r-rikors għal konsli onorarji, l-Istat jew Stati Membri kkonċernati għandhom jiżguraw li d-data tkun kompletament kriptata, kemm jekk trasferita elettronikament jew fiżikament fuq mezz ta' ħżin elettroniku.

2.   F'pajjiżi terzi li jipprojbixxu li d-data kriptata ta' tiġi trasferita elettronikament, l-Istat jew Stati Membri kkonċernati ma għandhomx jippermettu li d-data tiġi trasferita elettronikament.

F'dawn il-każijiet, l-Istat jew Stati Membri kkonċernati għandhom jiżguraw li d-data elettronika tiġi trasferita fiżikament f'forma kompletament kriptata fuq mezz ta' ħżin elettroniku minn uffiċjal konsulari ta' Stat Membru jew, fejn trasferiment bħal dan ikun jirrikjedi miżuri sproporzjonati jew mhux raġonevoli, b'mod sigur ieħor, pereżempju bl-użu ta' operaturi stabbiliti li jkollhom esperjenza fit-trasport ta' dokumenti u data sensittiva fil-pajjiż terz ikkonċernat.

3.   Fil-każijiet kollha l-livell ta' sigurtà għat-trasferiment għandu jiġi adattat għan-natura sensittiva tad-data.”;

(32)

l-Artikolu 45 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   L-intermedjarji kummerċjali akkreditati għandhom ikunu ssorveljati regolarment permezz ta' kontrolli fuq il-post li jinvolvu intervisti wiċċ imb' wiċċ jew bit-telefon mal-applikanti, il-verifika tal-vjaġġi u tal-akkomodazzjoni, u kulfejn jitqies neċessarju, il-verifika tad-dokumenti b'rabta mar-ritorn tal-grupp.”;

(b)

fil-paragrafu 5, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Kull konsulati u l-awtoritajiet ċentrali għandhom jiżguraw li l-pubbliku jkun informat bil-lista tal-intermedjarji kummerċjali akkreditati li jikkooperaw magħhom, fejn rilevanti.”;

(33)

l-Artikolu 47(1) huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

“(aa)

il-kriterji biex applikazzjoni titqies ammissibbli, kif previst fl-Artikolu 19(1);

(ab)

dik id-data bijometrika, fil-prinċipju, tinġabar kull 59 xahar, li jibdew mid-data tal-ewwel ġbir;”;

(b)

il-punt (c) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(c)

fejn l-applikazzjoni tkun tista' tiġi ppreżentata (il-konsulat kompetenti jew il-fornitur estern tas-servizzi);”;

(c)

jiżdied il-punt li ġej:

“(j)

informazzjoni dwar il-proċedura tal-ilmenti prevista fl-Artikolu 38(5).”;

(34)

l-Artikolu 48 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Il-konsulati t u d-delegazzjonijiet tal-Unjoni għandhom jikkooperaw f'kull ġurisdizzjoni sabiex tiġi żgurata applikazzjoni armonizzata tal-politika komuni dwar il-viżi filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi lokali.

Għal dak il-għan, f'konformità mal-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE (*6), il-Kummissjoni għandha toħroġ struzzjonijiet lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni biex iwettqu l-kompiti ta' koordinazzjoni rilevanti previsti f'dan l-Artikolu.

Fejn, l-applikazzjonijiet ippreżentati fil-ġurisdizzjoni kkonċernata jiġu eżaminati u deċiżi mill-awtoritajiet ċentrali jkunu qed kif imsemmi fl-Artikolu 4(1a), l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-involviment attiv ta' dawk l-awtoritajiet ċentrali fil-kooperazzjoni lokali ta' Schengen. Il-persunal li jikkontribwixxi għall-kooperazzjoni lokali ta' Schengen għandu jkun imħarreġ sew u involut fl-eżami tal-applikazzjonijiet fil-ġurisdizzjoni kkonċernata.

(*6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta' Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30).”;"

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom, b'mod partikolari, jikkooperaw sabiex:

(a)

iħejju lista armonizzata ta' dokumenti ta' sostenn li għandhom ikunu ppreżentati mill-applikanti, b'kont meħud tal-Artikolu 14;

(b)

iħejju l-implimentazzjoni lokali tal-Artikolu 24(2) rigward il-ħruġ ta' viżi bi dħul multiplu;

(c)

jiżguraw traduzzjoni komuni tal-formola tal-applikazzjoni, fejn rilevanti;

(d)

jistabbilixxu l-lista ta' dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa mill-pajjiż ospitanti, u jaġġornawha regolarment;

(e)

ifasslu skeda informattiva komuni li jkun fiha l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 47(1);

(f)

jissorveljaw, fejn rilevanti, l-implimentazzjoni tal-Artikolu 25a(5) u (6).”;

(c)

il-paragrafu 2 huwa mħassar;

(d)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   L-Istati Membri taħt il-kooperazzjoni lokali ta' Schengen għandhom jiskambjaw l-informazzjoni li ġejja:

(a)

statistika kull kwart dwar il-viżi uniformi, il-viżi b'validità territorjali limitata, u l-viżi għal transitu fl-ajruport li għalihom tkun saret applikazzjoni, kemm li jkunu nħarġu kif ukoll li nċaħdu;

(b)

informazzjoni rigward il-valutazzjoni tar-riskji migratorji u riskji għas-sigurtà, b'mod partikolari dwar:

(i)

l-istruttura soċjoekonomika tal-pajjiż ospitanti;

(ii)

is-sorsi ta' informazzjoni fil-livell lokali, inkluż is-sigurtà soċjali, l-assigurazzjoni tas-saħħa, ir-reġistri fiskali u r-reġistrazzjonijiet tad-dħul u l-ħruġ;

(iii)

l-użu ta' dokumenti foloz, kontrafatti jew iffalsifikati;

(iv)

ir-rotot ta' immigrazzjoni irregolari;

(v)

ix-xejriet f'imġiba frodulenti;

(vi)

ix-xejriet rigward iċ-ċaħdiet;

(c)

informazzjoni dwar kooperazzjoni ma' fornituri esterni tas-servizzi u ma' kumpanniji tat-trasport;

(d)

informazzjoni dwar il-kumpanniji tal-assigurazzjoni li jipprovdu assigurazzjoni medika tal-ivvjaġġar adegwata, inkluża l-verifika tat-tip ta' kopertura u l-ammont possibbli tal-eċċess.”;

(e)

fil-paragrafu 5, it-tieni subparagrafu huwa mħassar;

(f)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“7.   Għandu jitħejja rapport annwali f'kull ġurisdizzjoni sal-31 ta' Diċembru ta' kull sena. Abbażi ta' dawk ir-rapporti, il-Kummissjoni għandha tfassal rapport annwali dwar l-istat tal-kooperazzjoni lokali ta' Schengen li għandu jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.”;

(35)

l-Artikolu 50 huwa mħassar;

(36)

l-Artikolu 51 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 51

Istruzzjonijiet dwar l-applikazzjoni prattika ta' dan ir-Regolament

Il-Kummissjoni, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tadotta struzzjonijiet operazzjonali dwar l-applikazzjoni prattika tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 52(2).”;

(37)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 51a

Eżerċizzju tad-delega

1.   Il-Kummissjoni qed tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 16(9) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta' ħames snin mill-1 ta' Awwissu 2019. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport dwar id-delega ta' setgħa mhux aktar tard minn disa' xhur qabel tmiem il-perijodu ta' ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża b'mod taċitu għal perijodi ta' żmien identiċi sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perijodu.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 16(9) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Id-deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Hija għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data sussegwenti speċifikata fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità tal-atti delegati li jkunu diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (*7).

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat li jiġi adottat skont l-Artikolu 16(9) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill f'perijodu ta' xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn informaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

(*7)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.”;"

(38)

l-Artikolu 52 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 52

Proċedura ta' kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat, (“il-Kumitat tal-Viża”). Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 Parlament Ewropew u l-Kunsill (*8).

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Fejn il-Kumitat ma jagħti ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta' implimentazzjoni u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(*8)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).”;"

(39)

l-Anness I huwa sostitwit bit-test fl-Anness I għal dan ir-Regolament;

(40)

l-Anness V huwa sostitwit bit-test fl-Anness II għal dan ir-Regolament;

(41)

l-Anness VI huwa sostitwit bit-test fl-Anness III għal dan ir-Regolament;

(42)

l-Annessi VII, VIII u IX huma mħassra;

(43)

l-Anness X huwa sostitwit bit-test fl-Anness IV għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Monitoraġġ u evalwazzjoni

1.   Sat-2 ta' Awwissu 2022, il-Kummissjoni għandha tipproduċi evalwazzjoni tal-applikazzjoni tar- -Regolament (KE) Nru 810/2009, kif emendat b'dan ir-Regolament. Din l-evalwazzjoni ġenerali għandha tinkludi eżami tar-riżultati miksuba meta mqabbla mal-objettivi u tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 810/2009, kif emendat b'dan ir-Regolament.

2.   Il-Kummissjoni għandha tibgħat l-evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Fuq il-bażi tal-evalwazzjoni, il-Kummissjoni għandha tippreżenta, jekk ikun meħtieġ, proposti xierqa.

3.   Sat-2 ta' Mejju 2020, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni id-data rilevanti disponibbli dwar l-użu tal-assigurazzjoni medika tal-ivvjaġġar imsemmija fl-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 minn detenturi ta' viża matul is-soġġorn tagħhom fit-territorju tal-Istati Membri, kif ukoll l-ispejjeż imġarrba mill-awtoritajiet nazzjonali jew mill-fornituri ta' servizzi mediċi għad-detenturi tal-viża. Abbażi ta' dik id-data, il-Kummissjoni għandha, sat-2 ta' Novembru 2020, tipproduċi rapport li għandu jintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Għandu jibda japplika mit-2 ta' Frar 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha f'konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Ġunju 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  ĠU C 440, 6.12.2018, p. 142.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' April 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta' Ġunju 2019.

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) (ĠU L 243, 15.9.2009, p. 1).

(4)  Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77).

(5)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u Irlanda ta' Fuq biex jieħdu parti f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43).

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 dwar it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f'xi wħud mid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

(9)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(10)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

(11)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(12)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2008/146/KE tat-28 ta' Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

(13)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(14)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta' Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki fuq il-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).


ANNESS I

“ANNESS I

Formola armonizzata tal-applikazzjoni

APPLIKAZZJONI GĦAL VIŻA TA' SCHENGEN

Din il-formola tal-applikazzjoni hija bla ħlas

Image 1  (1)

Membri tal-familja ta' ċittadini tal-UE, taż-ŻEE jew tal-Konfederazzjoni Żvizzera ma għandhomx jimlew il-partijiet nru 21, 22, 30, 31 u 32 (immarkati b'*).

Il-partijiet 1-3 għandhom jimtlew skont kif jidhru fid-dokument tal-ivvjaġġar.

1.

Kunjom (Isem tal-familja):

GĦAL UŻU UFFIĊJALI BISS

Data tal-applikazzjoni:

Numru tal-applikazzjoni::

2.

Kunjom fit-twelid (Kunjom(ijiet) preċedenti):

3.

L-ewwel isem/ismijiet (Isem/ismijiet mogħti(ja)):

4.

Data tat-twelid (jum-xahar-sena):

5.

Post tat-twelid:

6.

Pajjiż tat-twelid::

7.

Ċittadinanza attwali:

Ċittadinanza fit-twelid, jekk tkun differenti:

Ċittadinanzi oħra::

Applikazzjoni ppreżentata lil

Ambaxxata/konsulat

Fornitur tas-servizzi

Intermedjarju kummerċjali

8.

Sess:

☐ Raġel ☐ Mara

9.

Status ċivili:

☐ Ġuvni/Xebba ☐ Miżżewweġ/Miżżewġa ☐ Sħubija reġistrata ☐ Separat(a) ☐ Divorzjat(a) ☐ Armel/Armla ☐ Ieħor (jekk jogħġbok speċifika):

Fruntiera (Isem):

Oħra

10.

Awtorità tal-ġenituri (f'każ ta' minorenni) /kustodju legali (kunjom, isem, indirizz, jekk ikun differenti minn dak tal-applikant, numru tat-telefon, indirizz tal-posta elettronika u ċittadinanza):

Fajl ġestit minn: ☐

11.

Numru tal-identità nazzjonali, fejn applikabbli:

Dokumenti ta' sostenn:

Dokument tal-ivvjaġġar

Mezzi ta' sussistenza

Stedina

12.

Tip ta' dokument tal-ivvjaġġar:

☐ Passaport ordinarju ☐ Passaport diplomatiku ☐ Passaport tas-servizz ☐ Passaport uffiċjali ☐ Passaport speċjali

☐ Dokument tal-ivvjaġġar ieħor (jekk jogħġbok speċifika):

13.

Numru tad-dokument tal-ivvjaġġar:

14.

Data tal-ħruġ:

15.

Validu sa:

16.

Maħruġ fi (pajjiż):

Assigurazzjoni medika tal-ivvjaġġar

Mezzi ta' trasport

Oħra:

Deċiżjoni dwar viża:

Miċħuda

Maħruġa:

A

C

VTL

Valida:

Minn:

Sa:

17.

Data personali tal-membru tal-familja li huwa ċittadin tal-UE, taż-ŻEE jew tal-Konfederazzjoni Żvizzera jekk applikabbli

Kunjom (Isem tal-familja):

Isem/ismijiet (Isem/ismijiet mogħti(ja)):

Data tat-twelid (jum-xahar-sena):

Ċittadinanza:

Numru tad-dokument tal-ivvjaġġar jew tal-karta tal-identità:

18.

Parentela familjari ma' ċittadin tal-UE, taż-ŻEE jew tal-Konfederazzjoni Żvizzera jekk applikabbli:

☐ konjuġi ☐ wild ☐ wild tal-wild ☐ axxendent dipendenti

☐ Sħubija Reġistrata ☐ oħra: ☐

19.

Indirizz tad-dar u indirizz tal-posta elettronika tal-applikant:

Nru tat-telefon:

20.

Residenza f'pajjiż li mhuwiex il-pajjiż taċ-ċittadinanza attwali:

☐ Le

☐ Iva. Permess ta' residenza jew ekwivalenti … Nru … Validu sa …

*21.

Impjieg attwali:

Għadd ta' dħul:

☐ 1 ☐ 2 ☐ Multiplu

Għadd ta' jiem:

*22.

Isem l-impjegatur u l-indirizz u n-numru tat-telefon tiegħu. Għall-istudenti, l-isem u l-indirizz tal-istabbiliment edukattiv:

23.

Skop(ijiet) tal-vjaġġ:

☐ Turiżmu ☐ Negozju ☐ Żjara lill-familja jew lill-ħbieb ☐ Kulturali ☐ Sports ☐ Żjara uffiċjali ☐ Raġunijiet mediċi ☐ Studju ☐ Transitu fl-ajruport ☐ Oħra (jekk jogħġbok speċifika):

24.

Informazzjoni addizzjonali dwar l-iskop tas-soġġorn:

25.

Stat Membru ta' destinazzjoni prinċipali (u Stati Membri oħra ta' destinazzjoni, jekk applikabbli):

26.

Stat Membru tal-ewwel dħul:

27.

Għadd ta' dħul mitlub:

☐ Dħul wieħed ☐ Żewġ daħliet ☐ Dħul multiplu

Data prevista tal-wasla tal-ewwel soġġorn intenzjonat fiż-żona Schengen:

Data prevista tat-tluq miż-żona Schengen wara l-ewwel soġġorn intenzjonat:

28.

Marki tas-swaba' miġbura preċedentement bl-iskop li ssir applikazzjoni għal viża ta' Schengen: ☐ Le ☐ Iva.

Data, jekk magħrufa … Numru tal-istiker tal-viża, jekk magħruf …

29.

Permess ta' dħul għall-pajjiż tad-destinazzjoni finali, fejn applikabbli:

Maħruġ minn … Validu minn … sa …

*30.

Kunjom u isem il-persuna/i li qed tistieden/jistiednu fl-Istat(i) Membru/i. Jekk mhux applikabbli, isem il-lukanda/i jew l-akkomodazzjoni(jiet) temporanja/i fl-Istat(i) Membru/i:

L-indirizz u l-indirizz tal-posta elettronika tal-persuna/i li qed tistieden/jistiednu / il-lukanda/i / l-akkomodazzjoni(jiet) temporanja/i:

Nru tat-telefon:

*31.

Isem u indirizz tal-kumpannija/organizzazzjoni li qed tistieden:

Kunjom, isem, indirizz, nru tat-telefon, u indirizz tal-posta elettronika tal-persuna ta' kuntatt fil-kumpannija/fl-organizzazzjoni:

Nru tat-telefon tal-kumpannija/organizzazzjoni:

*32.

L-ispiża tal-ivvjaġġar u tal-għajxien matul is-soġġorn tal-applikant hija koperta:

mill-applikant stess

Mezzi ta' sussistenza

Flus kontanti

Ċekkijiet tal-vjaġġaturi

Karta ta' kreditu

Akkomodazzjoni mħallsa minn qabel

Trasport imħallas minn qabel

Oħra (jekk jogħġbok speċifika):

minn sponsor (ospitant, kumpannija, organizzazzjoni), jekk jogħġbok speċifika:

… ☐ imsemmi fil-parti 30 jew 31

… ☐ oħra (jekk jogħġbok speċifika):

Mezzi ta' sussistenza:

Flus kontanti

Akkomodazzjoni pprovduta

L-ispejjeż kollha koperti waqt is-soġġorn

Trasport imħallas minn qabel

Oħra (jekk jogħġbok speċifika):

 

Jien konxju/a li t-tariffa tal-viża ma tingħatax lura jekk il-viża tiġi miċħuda.

 

Applikabbli f'każ fejn issir applikazzjoni għal viża bi dħul multiplu:

Jien konxju/a mill-ħtieġa li jkolli assigurazzjoni medika tal-ivvjaġġar adegwata għall-ewwel soġġorn tiegħi u għal kwalunkwe żjara sussegwenti fit-territorju tal-Istati Membri.

 

Jien konxju/a u nagħti l-kunsens tiegħi għal dan li ġej: il-ġbir tad-data meħtieġa minn din il-formola tal-applikazzjoni u t-teħid tar-ritratt tiegħi u, jekk applikabbli, it-teħid tal-marki tas-swaba', huma obbligatorji għall-eżami tal-applikazzjoni; u kull data personali li tikkonċernani li tidher fil-formola tal-applikazzjoni, kif ukoll il-marki tas-swaba' tiegħi u r-ritratt tiegħi, jintbagħtu lill-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri u jiġu pproċessati minn dawk l-awtoritajiet, bl-iskop li tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tiegħi.

Din id-data kif ukoll id-data li tikkonċerna d-deċiżjoni meħuda fl-applikazzjoni tiegħi jew deċiżjoni dwar jekk viża li tkun inħarġet tiġix annullata, revokata jew estiża ser jiddaħħlu, u jinħażnu fis-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) għal perijodu massimu ta' ħames snin, li matulu jkunu aċċessibbli għall-awtoritajiet tal-viża u l-awtoritajiet responsabbli mit-twettiq ta' verifiki tal-viżi fuq il-fruntieri esterni u fl-Istati Membri, għall-awtoritajiet tal-immigrazzjoni u l-asil fl-Istati Membri biex jivverifikaw jekk il-kondizzjonijiet għal dħul, soġġorn u residenza legali fit-territorju tal-Istati Membri ntlaħqux, biex jiġu identifikati persuni li ma jissodisfawx, jew li ma għadhomx jissodisfaw dawn il-kondizzjonijiet, biex tiġi eżaminata applikazzjoni għall-asil u biex tiġi determinata r-responsabbiltà għal dan l-eżami. F'ċerti kondizzjonijiet, id-data ser tkun disponibbli wkoll għall-awtoritajiet maħtura tal-Istati Membri u għall-Europol għall-iskop ta' prevenzjoni, kxif u investigazzjoni ta' reati terroristiċi u ta' reati kriminali serji oħra. L-awtorità tal-Istat Membru li hija responsabbli mill-ipproċessar tad-data hija: [(…)].

Jiena konxju li għandi d-dritt li, fi kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri, inkun mgħarraf bid-data relatata miegħi li hija rreġistrata fil-VIS u bl-Istat Membru li ttrasmetta d-data, u li nitlob li data relatata miegħi li ma tkunx eżatta, tiġi kkoreġuta u li d-data relatata miegħi li tkun ġiet ipproċessata illegalment titħassar. Fuq talba espressa tiegħi, l-awtorità li teżamina l-applikazzjoni tiegħi ser tgħarrafni bil-mod li bih nista' neżerċita d-dritt tiegħi biex nivverifika d-data personali li tikkonċernani u nagħmel mezz biex nikkorreġiha jew inħassarha, inkluż ir-rimedji relatati skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat. L-awtorità superviżorja nazzjonali ta' dak l-Istat Membru [dettalji ta' kuntatt: …] ser tisma' pretensjonijiet rigward il-protezzjoni ta' data personali.

Niddikjara li sa fejn naf jien id-dettalji kollha mogħtija minni huma korretti u kompluti. Jiena konxju li kull dikjarazzjoni falza twassal biex l-applikazzjoni tiegħi tiġi miċħuda jew għall-annullament ta' viża li tkun diġà nħarġet u tista' wkoll tagħmilni suġġett għal prosekuzzjoni skont il-liġi tal-Istat Membru li jittratta l-applikazzjoni.

Nimpenja ruħi li nitlaq mit-territorju tal-Istati Membri qabel ma tiskadi l-viża, jekk tingħatali. Ġejt mgħarraf li l-pussess ta' viża huwa biss wieħed mill-prerekwiżiti għad-dħul fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri. Is-sempliċi fatt li ngħatatli viża ma jfissirx li jiena ser inkun intitolat għal kumpens jekk nonqos milli nikkonforma mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) Nru 2016/399 (il-Kodiċi dwar il-Fruntieri ta' Schengen) u għalhekk niġi miċħud id-dħul. Il-prerekwiżiti għad-dħul jerġgħu jiġu vverifikati mad-dħul fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri.

 

Post u data:

Firma:

(firma tal-persuna bis-setgħa tal-ġenituri/il-kustodju legali, jekk applikabbli):

”.

(1)  Mhi meħtieġa ebda emblema għan-Norveġja, l-Iżlanda, il-Liechtenstein u l-Iżvizzera.


ANNESS II

“ANNESS V

LISTA TA' PERMESSI TA' RESIDENZA LI JINTITOLAW LID-DETENTUR GĦAL TRANSITU MILL-AJRUPORTI TAL-ISTATI MEMBRI MINGĦAJR MA JKUN MEĦTIEĠ LI JKUN FIL-PUSSESS TA' VIŻA GĦAL TRANSITU FL-AJRUPORT

ANDORRA:

autorització temporal (permess ta' immigrazzjoni temporanju – aħdar),

autorització temporal per a treballadors d'empreses estrangeres (permess ta' immigrazzjoni temporanju għall-impjegati ta' intrapriżi barranin – aħdar),

autorització residència i treball (permess ta' residenza u tax-xogħol – aħdar),

autorització residència i treball del personal d'ensenyament (permess ta' residenza u tax-xogħol għal persunal li jgħallem – aħdar),

autorització temporal per estudis o per recerca (permess ta' immigrazzjoni temporanju għal studju jew riċerka – aħdar),

autorització temporal en pràctiques formatives (permess ta' immigrazzjoni temporanju għal apprendistati u taħriġ – aħdar),

autorització residència (permess ta' residenza – aħdar).

KANADA:

permanent resident (PR) card (kard ta' resident permanenti),

permanent Resident Travel Document (PRTD) (dokument tal-ivvjaġġar għal resident permanenti).

ĠAPPUN:

karta ta' residenza.

SAN MARINO:

permesso di soggiorno ordinario (validità ta' sena, jista' jiġġedded dakinhar li jiskadi),

permessi ta' residenza speċjali għar-raġunijiet li ġejjin (validità ta' sena, jista' jiġġedded dakinhar li jiskadi): attendenza ta' kors universitarju, sports, kura tas-saħħa, motivi reliġjużi, persuni li jaħdmu bħala infermiera fi sptarijiet pubbliċi, funzjonijiet diplomatiċi, koabitazzjoni, permess għal minorenni, motivi umanitarji, permess għall-ġenituri,

permessi tax-xogħol staġjonali u temporanji (validità ta' 11-il xahar, jista' jiġġedded dakinhar li jiskadi),

karta tal-identità maħruġa għal nies b'residenza uffiċjali f'San Marino (“residenza”) (validità ta' 5 snin).

STATI UNITI TAL-AMERKA:

viża ta' immigrant valida, mhux skaduta. tista' tkun ivvalidata fil-port tad-dħul għal sena bħala evidenza temporanja ta' residenza, filwaqt li l-kard I-551 tkun qiegħda fil-proċess li tkun prodotta,

formola I-551 valida, mhux skaduta (Kard ta' Resident Permanenti); tista' tkun valida sa sentejn (2) jew sa 10 snin – skont il-klassi tal-ammissjoni; jekk fuq il-kard ma jkunx hemm data tal-iskadenza, il-kard tkun valida għall-ivvjaġġar,

formola I-327 valida, mhux skaduta (Permess ta' Dħul mill-Ġdid),

formola I-571 valida, mhux skaduta (Dokument tal-Ivvjaġġar għal Refuġjat approvat bħala “Barrani Residenti Permanenti”).

”.

ANNESS III

“ANNESS VI

Image 2  (1)

FORMOLA STANDARD GĦAN-NOTIFIKA TAR-RAĠUNIJIET TA' ĊAĦDA, ANNULLAMENT JEW REVOKA TA' VIŻA

ĊAĦDA/ANNULLAMENT/REVOKA TA' VIŻA

Sinjura/Sur …,

L-ambaxxata/il-konsulat-ġenerali/il-konsulat/[awtorità kompetenti oħra] ta' … fi … [f'isem (isem l-Istat Membru rrappreżentat)];

[Awtorità kompetenti oħra] ta' …;

L-awtoritajiet responsabbli għal verifiki fuq persuni fi …

eżaminaw l-applikazzjoni tiegħek;

eżaminaw il-viża tiegħek, bin-numru: …, maħruġa: … [jum/xahar/sena].

Il-viża ġiet miċħuda

Il-viża ġiet annullata

Il-viża ġiet irrevokata

Din id-deċiżjoni hija bbażata fuq ir-raġuni(jiet) li ġejja/ġejjin:

1.

ġie ppreżentat dokument tal-ivvjaġġar falz/kontrafatt/iffalsifikat

2.

ma ngħatatx ġustifikazzjoni għall-iskop u l-kondizzjonijiet tas-soġġorn intenzjonat

3.

ma tajtx prova ta' mezzi suffiċjenti ta' sussistenza, għat-tul tas-soġġorn intenzjonat jew għar-ritorn fil-pajjiż tal-oriġini jew ta' residenza, jew għat-transitu lejn pajjiż terz li fih inti ċert li ser titħalla tidħol

4.

ma tajtx prova li inti tinsab f'pożizzjoni li takkwista b'mod legali mezzi suffiċjenti ta' sussistenza, għat-tul tas-soġġorn intenzjonat jew għar-ritorn fil-pajjiż tal-oriġini jew ta' residenza, jew għat-transitu lejn pajjiż terz li fih inti ċert li ser titħalla tidħol

5.

diġà qgħadt għal 90 jum matul il-perijodu attwali ta' 180 jum fit-territorju tal-Istati Membri abbażi ta' viża uniformi jew viża b'validità territorjali limitata

6.

inħareġ allert fis-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS) biex jinċaħadlek id-dħul minn … (indikazzjoni tal-Istat Membru)

7.

Stat Membru jew aktar jikkunsidraw li inti ta' theddida għall-ordni pubbliku jew is-sigurtà interna

8.

Stat Membru wieħed jew aktar jikkunsidraw li inti ta' theddida għas-saħħa pubblika kif definita fil-punt (21) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 2016/399 (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen)

9.

Stat Membru wieħed jew aktar jikkunsidraw li inti ta' theddida għar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom

10.

l-informazzjoni pprovduta rigward il-ġustifikazzjoni għall-iskop u l-kondizzjonijiet tas-soġġorn intenzjonat ma kinitx affidabbli

11.

jeżistu dubji raġonevoli dwar l-affidabbiltà tad-dikjarazzjonijiet li saru rigward … (jekk jogħġbok speċifika)

12.

hemm dubji raġonevoli dwar l-affidabbiltà fir-rigward tal-awtentiċità tad-dokumenti ta' sostenn ippreżentati jew dwar il-verità tal-kontenut tagħhom

13.

hemm dubji raġonevoli dwar l-intenzjoni tiegħek li titlaq mit-territorju tal-Istati Membri qabel l-iskadenza tal-viża

14.

ma ngħatatx prova suffiċjenti li inti ma kontx f'pożizzjoni li tapplika għal viża minn qabel, li tiġġustifika l-applikazzjoni għal viża fuq il-fruntiera

15.

ma ngħatatx ġustifikazzjoni għall-iskop u l-kondizzjonijiet tat-transitu fl-ajruport intenzjonat

16

ma tajtx prova li għandek fil-pussess tiegħek assigurazzjoni medika tal-ivvjaġġar adegwata u valida

17.

ir-revoka tal-viża ntalbet mid-detentur tal-viża (2).

Kummenti addizzjonali:

Inti tista' tappella kontra d-deċiżjoni ta' ċaħda/annullament/revoka ta' viża.

Ir-regoli dwar l-appell kontra deċiżjonijiet ta' ċaħda/annullament/revoka ta' viża huma stipulati fi (referenza għal-liġi nazzjonali):

L-awtorità kompetenti li quddiema jista' jiġi ppreżentat appell (dettalji ta' kuntatt):

L-informazzjoni dwar il-proċedura li għandha tiġi segwita tinsab hawn (dettalji ta' kuntatt):

Appell għandu jiġi ppreżentat fi żmien (indikazzjoni tal-limitu ta' żmien):

Data u timbru tal-ambaxxata/konsulat-ġenerali/konsulat/ tal-awtoritajiet responsabbli mill-verifiki fuq il-persuni/ta' awtoritajiet kompetenti oħra:

Firma tal-persuna kkonċernata (3): …

”.

(1)  Mhi meħtieġa ebda emblema għan-Norveġja, l-Iżlanda, il-Liechtenstein u l-Iżvizzera.

(2)  Revoka ta' viża bbażata fuq din ir-raġuni mhijiex soġġetta għad-dritt ta' appell.

(3)  Jekk meħtieġa mil-liġi nazzjonali.


ANNESS IV

“ANNESS X

LISTA TA' REKWIŻITI MINIMI LI GĦANDHOM JIĠU INKLUŻI FL-ISTRUMENT LEGALI FIL-KAŻ TA' KOOPERAZZJONI MA' FORNITURI ESTERNI TAS-SERVIZZI

A.

L-istrument legali għandu:

(a)

jinnumera l-kompiti li għandhom jitwettqu mill-fornitur estern tas-servizzi, f'konformità mal-Artikolu 43(6) ta' dan ir-Regolament;

(b)

jindika l-postijiet minn fejn ikun ser jopera l-fornitur estern tas-servizzi u l-konsulat li ċ-ċentru tal-applikazzjoni individwali jirreferi għalih;

(c)

jelenka s-servizzi koperti mit-tariffa għas-servizz obbligatorja;

(d)

jagħti struzzjonijiet lill-fornitur estern tas-servizzi biex jagħti informazzjoni ċara lill-pubbliku li servizzi fakultattivi oħra huma koperti minn tariffi oħra.

B.

Rigward it-twettiq tal-attivitajiet tiegħu, il-fornitur estern tas-servizzi għandu, rigward il-protezzjoni tad-data:

(a)

jipprevjeni fil-ħinijiet kollha kwalunkwe qari, ikkupjar, modifika jew tħassir mhux awtorizzat ta' data, b'mod partikolari matul it-trasmissjoni tagħha lill-konsulat tal-Istat Membru jew l-Istati Membri kompetenti għall-ipproċessar ta' applikazzjoni;

(b)

f'konformità mal-istruzzjonijiet mogħtija mill-Istat jew l-Istati Membri kkonċernati, jittrasmetti d-data:

elettronikament, f'forma kriptata, jew

fiżikament, b'mod sikur;

(c)

jittrasmetti d-data mill-aktar fis possibbli:

fil-każ ta' data trasferita fiżikament, tal-inqas darba fil-ġimgħa,

fil-każ ta' data kriptata trasferita b'mod elettroniku, tal-inqas fi tmiem il-jum li fih tkun inġabret,

(d)

jiżgura li jkun hemm mezzi xierqa għall-intraċċar ta' fajls ta' applikazzjonijiet individwali lil u mill-konsulat;

(e)

iħassar id-data mhux aktar tard minn sebat ijiem wara li din tkun ġiet trasmessa u jiżgura li jinżammu biss l-isem u d-dettalji ta' kuntatt tal-applikant għall-iskopijiet tal-arranġamenti biex isir appuntament, kif ukoll in-numru tal-passaport, sakemm il-passaport jiġi rritornat lill-applikant u li dawn jitħassru ħamest ijiem wara dan;

(f)

jiżgura li jittieħdu l-miżuri ta' sigurtà kollha tekniċi u organizzattivi meħtieġa għall-protezzjoni tad-data personali kontra distruzzjoni aċċidentali jew illegali, jew telf, alterazzjoni, żvelar mhux awtorizzat jew aċċess aċċidentali, b'mod partikolari meta l-kooperazzjoni tkun tinvolvi t-trasmissjoni ta' fajls u data lill-konsulat tal-Istat Membru jew l-Istati Membri kkonċernati u kontra kull forma oħra illegali ta' pproċessar ta' data personali;

(g)

jipproċessa d-data biss għall-iskopijiet tal-ipproċessar tad-data personali tal-applikanti f'isem l-Istat jew l-Istati Membri kkonċernati;

(h)

japplika standards ta' protezzjoni tad-data li jkunu tal-inqas ekwivalenti għal dawk stabbiliti bir-Regolament (UE) 2016/679;

(i)

jipprovdi lill-applikanti l-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 37 tar-Regolament VIS.

C.

Rigward it-twettiq tal-attivitajiet tiegħu, il-fornitur estern tas-servizzi għandu, fir-rigward tal-imġiba tal-persunal:

(a)

jiżgura li l-persunal tiegħu jkun imħarreġ b'mod adatt;

(b)

jiżgura li l-persunal tiegħu, fit-twettiq tal-obbligi tiegħu:

jilqa' lill-applikant b'korteżija,

jirrispetta d-dinjità umana u l-integrità tal-applikanti, ma jiddiskriminax kontra persuni għal raġunijiet ta' sess, razza jew oriġini etnika, reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali, u

jirrispetta r-regoli ta' kunfidenzjalità; dawk ir-regoli għandhom japplikaw ukoll ladarba l-membri tal-persunal ikunu telqu mix-xogħol tagħhom jew wara s-sospensjoni jew it-tmiem tal-istrument legali;

(c)

jipprovdi, f'kull ħin, identifikazzjoni tal-persunal li jaħdem għall-fornitur estern tas-servizzi;

(d)

jagħti prova li l-persunal tiegħu ma jkollux kondotta kriminali mtebba' u għandu l-għarfien espert meħtieġ.

D.

Rigward il-verifika tat-twettiq tal-attivitajiet tiegħu, il-fornitur estern tas-servizzi għandu:

(a)

jipprovdi aċċess għall-persunal intitolat mill-Istat jew Stati Membri kkonċernati għall-bini tiegħu fil-ħinijiet kollha mingħajr avviż preċedenti, b'mod partikolari għal skopijiet ta' spezzjoni;

(b)

jiżgura li jkun hemm il-possibbiltà ta' aċċess mill-bogħod għas-sistema tiegħu ta' appuntamenti għal skopijiet ta' spezzjoni;

(c)

jiżgura li jintużaw metodi ta' sorveljanza rilevanti (eż. eżami tal-applikanti; webcam);

(d)

jiżgura li jkun hemm aċċess, mill-awtorità superviżorja nazzjonali tal-Istat Membru kompetenti fil-qasam tal-protezzjoni tad-data għall-prova tal-konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data, inkluż obbligi ta' rappurtar, awditi esterni u verifiki fuq il-post regolari;

(e)

jirrapporta bil-miktub lill-Istat jew Stati Membri kkonċernati mingħajr dewmien kwalunkwe ksur ta' sigurtà jew kwalunkwe lment mill-applikanti dwar użu ħażin ta' data jew aċċess mhux awtorizzat, u jikkoordina mal-Istat jew Stati Membri kkonċernati biex tinstab soluzzjoni u jingħataw spjegazzjonijiet fil-pront lill-applikanti li jilmentaw.

E.

Rigward rekwiżiti ġenerali, il-fornitur estern tas-servizzi għandu:

(a)

jaġixxi skont l-istruzzjonijiet tal-Istat jew Stati Membri kompetenti għall-ipproċessar tal-applikazzjoni;

(b)

jadotta miżuri adatti kontra l-korruzzjoni (eż remunerazzjoni adatta tal-persunal; kooperazzjoni fl-għażla ta' membri tal-persunal involuti fil-kompitu; regola ta' żewġ persuni; prinċipju ta' rotazzjoni);

(c)

jirrispetta bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tal-istrument legali, li għandu jkun fih klawsola ta' sospensjoni jew terminazzjoni, b'mod partikolari fil-każ ta' ksur tar-regoli stabbiliti, kif ukoll klawsola ta' reviżjoni bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-istrument legali jirrifletti l-aħjar prattika.

”.

Top