This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32018D1920
Council Implementing Decision (EU) 2018/1920 of 4 December 2018 amending Implementing Decision 2010/99/EU authorising the Republic of Lithuania to extend the application of a measure derogating from Article 193 of Directive 2006/112/EC on the common system of value added tax
Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1920 tal-4 ta' Diċembru 2018 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2010/99/UE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Litwanja biex testendi l-applikazzjoni ta' miżura ta' deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud
Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1920 tal-4 ta' Diċembru 2018 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2010/99/UE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Litwanja biex testendi l-applikazzjoni ta' miżura ta' deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud
ST/14002/2018/INIT
ĠU L 311, 07/12/2018, p. 34–35
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2021
7.12.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 311/34 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/1920
tal-4 ta' Diċembru 2018
li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2010/99/UE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Litwanja biex testendi l-applikazzjoni ta' miżura ta' deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Fil-15 ta' Mejju 2006 l-Kunsill, permezz tad-Deċiżjoni 2006/388/KE (2), awtorizza lil-Litwanja biex tapplika miżura li tidderoga mill-Artikolu 21 tad-Direttiva 77/388/KEE (3) li tinnomina l-persuna taxxabli li tirċievi l-provvisti ta' oġġetti jew servizzi bħala l-persuna responsabbli li tħallas it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT). |
(2) |
Permezz tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2010/99/UE (4), il-Litwanja, b'deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE, ġiet awtorizzata sal-31 ta' Diċembru 2012 li tapplika miżura speċjali sabiex tkompli tinnomina l-persuna taxxabbli li tirċievi l-provvisti segwenti ta' oġġetti u servizzi, bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT: provvisti ta' oġġetti u servizzi minn persuna taxxabbli waqt li tkun qiegħda taħt proċedura ta' insolvenza jew proċedura ta' ristrutturar li jkunu soġġetti għal sorveljanza ġudizzjarja u l-provvisti tal-injam (il-“miżura speċjali”). L-awtorizzazzjoni biex tiġi applikata l-miżura speċjali ġiet sussegwentement estiża bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/704/UE (5) sal-31 ta' Diċembru 2015 u bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2395 (6) sal-31 ta' Diċembru 2018. |
(3) |
Permezz ta' ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fis-27 ta' April 2018, il-Litwanja talbet awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika l-miżura speċjali. Permezz ta' ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-23 ta' Lulju 2018, il-Litwanja ppreżentat rapport dwar l-applikazzjoni tal-miżura speċjali kif meħtieġ mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2010/99/UE. |
(4) |
F'konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni informat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba li saret mil-Litwanja b'ittri datati 16 ta' Awwissu 2018, bl-eċċezzjoni ta' Spanja u Ċipru, li ġew informati b'ittri datati 17 ta' Awwissu 2018. B'ittra datata 20 ta' Awwissu 2018, il-Kummissjoni nnotifikat lil-Litwanja li kellha l-informazzjoni kollha li tqis neċessarja għall-evalwazzjoni tat-talba. |
(5) |
Il-persuni taxxabbli taħt proċeduri ta' insolvenza jew proċeduri ta' ristrutturar ħafna drabi ma jkunux jistgħu jħallsu l-VAT fatturata fuq il-provvisti ta' oġġetti u servizzi tagħhom minħabba diffikultajiet finanzjarji. Il-Litwanja tħabbat wiċċha wkoll ma' problemi fis-suq tal-injam minħabba n-natura tas-suq u n-negozji involuti. Is-suq huwa dominat minn kumpaniji lokali żgħar, li ħafna drabi jkunu rivendituri u intermedjarji, li l-awtoritajiet tat-taxxa jkunu sabuha diffiċli biex jikkontrollaw. L-aktar forma komuni ta' evażjoni tinvolvi l-fatturazzjoni ta' provvisti min-negozji li wara jgħibu mingħajr ma jħallsu t-taxxa imma li jħallu lill-konsumatur b'fattura valida għat-tnaqqis tat-taxxa. Skont il-Litwanja, din is-sitwazzjoni, li ġġustifikat l-applikazzjoni tal-miżura speċjali, ma nbidlitx. L-investigazzjonijiet u l-analiżi tal-applikazzjoni tal-miżura speċjali mwettqa mill-awtoritajiet tat-taxxa fil-Litwanja wrew l-effettività tagħha fil-prevjenzjoni tal-frodi tal-VAT fir-rigward ta' persuni taxxabbli taħt proċeduri ta' insolvenza jew ta' ristrutturar kif ukoll ta' tranżazzjonijiet tal-injam. |
(6) |
Għaldaqstant jenħtieġ li l-Litwanja tkun awtorizzata tapplika l-miżura speċjali għal perjodu limitat ulterjuri sal-31 ta' Diċembru 2021. |
(7) |
B'mod ġenerali, derogi jiġu awtorizzati għal perjodu ta' żmien limitat biex ikun jista' jiġi vvalutat jekk miżuri speċjali speċifiċi humiex xierqa u effettiva. Id-derogi jagħtu żmien lill-Istati Membri biex jintroduċu miżuri konvenzjonali oħra biex jindirizzaw il-problema inkwistjoni sal-iskadenza tal-miżuri speċjali speċifiċi, u b'hekk ma jibqax bżonn ta' estensjoni ta' deroga. Deroga li tippermetti li jsir użu tal-mekkaniżmu tar-reverse charge tiġi awtorizzata biss eċċezzjonalment għal oqsma speċifiċi fejn ikun hemm frodi u tikkostitwixxi soluzjoni estrema. Għaldaqstant, il-Litwanja jenħtieġ li timplimenta miżuri konvenzjonali oħra biex tiġġieled u tipprevjeni t-tixrid ulterjuri ta' frodi tal-VAT rigward il-provvisti ta' oġġetti u servizzi minn persuni taxxabbli taħt proċeduri ta' insolvenza jew ta' ristrutturar u l-provvisti tal-injam sal-iskadenza tal-miżura speċjali u konsegwentement ma jkunx hemm għalfejn tkompli tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward ta' tali provvisti. |
(8) |
Il-miżura speċjali mhi se jkollha l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jirriżultaw mill-VAT. |
(9) |
Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2010/99/UE tiġi emendata skont dan, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2010/99/UE, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:
“Din għandha tapplika sal-31 ta' Diċembru 2021.”.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.
Għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2019.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Litwanja.
Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Diċembru 2018.
Għall-Kunsill
Il-President
H. LÖGER
(1) ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/388/KE tal-15 ta' Mejju 2006 li tawtorizza lil-Litwanja sabiex tapplika miżura li tidderoga mill-Artikolu 21 tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ (ĠU L 150, 3.6.2006, p. 13).
(3) Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta' Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima (ĠU L 145, 13.6.1977, p. 1).
(4) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2010/99/UE tas-16 ta' Frar 2010 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Litwanja biex tapplika miżura ta' deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 45, 20.2.2010, p. 10).
(5) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/704/UE tat-13 ta' Novembru 2012 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2010/99/UE sabiex tawtorizza lir-Repubblika tal-Litwanja testendi l-applikazzjoni ta' miżura ta' deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 319, 16.11.2012, p. 7).
(6) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2395 tal-10 ta' Diċembru 2015 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2010/99/UE sabiex tawtorizza lir-Repubblika tal-Litwanja biex testendi l-applikazzjoni ta' miżura ta' deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 332, 18.12.2015, p. 140).