Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D1027

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1027 tat-23 ta' Ġunju 2015 dwar ir-regoli applikabbli għall-esperti sekondati mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u li tħassar id-Deċiżjoni 2007/829/KE

    ĠU L 163, 30/06/2015, p. 40–52 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/1027/oj

    30.6.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 163/40


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/1027

    tat-23 ta' Ġunju 2015

    dwar ir-regoli applikabbli għall-esperti sekondati mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u li tħassar id-Deċiżjoni 2007/829/KE

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 240(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Is-sekondar ta' esperti nazzjonali jista' jkun utli għas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (minn issa 'l quddiem “SĠK”) fil-missjoni tiegħu biex jassisti lill-Kunsill Ewropew u l-Kunsill skont l-Artikoli 235(4) u 240(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) rispettivament, billi jippermetti lis-SĠK jibbenefika mil-livell għoli ta' għarfien u esperjenza professjonali ta' dawk l-esperti, b'mod partikolari f'oqsma fejn tali ħila esperta mhix disponibbli faċilment fi ħdan is-SĠK stess.

    (2)

    L-iskambju ta' esperjenza u għarfien professjonali dwar il-politiki Ewropej għandu jkunu inkoraġġit permezz tal-assenjazzjoni temporanja ta' esperti mis-setturi pubbliċi ta-Istati Membri (esperti nazzjonali sekondati — “ENS”) jew mill-organizzazzjonijiet intergovernattivi (“OIG”) pubbliċi.

    (3)

    Huwa previst li l-ENS ser jiksbu għarfien matul is-sekondar tagħhom għas-SĠK li jgħinhom fl-eżerċizzju ta' dmirijiethom fi presidenzi futuri tal-Kunsill.

    (4)

    Id-drittijiet u l-obbligi tal-esperti għandhom jiggarantixxu li kull wieħed iwettaq id-dmirijiet tiegħu fl-interess biss tas-SĠK.

    (5)

    Fid-dawl tan-natura temporanja ta' ħidmiethom u minħabba l-istatus partikolari tagħhom, l-esperti ma għandhom jieħdu l-ebda responsabbiltà f'isem is-SĠK għall-eżerċizzju tal-prerogattivi tiegħhom tad-dritt pubbliku, kif definit fit-Trattati, ħlief fir-rigward tad-derogi previsti minn din id-Deċiżjoni.

    (6)

    Il-kondizzjonijiet tal-impjieg tal-esperti għandhom jiġu stabbiliti u għandhom ikunu applikabbli irrispettivament mill-oriġini tal-approprjazzjonijiet baġitarji użati sabiex ikopru n-nefqa.

    (7)

    Ladarba r-regoli stabbiliti b'din id-Deċiżjoni għandhom jissostitwixxu dawk stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/829/KE (1), dik id-Deċiżjoni għandha titħassar mingħajr preġudizzju għall-kontinwazzjoni tal-applikazzjoni tagħha għas-sekondar kollu li jkun għaddej fil-mument tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni.

    (8)

    Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) emenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (ir-“Regolament tal-Persunal”), u b'mod partikolari l-kondizzjonijiet tax-xogħol, il-leave, kif ukoll il-kalkolu tal-benefiċċji definiti fl-Anness VII tiegħu,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    KAPITOLU I

    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    Artikolu 1

    Kamp ta' applikazzjoni

    1.   Ir-regoli stabbiliti b'din id-Deċiżjoni japplikaw għall-esperti, li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2, sekondati mas-SĠK fl-interess tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill u li jkunu jew:

    (a)

    esperti nazzjonali sekondati (“ENS”), li jinkludi esperti li huma ssekondati:

    (i)

    mill-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-Istati Membri, f'livell nazzjonali jew reġjonali;

    (ii)

    soġġetti għall-awtorizzazzjoni mis-SĠK fuq bażi ta' każijiet individwali, minn min iħaddem li ma jkunx amministrazzjoni pubblika ta' Stat Membru, fil-livell nazzjonali jew reġjonali jekk l-interessi tas-SĠK jiġġustifikaw li tinġieb ħila esperta speċifika bħala miżura temporanja, bil-kondizzjoni li min iħaddem:

    ikun università jew organizzazzjoni ta' riċerka indipendenti li ma għandhiex l-għan li tagħmel profitti għad-distribuzzjoni mill-ġdid, jew

    ikun parti mis-settur pubbliku kif definit fil-liġi nazzjonali ta' min iħaddem.

    L-ENS jistgħu jiġu sekondati mingħajr spejjeż (“CFS”);

    (b)

    esperti fuq CFS minn organizzazzjoni intergovernattiva pubblika (“OIG”) (bl-eċċezzjoni ta' korpi tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 1a(2) tar-Regolamenti tal-Persunal), f'każijiet fejn ikun meħtieġ trasferiment ta' għarfien jew ħila speċifika.

    2.   L-Artikoli 18, 19 u 20 mhuma applikabbli għal ebda espert fuq CFS.

    Artikolu 2

    Kondizzjonijiet għas-sekondar

    Sabiex jikkwalifikaw għal sekondar mas-SĠK, l-esperti:

    (1)

    għandhom ikunu ħadmu għal min iħaddimhom fuq bażi permanenti jew kuntrattwali għal mill-inqas 12-il xahar qabel is-sekondar tagħhom;

    (2)

    għandhom jibqgħu fis-servizz ta' min iħaddimhom tul il-perijodu ta' sekondar;

    (3)

    għandu jkollhom mill-inqas tliet snin esperjenza full-time ta' funzjonijiet amministrattivi, xjentifiċi, tekniċi, konsultattivi jew superviżorji rilevanti għall-eżerċizzju tad-dmirijiet assenjati lilhom. Qabel is-sekondar, min iħaddem għandu jipprovdi lis-SĠK dikjarazzjoni tal-impjieg tal-espert, li tkopri t-12-il xahar preċedenti;

    (4)

    għandhom ikunu ċittadini ta' Stat Membru.

    B'deroga mill-ewwel subparagrafu ta' dan il-punt, l-esperti li mhumiex ċittadini ta' Stat Membru jistgħu jiġu sekondati minn OIG; f'tali każijiet eċċezzjonali, is-SĠK għandu jiżgura li ma jkun hemm l-ebda konflitt ta' interess u li jiġu ssalvagwardjati l-indipendenza u l-koerenza tal-politiki u l-attivitajiet tas-SĠK;

    (5)

    għandu jkollhom għarfien profond ta' lingwa uffiċjali waħda tal-Unjoni u għarfien sodisfaċenti ta' lingwa oħra għall-eżerċizzju ta' dmirijiethom.

    Artikolu 3

    Proċedura ta' selezzjoni

    1.   L-esperti għandhom jintgħażlu skont proċedura miftuħa u trasparenti, li d-dettalji prattiċi tagħha għandhom jiġu deċiżi f'konformità mal-Artikolu 32.

    Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 2(4), l-esperti għandhom jiġu ssekondati fuq bażi ġeografika kemm jista' jkun wiesgħa minn fost iċ-ċittadini tal-Istati Membri. L-Istati Membri u s-SĠK għandhom jikkooperaw sabiex jiżguraw, kemm jista' jkun, bilanċ bejn irġiel u nisa u jirrispettaw il-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs.

    2.   Għandha tintbagħat sejħa għall-espressjoni ta' interess lir-Rappreżentanzi Permanenti tal-Istati Membri jew l-OIG, kif xieraq. Is-sejħa għandha tagħti d-deskrizzjonijiet tal-karigi, il-kriterji ta' selezzjoni u d-data tal-iskadenza għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet.

    3.   L-applikazzjonijiet kollha għandhom jintbagħtu lis-SĠK permezz tar-Rappreżentanza Permanenti tal-Istati Membri jew permezz tad-dipartiment tar-riżorsi umani tal-OIG.

    4.   F'ċirkostanzi debitament iġġustifikati u eċċezzjonali fl-interess tal-Kunsill Ewropew, is-SĠK jista' jiddeċiedi li l-espert għandu jintgħażel mingħajr ma jiġu segwiti l-proċeduri ta' selezzjoni stabbiliti fil-paragrafi 1, 2 u 3.

    5.   Is-sekondar ta' esperti għandu jkunu soġġett għar-rekwiżiti speċifiċi u l-kapaċità baġitarja tas-SĠK.

    6.   Is-SĠK għandu joħloq fajl individwali għall-espert. Dak il-fajl għandu jinkludi informazzjoni amministrattiva rilevanti.

    Artikolu 4

    Proċedura amministrattiva għas-sekondar

    1.   Is-sekondar għandu jiġi implimentat permezz ta' skambju ta' ittri bejn id-Direttur Ġenerali għall-Amministrazzjoni tas-SĠK u r-Rappreżentanza Permanenti tal-Istat Membru konċernat jew jekk ikun il-każ, l-OIG. Ir-Rappreżentanza Permanenti għandha tiġi nnotifikata wkoll b'kull sekondar ta' ċittadini tal-Istat Membru tagħha minn OIG. Il-post ta' sekondar u l-grupp ta' funzjoni li l-espert ser ikun qed jagħmel parti minnhom (AD jew AST, kif definit fir-Regolamenti tal-Persunal) għandhom ikunu indikati fl-iskambju ta' ittri. Fl-iskambju ta' ittri għandhom jissemmew ukoll is-superjuri tal-espert fi ħdan id-Direttorat Ġenerali, id-direttorat, l-unità jew id-dipartiment li lilu l-espert ikun sekondat, u għandha tingħata deskrizzjoni dettaljata tal-kompiti li l-espert għandu jwettaq. Kopja tar-regoli applikabbli għall-espert għandha tkun mehmuża mal-iskambju ta' ittri.

    2.   Sekondar għal perijodu qasir mingħajr spejjeż (“CFSS”) ta' esperti, kif imsemmi fil-Kapitolu IV, jista' jiġi awtorizzat fuq bażi ta' każijiet individwali. Dik l-awtorizzazzjoni għandha tieħu inkonsiderazzjoni l-post ta' reklutaġġ tal-espert, id-Direttorat Ġenerali li għalih għandu jiġi ssekondat l-espert, il-bilanċ ġeografiku msemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) u d-dmirijiet proposti.

    Artikolu 5

    Perijodu ta' sekondar

    1.   Il-perijodu ta' sekondar għandu jkun minimu ta' sitt xhur u massimu ta' sentejn. Jista' jiġġedded suċċessivament għal perijodu totali ta' mhux aktar minn erba' snin.

    Madankollu, f'każijiet eċċezzjonali, fuq talba tad-Direttur Ġenerali rilevanti tas-SĠK u wara qbil minn qabel ta' min iħaddem, id-Direttur Ġenerali tal-Amministrazzjoni tas-SĠK jista' jawtorizza estensjoni waħda jew aktar tas-sekondar lil hinn mill-massimu ta' erba' snin imsemmi fl-ewwel subparagrafu, sa sentejn addizzjonali.

    2.   Il-perijodu ta' sekondar għandu jiġi stabbilit mill-bidu fl-iskambju ta' ittri previst fl-Artikolu 4(1). L-istess proċedura għandha tapplika fil-każ ta' kwalunkwe tiġdid jew estensjoni tal-perijodu ta' sekondar.

    3.   Espert li jkun ġie sekondat qabel mas-SĠK jista' jerġa' jiġi sekondat, soġġett għall-kondizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    l-espert ikompli jissodisfa l-kondizzjonijiet għas-sekondar imsemmija fl-Artikolu 2;

    (b)

    perijodu ta' mill-inqas sitt snin ikun għadda bejn it-tmiem tal-perijodu ta' sekondar preċedenti, inkluż kwalunkwe tiġdid u estensjoni, jew kwalunkwe kuntratt ta' impjieg sussegwenti mas-SĠK.

    Din id-dispożizzjoni ma għandhiex twaqqaf lis-SĠK milli jaċċetta s-sekondar, inqas minn sitt snin wara t-tmiem tal-perijodu preċedenti ta' sekondar, ta' espert li s-sekondar preċedenti tiegħu, inkluż kwalunkwe tiġdid u estensjoni, dam inqas minn sitt snin, iżda f'dak il-każ is-sekondar il-ġdid ma għandux ikun iżjed mill-parti li jkun fadal tal-aħħar perijodu ta' sitt snin.

    Artikolu 6

    Obbligi ta' min iħaddem

    Matul il-perijodu ta' sekondar, min iħaddem l-espert għandu jkompli:

    (1)

    iħallas is-salarju tal-espert;

    (2)

    ikun responsabbli għad-drittiijiet soċjali kollha tal-espert, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw is-sigurtà soċjali, l-assigurazzjoni u l-pensjoni; u

    (3)

    soġġett għall-punt (d) tal-Artikolu 10(2), iżomm l-istatus amministrattiv tal-espert jew bħala uffiċjal permanenti jew aġent kuntrattwali u jinforma lid-Direttorat Ġenerali għall-Amministrazzjoni tas-SĠK dwar kwalunkwe bidla fl-istatus amministrattiv tal-espert jew bħala uffiċjal permanenti jew aġent kuntrattwali.

    Artikolu 7

    Dmirijiet

    1.   L-esperti għandhom jassistu lill-uffiċjali tas-SĠK u persunal ieħor u jwettqu l-kompiti li jiġu fdati lilhom.

    Id-dmirijiet li għandhom jitwettqu minn espert għandhom jiġu definiti bi qbil komuni bejn is-SĠK u min iħaddem:

    (a)

    fl-interess tad-dipartiment tas-SĠK li għalih huwa sekondat l-espert; u

    (b)

    b'kont meħud tal-kwalifiki tal-espert.

    2.   Il-kompiti li għandhom jiġu assenjati lil espert jistgħu jinkludu fost oħrajn, analiżi, studji, skambji ta' għarfien bejn l-amministrazzjonijiet, ġestjoni ta' proġetti, u assistenza lill-gruppi u l-kumitati preparatorji tas-SĠK.

    Minkejja l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 u mill-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, is-Segretarju Ġenerali jista', fuq proposta tad-Direttur Ġenerali tad-dipartiment li lilu jiġi assenjat espert, jafda dmirijiet speċifiċi lill-espert u jagħti mandat lill-espert sabiex iwettaq missjoni speċifika waħda jew aktar wara li jivverifika li ma jeżisti l-ebda konflitt ta' interess.

    3.   Espert ma għandux jipparteċipa f'missjonijiet u laqgħat ħlief:

    (a)

    jekk jakkumpanja uffiċjal jew membru tal-persunal ieħor tas-SĠK; jew

    (b)

    jekk ikun waħdu, bħala osservatur jew għal finijiet ta' informazzjoni biss.

    Sakemm espert ma rċeviex mandat speċjali, f'konformità mal-arranġamenti għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, mid-Direttur Ġenerali tad-dipartiment konċernat tas-SĠK, l-espert ma għandux ikun jista' jorbot lis-SĠK esternament.

    4.   Is-SĠK għandu jibqa' unikament responsabbli mill-approvazzjoni tar-riżultati tal-kompiti mwettqin mill-espert.

    5.   Id-dipartimenti tas-SĠK konċernati, min iħaddem lill-espert u l-espert għandhom jagħmlu kull sforz possibbli sabiex jevitaw kwalunkwe konflitt ta' interess attwali jew potenzjali rigward id-dmirijiet tal-espert matul is-sekondar. Għal dan l-għan, is-SĠK għandu jgħarraf fi żmien debitu lill-espert u lil min iħaddmu bil-kompiti previsti u jitlobhom it-tnejn sabiex jikkonfermaw bil-miktub li huma ma jaraw l-ebda raġuni għaliex l-espert ma għandux jiġi assenjat għal dawn il-kompiti.

    L-espert għandu jintalab partikolarment sabiex jiddikjara kull konflitt potenzjali bejn ċerti aspetti tas-sitwazzjoni familjari tal-espert (partikolarment l-attivitajiet professjonali ta' qrabatu jew ta' membri tal-familja estiża tiegħu jew kwalunkwe interessi finanzjarji ewlenin tiegħu jew ta' membri tal-familja) u d-dmirijiet proposti matul is-sekondar.

    Min iħaddem lill-espert u l-espert għandhom jintrabtu li jgħarrfu lis-SĠK b'kull bidla fiċ-ċirkostanzi li, matul is-sekondar, tista' tirriżulta f'konflitt ta' interess.

    6.   Meta s-SĠK iqis li n-natura tal-kompiti fdati lill-espert tesiġi prekawzjonijiet partikolari fir-rigward tas-sigurtà, għandha tinkiseb awtorizzazzjoni ta' sigurtà qabel is-sekondar tal-espert.

    7.   Fil-każ ta' nuqqas ta' konformità mad-disposizzjonijiet tal-paragrafi 2, 3 u 5 ta' dan l-Artikolu, is-SĠK jista' jtemm is-sekondar tal-espert taħt it-termini tal-Artikolu 10(2)(c).

    Artikolu 8

    Drittijiet u obbligi tal-esperti

    1.   Matul il-perijodu ta' sekondar, espert għandu jaġixxi b'integrità. B'mod partikolari:

    (a)

    l-espert għandu jaqdi d-dmirijiet assenjati u altrimenti jaġixxi biss bl-interessi tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill f'moħħu.

    B'mod partikolari, fl-eżerċizzju tad-dmirijiet tiegħu, l-espert ma għandu jaċċetta l-ebda struzzjonijiet minn, jew iwettqu kwalunkwe attività għal min iħaddmu, kwalunkwe gvern, jew kwalunkwe persuna oħra, kumpanija privata jew korp pubbliku ieħor;

    (b)

    l-espert għandu jastjeni minn kull azzjoni, u b'mod partikolari minn kull espressjoni pubblika ta' opinjoni, li tista' tirrifletti fuq il-pożizzjoni tiegħu fis-SĠK;

    (c)

    kwalunkwe espert għandu jgħarraf lis-superjur tiegħu meta l-espert, fl-eżerċizzju ta' dmirijietu, jintalab jiddeċiedi dwar it-trattament jew ir-riżoluzzjoni ta' kwistjoni li fiha l-espert ikollu interess personali li jista' jfixkel l-indipendenza tiegħu;

    (d)

    l-espert, waħdu jew ma' persuni oħrajn, ma għandu jippubblika jew iwassal biex jiġi ppubblikat l-ebda test li s-suġġett tiegħu jkun marbut mal-attività tal-Unjoni bla ma jkun kiseb permess skont il-kondizzjonijiet u r-regoli fis-seħħ fis-SĠK. Din l-awtorizzazzjoni għandha tiġi miċħuda biss jekk in-natura tal-pubblikazzjoni maħsuba tista' tippreġudika l-interessi tal-Unjoni;

    (e)

    id-drittijiet kollha fuq xogħlijiet magħmulin minn espert fl-eżerċizzju ta' dmirijietu, għandhom ikunu proprjetà tas-SĠK;

    (f)

    l-espert għandu jirrisjedi fil-post ta' sekondar, jew f'distanza minn dak il-post li ma tkunx akbar minn dik li hi kompatibbli mal-eżerċizzju xieraq tad-dmirijiet assenjati;

    (g)

    l-espert għandu jassisti jew jagħti pariri lis-superjuri li ġew assenjati lilu u għandu jkun responsabbli lejn dawn is-superjuri għall-eżerċizzju tad-dmirijiet li jiġu fdati lilhom.

    2.   Matul u wara l-perijodu ta' sekondar, l-espert għandu josserva l-akbar diskrezzjoni dwar il-fatti u l-informazzjoni kollha li l-espert isir jaf bihom tul l-eżerċizzju, jew b'konnessjoni mal-eżerċizzju, ta' dmirijietu. L-espert ma għandu jikkomunika, taħt l-ebda forma, lill-ebda persuna li ma tkunx awtorizzata l-ebda dokument u l-ebda informazzjoni li ma tkunx saret pubblika legalment u l-espert ma għandux juża dawn id-dokumenti jew informazzjoni għall-benefiċċju personali tiegħu.

    3.   Fit-tmiem is-sekondar, l-espert għandu jibqa' marbut bl-obbligi li jaġixxi b'integrità u diskrezzjoni fil-qadi ta' dmirijiet ġodda u fl-aċċettazzjoni ta' ċerti karigi jew vantaġġi.

    Għal dak l-għan, fit-tliet snin wara l-perijodu ta' sekondar, l-espert għandu jinforma lis-SĠK minnufih bi kwalunkwe dmirijiet jew kompiti li x'aktarx jagħtu lok għal konflitt ta' interess marbut mal-kompiti mwettqa mill-espert matul il-perjodu ta' sekondar.

    4.   L-espert għandu jkun soġġett għar-regoli ta' sigurtà fis-seħħ fis-SĠK, inkluż ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-data u r-regoli tal-protezzjoni tan-netwerk tas-SĠK. L-espert għandu jkun soġġett ukoll għar-regoli li jirregolaw il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

    5.   Fil-każ tan-nuqqas ta' konformità mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1, 2 u 4 ta' dan l-Artikolu matul il-perijodu ta' sekondar is-SĠK ikollu d-dritt jittermina s-sekondar ta' espert skont it-termini tal-Artikolu 10(2)(c).

    6.   L-espert għandu jinnotifika minnufih lis-superjur tiegħu bil-miktub jekk matul is-sekondar l-espert isir jaf dwar fatti li jagħtu lok għal preżunzjoni tal-eżistenza ta':

    (a)

    attività illegali possibbli, inkluż frodi jew korruzzjoni, li tkun ta' detriment għall-interessi tal-Unjoni; jew

    (b)

    imġiba relatata mal-qadi tad-dmirijiet professjonali li tista' tikkostitwixxi nuqqas serju ta' konformità mal-obbligi tal-uffiċjali tal-Unjoni jew tal-esperti.

    Dan il-paragrafu għandu japplika wkoll fil-każ ta' nuqqas serju ta' konformità ma' obbligu simili min-naħa ta' Membru ta' istituzzjoni jew kull persuna oħra fis-servizz ta' istituzzjoni jew li twettaq xogħol għaliha.

    7.   Meta s-superjur jirċievi notifika kif imsemmi fil-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu, is-superjur għandu jieħu l-miżuri previsti fl-Artikolu 22a(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. L-Artikoli 22a, 22b u 22c tar-Regolamenti tal-Persunal għandhom japplikaw għas-superjur skont it-termini tal-Artikolu 4(1) ta' din id-Deċiżjoni. Dawk id-dispożizzjonijiet għandhom japplikaw ukoll mutatis mutandis għall-espert konċernat, biex jiġi żgurat li d-drittijiet tal-espert jiġu rispettati.

    Artikolu 9

    Sospensjoni ta' sekondar

    1.   Fuq talba bil-miktub mill-espert jew minn min iħaddem, u bi qbil ma' dan tal-aħħar, is-SĠK jista' jawtorizza sospensjonijiet ta' sekondar u jispeċifika t-termini applikabbli. Matul perijodu ta' sospensjoni:

    (a)

    ma għandhomx jitħallsu l-benefiċċji msemmijin fl-Artikolu 19;

    (b)

    l-ispejjeż imsemmijin fl-Artikolu 20 għandhom jitħallsu biss jekk is-sospensjoni ssir fuq talba tas-SĠK.

    2.   Is-SĠK għandu jinforma lil min iħaddem u lir-Rappreżentanza Permanenti tal-Istat Membru kkonċernat.

    Artikolu 10

    Terminazzjoni ta' perijodi ta' sekondar

    1.   Soġġett għall-paragrafu 2, sekondar jista' jiġi terminat fuq talba tas-SĠK jew ta' min iħaddem, dment li tingħata notifika ta' tliet xhur. Jista' wkoll jiġi terminat fuq it-talba tal-espert dment li tingħata l-istess notifika u soġġett għall-qbil ta' min iħaddem u tas-SĠK.

    2.   F'ċerti ċirkostanzi eċċezzjonali s-sekondar jista' jintemm mingħajr notifika:

    (a)

    minn min iħaddem, jekk l-interessi essenzjali ta' min iħaddem jitolbu hekk;

    (b)

    bi qbil reċiproku bejn is-SĠK u min iħaddem, fuq talba indirizzata mill-espert liż-żewġ partijiet, jekk hekk ikun meħtieġ mill-interessi essenzjali, personali jew professjonali tal-espert;

    (c)

    mis-SĠK, f'każ li l-espert ma jkunx konformi mal-obbligi stabbiliti f'din id-Deċiżjoni. L-espert għandu qabel jingħata l-opportunità li jippreżenta osservazzjonijiet;

    (d)

    mis-SĠK fil-każ tat-terminazzjoni ta', jew bidla fi, l-istatus amministrattiv tal-espert jew bħala uffiċjal permanenti jew bħala aġent kuntrattwali ta' min iħaddem. L-espert għandu qabel jingħata l-opportunità li jippreżenta osservazzjonijiet.

    3.   Jekk is-sekondar jiġi terminat skont il-paragrafu 2(c), is-SĠK għandu jinforma minnufih lil min iħaddmu u lir-Rappreżentanza Permanenti tal-Istat Membru kkonċernat.

    KAPITOLU II

    KONDIZZJONIJIET TA' XOGĦOL

    Artikolu 11

    Sigurtà soċjali

    1.   Qabel ma jibda l-perijodu ta' sekondar, min iħaddem għandu jiċċertifika lill-SĠK li, matul il-perijodu ta' sekondar, l-esperti ser jibqgħu soġġetti għal-leġislazzjoni tas-sigurtà soċjali applikabbli għall-amministrazzjoni pubblika tal-Istat Membru jew l-OIG li timpjega lill-espert. Għal dan il-għan, l-amministrazzjoni pubblika tal-Istat Membru għandha tipprovdi lis-SĠK l-attestazzjoni msemmija fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) (“Dokument portabbli A1”). L-OIG għandha tipprovdi lis-SĠK ċertifikat ekwivalenti għad-Dokument portabbli A1 u din għandha tagħti prova li l-leġislazzjoni tas-sigurtà soċjali applikabbli tipprevedi l-ħlas tal-ispejjeż tal-kura tas-saħħa magħmula barra mill-pajjiż.

    2.   Minn meta jibda s-sekondar tagħhom, l-esperti għandhom ikunu koperti mis-SĠK kontra r-riskju ta' inċident. Is-SĠK għandu jipprovdi lill-espert b' kopja tat-termini ta' din il-kopertura fil-jum meta l-espert jirrapporta lid-dipartiment rilevanti tad-Direttorat Ġenerali għall-Amministrazzjoni biex ilesti l-formalitajiet amministrattivi relatati mas-sekondar.

    3.   Meta, fl-ambitu ta' missjoni li jipparteċipa fiha l-espert skont it-termini tal-Artikoli 7(3) u 29, tkun meħtieġa assigurazzjoni addizzjonali jew speċifika, is-SĠK għandu jġarrab l-ispejjeż marbutin magħha.

    Artikolu 12

    Ħinijiet tax-xogħol

    1.   L-espert għandu jkun soġġett għar-regoli li jkunu fis-seħħ fis-SĠK fir-rigward tal-ħinijiet tax-xogħol u l-arranġamenti għall-ħin flessibbli, skont ir-rekwiżiti tal-kariga li l-espert ikun ġie assenjat fiha fis-SĠK.

    2.   L-espert għandu jservi fuq bażi full-time matul il-perijodu kollu ta' sekondar. Fuq talba debitament ġustifikata minn Direttorat Ġenerali u sakemm dan ikun kompatibbli mal-interessi tas-SĠK, is-SĠK jista' jawtorizza espert sabiex jaħdem fuq bażi part-time, wara l-qbil ta' min iħaddem.

    3.   F'każ li jkun awtorizzat xogħol fuq bażi part-time, l-espert għandu jaħdem għal mill-inqas nofs il-ħin normali tax-xogħol.

    4.   Il-benefiċċji li japplikaw fis-SĠK għal xogħol bix-xift jew servizz ta' standby jistgħu jitħallsu lill-esperti.

    Artikolu 13

    Assenza minħabba mard jew inċident

    1.   F'każ ta' assenza minħabba mard jew inċident, espert għandu javża lis-superjur mill-aktar fis possibbli, filwaqt li jgħarrfu bl-indirizz attwali tal-espert. L-espert għandu jipproduċi ċertifikat mediku jekk ikun assenti għal iktar minn tlett ijiem konsekuttivi u jista' jintalab jagħmel eżami mediku organizzat mis-SĠK.

    2.   Fejn l-assenzi tiegħu minħabba mard jew inċident ta' mhux aktar minn tlett ijiem jaqbżu, fi żmien 12-il xahar, total ta' 12-il jum, espert għandu jipproduċi ċertifikat mediku għal kull assenza ġdida minħabba mard jew inċident.

    3.   Jekk assenza minħabba mard jew inċident iddum iżjed minn xahar jew miż-żmien tas-servizz imwettaq mill-espert, skont liema każ ikun l-itwal, il-benefiċċji msemmija fl-Artikolu 19(1) u (2) għandhom jiġu awtomatikament sospiżi. Dan il-paragrafu ma għandux japplika f'każ ta' mard marbut ma' tqala. Assenza minħabba mard jew inċident ma tistax testendi aktar miż-żmien tas-sekondar tal-persuna konċernata.

    4.   Madankollu, jekk l-espert jisfa' vittma ta' korriment marbut ma' xogħlu li jseħħ waqt iż-żmien tas-sekondar l-espert għandu jibqa' jirċievi l-benefiċċji sħaħ previsti fl-Artikolu 19(1) u (2) għaż-żmien kollu li fih dak l-espert ma jkunx jiflaħ għax-xogħol u sa tmiem il-perijodu tas-sekondar.

    Artikolu 14

    Leave annwali, leave speċjali u jiem ta' btala

    1.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi stabbiliti f'din id-Deċiżjoni, l-espert għandu jkun soġġett għar-regoli fis-seħħ fis-SĠK fir-rigward ta' leave annwali, leave speċjali u jiem ta' btala.

    2.   Il-leave hu soġġett għall-awtorizzazzjoni minn qabel tad-dipartiment li jkun assenjat miegħu l-espert.

    3.   Wara applikazzjoni debitament sostanzjata ta' min iħaddem, is-SĠK jista' jagħti sa jumejn leave speċjali addizzjonali f'perijodu ta' 12-il xahar. It-talbiet jiġu eżaminati fuq il-bażi tal-każijiet individwali.

    4.   Il-jiem ta' leave annwali li ma jkunux ittieħdu sa tmiem il-perijodu tas-sekondar jintilfu.

    5.   Espert li ż-żmien tas-sekondar tiegħu jkun inqas minn sitt xhur jista' jingħata leave speċjali, abbażi ta' applikazzjoni motivata u soġġett għal deċiżjoni mid-Direttur Ġenerali tad-dipartiment li l-espert ikun assenjat miegħu. Dak il-leave speċjali ma jistax ikun iżjed minn tlett ijiem għall-perijodu kollu tas-sekondar. Qabel jagħti tali leave, id-Direttur Ġenerali tad-dipartiment għandu jikkonsulta minn qabel mad-Direttur Ġenerali tal-Amministrazzjoni.

    Artikolu 15

    Leave speċjali għal taħriġ

    Dan l-Artikolu japplika għal esperti li ż-żmien tas-sekondar tagħhom ikun ta' sitt xhur jew aktar.

    Minkejja l-Artikolu 14(3), is-SĠK jista' jagħti leave speċjali addizzjonali għall-finijiet ta' taħriġ tal-espert minn min iħaddem, soġġett għal applikazzjoni debitament motivata minn min iħaddem bil-ħsieb tal-integrazzjoni mill-ġdid tal-espert. Il-benefiċċji msemmija fl-Artikolu 19 ma għandhomx jitħallsu matul dak il-leave speċjali addizzjonali.

    Artikolu 16

    Leave tal-maternità u l-paternità

    1.   Espert għandu jkun soġġett għar-regoli li jkun hemm fis-seħħ fis-SĠK rigward leave tal-maternità u l-paternità.

    2.   Meta l-liġi nazzjonali ta' min iħaddem tipprevedi leave tal-maternità itwal, wara talba tal-espert u bi qbil minn qabel ta' min iħaddem, is-sekondar għandu jkun sospiż għall-perijodu li jkun iżjed minn dak mogħti mis-SĠK. F'dak il-każ, fi tmiem is-sekondar għandu jiżdied perijodu ekwivalenti għal dak tas-sospensjoni, jekk l-interessi tas-SĠK jiġġustifikaw dan.

    3.   Minkejja l-paragrafu 1, l-espert jista' japplika għal sospensjoni tas-sekondar biex jkopri ż-żmien totali mogħti għall-maternità, wara l-qbil minn qabel ta' min iħaddem. F'dak il-każ, fi tmiem is-sekondar għandu jiżdied perijodu ekwivalenti għal dak tas-sospensjoni, jekk l-interessi tas-SĠK jiġġustifikaw dan.

    4.   Il-paragrafi 2 u 3 għandhom japplikaw ukoll għal każijiet ta' adozzjoni.

    Artikolu 17

    Ġestjoni u kontroll

    Il-ġestjoni u l-kontroll tal-ħinijiet tax-xogħol u l-assenzi għandhom ikunu l-kompitu tad-Direttorat Ġenerali għall-Amministrazzjoni tas-SĠK u d-Direttorat Ġenerali jew id-dipartiment li jkun assenjat miegħu l-espert, skont ir-regoli u l-proċeduri fis-seħħ fis-SĠK.

    KAPITOLU III

    BENEFIĊĊJI U SPEJJEŻ

    Artikolu 18

    Kalkolu tal-benefiċċji u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar

    1.   Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, il-postijiet ta' reklutaġġ, ta' sekondar u ta' ritorn ta' ENS għandhom jiġu determinati mis-SĠK fir-rigward tal-pożizzjoni ġeografika ta' dawk il-postijiet abbażi tal-latitudni u l-lonġitudni tagħhom, stabbilita f'bażi ta' data adatta mill-Awtorità tal-Ħatra tas-SĠK.

    2.   Id-distanza ġeografika, imsemmija fl-Artikoli 19 u 20 ta' din id-Deċiżjoni, bejn il-post ta' sekondar, minn naħa waħda, u l-post tar-reklutaġġ jew tar-ritorn, min-naħa l-oħra, tiġi determinata mid-distanza taċ-ċirku l-kbir bejn iż-żewġ punti skont il-latitudni u l-lonġitudni tagħhom, abbażi tas-sistema tal-koordinati WGS 84 (World Geodetic System 1984).

    3.   Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni:

    (a)

    il-post tar-reklutaġġ għandu jkun il-post fejn l-ENS kienu jwettqu dmirijiethom għal min iħaddem qabel is-sekondar;

    (b)

    il-post tas-sekondar għandu jkun Brussell;

    (c)

    il-post tar-ritorn għandu jkun il-post fejn l-ENS ser iwettqu l-attività ewlenija tagħhom wara tmiem is-sekondar.

    Il-post ta' reklutaġġ għandu jiġi determinat fl-iskambju ta' ittri msemmi fl-Artikolu 4(1). Il-post ta' ritorn għandu jiġi stabbilit abbażi ta' dikjarazzjoni ta' min iħaddem.

    4.   Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, iċ-ċirkostanzi marbutin mal-kompiti mwettqin mill-ENS għal Stat Membru li mhuwiex dak tal-post tas-sekondar jew għal organizzazzjoni intergovernattiva ma għandhomx jiġu kkunsidrati.

    Artikolu 19

    Benefiċċji

    1.   L-ENS għandu jkollu dritt, matul iż-żmien tas-sekondar, għall-benefiċċju ta' sussistenza ta' kuljum skont l-istess kriterji bħall-benefiċċju għall-espatrijazzjoni għall-uffiċjali msemmija fl-Artikolu 4 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. Jekk dawk il-kriterji jiġu sodisfatti, il-benefiċċju ta' sussistenza ta' kuljum għandu jkun EUR 128,67. Inkella, għandu jkun ta' EUR 32,18.

    2.   L-ENS għandu jkollu dritt, matul il-perijodu tas-sekondar tiegħu, għal benefiċċju addizzjonali ta' kull xahar imħallas skont it-tabella ta' hawn taħt:

    Distanza ġeografika bejn il-post tar-reklutaġġ u l-post tas-sekondar

    (km)

    Ammont f'EUR

    0 - 150

    0,00

    > 150

    82,70

    > 300

    147,03

    > 500

    238,95

    > 800

    385,98

    > 1 300

    606,55

    > 2 000

    726,04

    3.   Il-benefiċċji msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu huma maħsuba biex jiġu koperti wkoll l-ispejjeż tat-tneħħija ta' ENS u kwalunkwe spiża tal-ivvjaġġar annwali li tkun saret waqt il-perijodu ta' sekondar. Dawn għandhom jitħallsu għal perijodi ta' missjoni, leave annwali, leave tal-maternità, il-paternità jew għall-adozzjoni, leave speċjali u vaganzi mogħtija mis-SĠK, mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 14, 15 u 16. Fejn ikun awtorizzat xogħol part-time, l-ENS għandu jkun intitolat għal benefiċċji mnaqqsa fuq bażi prorata.

    4.   Meta l-ENS jibda s-sekondar, l-ENS għandu jirċievi ammont minn qabel ekwivalenti għal 75 jum tal-benefiċċju ta' sussistenza, u dan il-ħlas itemm kull dritt ulterjuri għal benefiċċji bħal dan matul il-perijodu korrispondenti. F'każ ta' tmiem tas-sekondar tal-ENS mas-SĠK qabel l-iskadenza tal-perijodu li għalih jiġi kkalkulat l-ammont minn qabel, l-ENS għandu jagħti lura l-ammont korrispondenti għall-bqija ta' dak il-perijodu.

    5.   Meta jsir l-iskambju ta' ittri previst fl-Artikolu 4(1), min iħaddem għandu jgħarraf lis-SĠK bi kwalunkwe ħlas simili għal dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu li jkun irċieva l-ENS. Dawk l-ammonti għandhom jitnaqqsu mill-benefiċċji korrispondenti mħallsa mis-SĠK lill-ENS.

    6.   L-aġġornament tar-remunerazzjoni u l-benefiċċji adottati bl-applikazzjoni tal-Artikolu 65 u l-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal għandu japplika awtomatikament għall-benefiċċji ta' kull xahar u l-benefiċċji ta' sussistenza fix-xahar ta' wara li jiġi adottat, mingħajr effett retroattiv. Wara l-adattament, l-ammonti l-ġodda ser jiġu ppubblikati fis-serje C ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 20

    Spejjeż tal-ivvjaġġar

    1.   L-ENS għandu jkollhom dritt għal rimborż b'rata fissa għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar tagħhom stess fil-bidu tas-sekondar.

    2.   Ir-rimborż b'rata fissa għandu jkun ibbażat fuq benefiċċju għal kull kilometru ta' distanza ġeografika bejn il-post tar-reklutaġġ u l-post tas-sekondar. Il-benefiċċju kilometriku għandu jiġi ddeterminat skont l-Artikolu 7 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.

    3.   L-ENS għandu jkollhom dritt għal rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tagħhom stess għall-post tar-ritorn fi tmiem is-sekondar. Dan ir-rimborż ma jistax jinvolvi ammont ogħla minn dak li għalihom l-ENS kienu jkunu intitolati kieku l-ENS irritornaw fil-post ta' reklutaġġ tagħhom.

    4.   L-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-membri tal-familja tal-ENS ma jiġux rimborżati.

    Artikolu 21

    Missjonijiet u spejjeż ta' missjoni

    1.   L-espert jista' jintbagħat fuq missjoni skont l-Artikolu 7(2) u (3).

    2.   L-ispejjeż tal-missjoni għandhom jiġu rimborżati skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fis-SĠK.

    Artikolu 22

    Taħriġ

    L-espert għandu d-dritt li jattendi korsijiet ta' taħriġ organizzati mis-SĠK jekk l-interess tas-SĠK jiġġustifika dan. Għandhom jiġu kkunsidrati l-interessi raġonevoli tal-esperti, b'kont meħud speċjalment tal-karriera professjonali tagħhom wara is-sekondar, meta tittieħed deċiżjoni sabiex jingħata permess jattendu xi kors.

    Artikolu 23

    Dispożizzjonijiet amministrattivi

    1.   Fl-ewwel jum tas-sekondar, l-espert għandu jirrapporta għand id-dipartiment rilevanti tad-Direttorat Ġenerali għall-Amministrazzjoni sabiex isiru l-formalitajiet amministrattivi meħtieġa. Id-dħul fis-servizz tal-espert għandu jkun fl-ewwel jew fis-sittax tax-xahar.

    2.   Is-SĠK għandu jibgħat ħlasijiet, f'euro, f'kont bankarju miftuħ f'istituzzjoni bankarja fl-Unjoni.

    KAPITOLU IV

    ESPERTI SEKONDATI GĦAL PERIJODU QASIR BLA SPEJJEŻ

    Artikolu 24

    Esperti ssekondati għal perijodu qasir bla spejjeż

    1.   Espert speċjalizzat ħafna jista' jiġi sekondat mas-SĠK fuq CFSS biex iwettaq dmirijiet speċifiċi għal perijodu massimu ta' sitt xhur li jista' jiġi estiż f'konformità mal-Artikolu 25(1).

    Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe ftehim kuntrarju bejn is-SĠK u l-amministrazzjoni li tissekonda l-espert fuq CFSS, dan is-sekondar ma għandu jinvolvi l-ħlas tal-ebda benefiċċju jew spiża għas-SĠK ħlief, fejn ikun xieraq, dawk previsti fl-Artikolu 29.

    2.   Soġġett għall-Artikoli 25 sa 29, ir-regoli previsti fl-Artikoli 1 sa 17, 21 sa 23 u 30 sa 32 għandhom japplikaw ukoll għal esperti fuq CFSS.

    3.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8, l-imġiba ta' esperti fuq CFSS għandha dejjem tirrifletti l-fatt li l-esperti fuq CFSS huma sekondati mas-SĠK u ma għandha qatt tirrifletti ħażin fuq il-kariga tagħhom fis-SĠK.

    Artikolu 25

    It-tiġdid u l-estensjoni ta' sekondar għal perijodu qasir bla spejjeż

    1.   Il-perijodu msemmi fl-Artikolu 24(1) jista' jiġi estiż darba b'perijodu massimu ta' sitt xhur. Madankollu, f'każijiet eċċezzjonali, is-SĠK jista' jiddeċiedi li jagħti estensjoni ta' iktar minn sitt xhur.

    2.   L-espert fuq CFSS jista' jiġi sekondat mill-ġdid mas-SĠK skont ir-regoli stabbiliti f'din id-Deċiżjoni, dment li jkun għadda perijodu ta' mill-inqas sena bejn tmiem il-perijodu tal-ewwel sekondar u s-sekondar il-ġdid.

    3.   F'każijiet eċċezzjonali, il-perijodu ta' sena msemmi fil-paragrafu 2 jista' jkun iqsar.

    Artikolu 26

    Id-deskrizzjoni tad-dmirijiet

    1.   Fl-iskambju ta' ittri previst fl-Artikolu 4(1), għandha ssir referenza għall-persuna responsabbli fi ħdan id-Direttorat Ġenerali jew id-direttorat, l-unità, jew dipartiment ieħor li l-espert fuq CFSS ser ikun sekondat miegħu kif ukoll ikun hemm deskrizzjoni dettaljata tal-kompiti li jridu jitwettqu minn dan tal-aħħar.

    2.   L-espert fuq CFSS għandu jirċievi istruzzjonijiet mill-persuna responsabbli msemmija fil-paragrafu 1 dwar id-dmirijiet speċifiċi li għandhom jinqdew.

    Artikolu 27

    Assigurazzjoni

    Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 29 u minkejja l-Artikolu 11(2) u (3), espert fuq CFSS għandu jkun kopert mis-SĠK kontra r-riskju ta' inċidenti, f'każijiet fejn l-espert fuq CFSS ma jkunx kopert mill-assigurazzjoni ta' min iħaddem kontra l-istess riskju.

    Artikolu 28

    Kondizzjonijiet ta' xogħol

    1.   Minkejja t-tieni sentenza tal-Artikolu 12(2), espert fuq CFSS għandu jaħdem biss fuq bażi full-time matul is-sekondar.

    2.   L-Artikolu 12(4) mhux applikabbli għal espert fuq CFSS.

    3.   L-Artikolu 14(3) u (5) mhux applikabbli għal espert fuq CFSS. Madankollu, abbażi ta' applikazzjoni motivata mressqa mill-espert fuq CFSS, l-espert fuq CFSS jista' jingħata leave speċjali b'deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali tad-dipartiment li miegħu l-espert fuq CFSS ikun sekondat. Dak il-leave speċjali ma jistax ikun iktar minn tlett ijiem matul il-perijodu kollu tas-sekondar. Id-Direttur Ġenerali tad-dipartiment għandu jikkonsulta minn qabel mad-Direttur Ġenerali tal-Amministrazzjoni.

    Artikolu 29

    Missjonijiet

    1.   Jekk espert fuq CFSS jipparteċipa f'missjonijiet f'post li mhux il-post tas-sekondar, l-espert fuq CFSS għandu jiġi rimborżat skont ir-regoli fis-seħħ għar-rimborż tal-missjonijiet li jinvolvu uffiċjali, ħlief jekk ikun sar arranġament ieħor bejn is-SĠK u min iħaddem.

    2.   Jekk, fl-ambitu ta' missjoni, tingħata assigurazzjoni speċjali għal “riskji kbar” mis-SĠK lill-uffiċjali, din il-faċilità għandha tapplika wkoll għal espert fuq CFSS li jipparteċipa fl-istess missjoni.

    3.   Espert fuq CFSS li jipparteċipa f'missjoni barra t-territorju tal-UE għandu jkun soġġett għall-arranġamenti ta' sigurtà fis-seħħ fis-SĠK għal missjonijiet bħal dawn.

    KAPITOLU V

    ILMENTI

    Artikolu 30

    Ilmenti

    Mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li jibda proċedimenti wara li jieħu kariga, skont il-kondizzjonijiet u l-limiti ta' żmien stabbiliti fl-Artikolu 263 TFUE, kull espert jista' jressaq ilment lill-unità tad-Direttorat Ġenerali għall-Amministrazzjoni responsabbli għal ilmenti u talbiet skont ir-Regolamenti tal-Persunal rigward att mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill skont din id-Deċiżjoni li jaffettwa ħażin lill-espert, bl-eċċezzjoni ta' atti li jirriżultaw direttament minn deċiżjonijiet meħuda minn min iħaddem.

    L-ilment għandu jiġi ppreżentat fi żmien xahrejn. Il-perijodu għandu jibda mid-data ta' notifika tad-deċiżjoni lill-persuna konċernata, iżda fl-ebda każ aktar tard mid-data meta din tal-aħħar tkun irċeviet tali notifika. Id-Direttur Ġenerali tal-Amministrazzjoni għandu jinnotifika lill-persuna konċernata b'deċiżjoni motivata fi żmien erba' xhur mid-data meta jkun ġie ppreżentat l-ilment. Jekk fl-aħħar ta' dak il-perijodu l-espert ma jirċevix risposta għall-ilment, l-ilment għandu jitqies li jkun ġie impliċitament miċħud.

    KAPITOLU VI

    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 31

    Għoti ta' informazzjoni

    Ir-Rappreżentanzi Permanenti tal-Istati Membri kollha għandhom jinżammu infurmati kull sena bl-għadd ta' esperti fis-SĠK. Din l-informazzjoni għandha tinkludi wkoll:

    (a)

    iċ-ċittadinanzi tal-esperti sekondati minn OIG kif imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(4);

    (b)

    kwalunkwe eċċezzjoni għall-proċedura ta' selezzjoni skont l-Artikolu 3(4);

    (c)

    l-assenjazzjoni tal-esperti kollha;

    (d)

    kwalunkwe sospensjoni u terminazzjoni bikrija ta' sekondar ta' esperti msemmija fl-Artikoli 9 u 10;

    (e)

    l-aġġornament annwali tal-benefiċċji tal-ENS skont l-Artikolu 19.

    Artikolu 32

    Delegazzjoni ta' setgħat

    Is-setgħat kollha konferiti fuq is-SĠK skont din id-Deċiżjoni għandhom jiġu eżerċitati mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill. Is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill huwa awtorizzat li jiddelega kwalunkwe waħda minn dawk is-setgħat jew dawk is-setgħat kollha lid-Direttur Ġenerali għall-Amministrazzjoni tas-SĠK.

    Artikolu 33

    Tħassir

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/829/KE hija b'dan imħassra. Madankollu, l-Artikolu 2(1) u l-Artikoli 15 sa 19 tagħha għandhom jibqgħu japplikaw għal kull sekondar li jkun għaddej fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 34.

    Artikolu 34

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandha tapplika għal kull sekondar ġdid jew għal kull tiġdid jew estensjoni ta' sekondar mill-ewwel jum tax-xahar wara d-dħul fis-seħħ tagħha.

    Magħmul fil-Lussemburgu, it-23 ta' Ġunju 2015.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    E. RINKĒVIČS


    (1)  Id-Deċiżjoni 2007/829/KE tal-Kunsill tal-5 ta' Diċembru 2007 dwar ir-regoli applikabbli għall-esperti nazzjonali u għall-persunal militari nazzjonali sekondati mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u li tħassar id-Deċiżjoni 2003/479/KE (ĠU L 327, 13.12.2007, p. 10).

    (2)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 15).

    (3)  Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta' sigurtà soċjali (ĠU L 284, 30.10.2009, p. 1).


    Top