Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004D0371

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ l-20 ta’ April 2004 dwar il-kondizzjonijiet għat-tqegħid fis-suq ta’ taħlitiet taż-żrieragħ intiżi għall-użu bħala pjanti ta’ l-għalf (notifikata permezz ta’ dokument numru K(2003) 1429)Test b’relevanza tal-ŻEE

    ĠU L 116, 22/04/2004, p. 39–39 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2004/371(1)/oj

    32004D0371



    Official Journal L 116 , 22/04/2004 P. 0039 - 0039


    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

    ta’ l-20 ta’ April 2004

    dwar il-kondizzjonijiet għat-tqegħid fis-suq ta’ taħlitiet taż-żrieragħ intiżi għall-użu bħala pjanti ta’ l-għalf

    (notifikata permezz ta’ dokument numru K(2003) 1429)

    (Test b’relevanza tal-ŻEE)

    (2004/371/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 66/401/KEE tal-14 ta’ Ġunju 1966 dwar il-marketing taż-żrieragħ tal-pjanti ta’ l-għalf [1], u partikolarment it-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 13(1) tagħha;

    Billi:

    (1) B’segwiment tad-Direttiva 66/401/KEE, iż-żrieragħ f’taħlitiet intiżi għall-użu bħala pjanti ta’ l-għalf jistgħu jitqiegħdu fis-suq jekk, b’żieda mad-dispożizzjonijiet dwar is-siġġillar u l-marketing tal-pakketti, il-komponenti varji tat-taħlita għandhom, qabel it-taħlit, ikunu konformi mar-regolamenti tal-marketing tal-Komunità applikabbli dwarhom.

    (2) Sabiex ikun assigurat il-movimenet ħieles tat-taħlitiet taż-żrieragħ għall-użu bħala pjanti ta’ l-għalf, il-kondizzjonijiet li jikkonċernaw il-produzzjoni, l-ispezzjoni tal-produzzjoni u l-ittikkettjar ta’ tali taħlitiet għandhom ikunu iddeterminati.

    (3) Il-miżuri li hemm provvediment dwarhom f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar iż-Żrieragħ u l-Materjal ta’ Propagazzjoni għall-Agrikoltura, l-Ortikoltura u l-Forestrija,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Din id-Deċiżjoni tipprovdi għall-kondizzjonijiet tal-produzzjoni, l-ispezzjoni tal-produzzjoni u l-ittikkettjar ta’ taħlitiet ta’ żrieragħ intiżi bħala pjanti ta’ l-għalf, b’żieda mal-kondizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 66/401/KEE.

    Artikolu 2

    L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li d-ditti li jipproduċu taħlitiet taż-żrieragħ:

    (a) ikunu installaw apparat tat-taħlit li jkun jassigura li t-taħlita finali tkun uniformi;

    (b) li jkollhom il-proċeduri xierqa għall-operazzjonijiet kollha tat-taħlit;

    (ċ) li jkollhom persuna inkarigata li jkollha responsabbiltà diretta fl-operazzjonijiet tat-taħlit;

    (d) li jżommu reġistru tat-taħlitiet taż-żrieragħ intiżi għall-użu bħala pjanti ta’ l-għalf.

    Artikolu 3

    Id-ditti li jkollhom l-intezjoni li jipproduċu taħlitiet taż-żrieragħ għandhom jiddikjaraw ma l-Awtorità referuta fil-punt (A)(I)(c)(2) ta’ l-Anness IV tad-Direttiva 66/401/KEE.

    (a) il-persentaġġ tal-komposizzjoni bil-piż tal-komponenti varji murija bl-ispeċje u, meta xieraq, bil-varjetà;

    (b) l-isem tat-taħlita, meta dan ikun mogħti għall-marketing tal-pakketti.

    Artikolu 4

    1. L-ispezzjoni tal-produzzjoni tat-taħlitiet taż-żrieragħ għandha tkun imwettqa mill-Awtorità referuta fl-Artikolu 3.

    2. L-ispezzjoni għandha tkum imwettqa permezz ta’:

    (a) kontrolli ta’ l-identità u tal-piż totali ta’ kull komponent, b’mill-anqas verifiki mingħajr ordni partikolari tat-tikketti uffiċjali li jidentifikaw l-ippakkjar taż-żrieragħ; u

    (b) verifika mingħajr ordni partikolari ta’ l-operazzjoni tat-taħlit, inklużi it-taħlitiet finali.

    Artikolu 5

    L-informazzjoni dettaljata li tikkonċerna l-użu għall-iskopijiet ta’ l-għalf għandha tkun indikata fuq it-tikketta uffiċjali u/jew fuq it-tikketta tal-fornitur.

    Artikolu 6

    Din id-Deċiżjoni hija ndirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussel, fl-20 ta’ April 2004.

    Għall-Kummissjoni

    David Byrne

    Membru tal-Kummissjoni

    [1] ĠU C 125, tal-11.7.1966, p. 2298/66. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2003/61/KE (ĠU L 165, tat-3.7.2003, p. 23).

    --------------------------------------------------

    Top