Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017A1011(01)

    Opinjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Ottubru 2017 dwar ir-Rakkomandazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda l-Artikolu 22 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew

    C/2017/6810

    ĠU C 340, 11.10.2017, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    11.10.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 340/1


    OPINJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-3 ta’ Ottubru 2017

    dwar ir-Rakkomandazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda l-Artikolu 22 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew

    (2017/C 340/01)

    1.   DAĦLA

    1.

    Fit-22 ta’ Ġunju 2017, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) ippreżenta Rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda l-Artikolu 22 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (ECB/2017/18) (1). Fit-12 ta’ Lulju 2017, il-Kunsill ikkonsulta l-Kummissjoni dwar din ir-Rakkomandazzjoni.

    2.

    Il-kompetenza tal-Kummissjoni li twassal opinjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 129(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Artikolu 40.1 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE.

    3.

    Il-Kummissjoni tilqa’ l-inizjattiva tal-BĊE li tirrakkomanda lil-leġiżlatur emenda tal-Artikolu 22 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE sabiex il-BĊE jkun jista’ jirregola “sistemi tal-ikklerjar għal strumenti finanzjarji” għal skopijiet ta’ politika monetarja, billi din tikkomplementa l-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Ġunju 2017 biex jiġi emendat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (2) billi jiġi adattat l-qafas legali applikabbli għall-BĊE. Dan jippermetti li l-BĊE jwettaq bis-sħiħ ir-responsabbiltajiet li għandhom il-banek ċentrali ta’ emissjoni skont il-proposta tal-Kummissjoni msemmija qabel f’dak li jirigwarda s-sistemi ta’ kklerjar għal strumenti finanzjarji ddenominati fl-euro.

    2.   KUMMENTI ĠENERALI

    4.

    Il-Kummissjoni tikkondividi l-fehma tal-BĊE li l-kontropartijiet ċentrali (central counterparties, CCPs) huma ta’ importanza ewlenija għall-Unjoni u taqbel mal-BĊE li l-ikklerjar ċentrali kulma jmur aktar qed isir transfruntier fin-natura tiegħu u sistemikament importanti. Minn meta ġie adottat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 u b’riżultat kemm ta’ fatturi xprunati mis-swieq kif ukoll fatturi regolatorji, il-volum ta’ attività tas-CCPs fl-Unjoni u globalment żdied b’pass mgħaġġel kemm fl-iskala kif ukoll fl-ambitu. L-ikklerjar ċentrali jikkontribwixxi għat-tnaqqis fir-riskju sistemiku permezz ta’ ġestjoni tar-riskju tal-kontroparti, aktar trasparenza u użu aktar effiċjenti tal-kollateral. L-ikklerjar ċentrali obbligatorju ta’ derivattivi barra l-Borża standardizzati kien impenn li sar mill-mexxejja tal-G20 sa mill-2009 u ġie implimentat fl-Unjoni Ewropea u globalment. Minn dak iż-żmien ’il hawn is-sehem tad-derivattivi barra l-Borża kklerjati ċentralment żdied, u din l-espansjoni mistennija tkompli fis-snin li ġejjin bl-introduzzjoni ta’ obbligi ta’ kklerjar addizzjonali għal tipi oħra ta’ strumenti u biż-żieda ta’ kklerjar volontarju mill-kontropartijiet li għadhom mhumiex soġġetti għal obbligu ta’ kklerjar. Il-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Mejju 2017 biex ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 jiġi emendat b’mod immirat, sabiex jitjiebu l-effettività u l-proporzjonalità tiegħu, se toħloq aktar inċentivi għas-CCPs biex joffru kklerjar ċentrali ta’ derivati lill-kontropartijiet u jiffaċilitaw l-aċċess għall-ikklerjar lil kontropartijiet żgħar finanzjarji u mhux finanzjarji. Barra minn hekk, is-swieq tal-ikklerjar huma integrati tajjeb madwar l-Unjoni iżda kkonċentrati ħafna f’ċerti klassijiet ta’ assi u interkonnessi ħafna. Iżda inevitabbilment iż-żieda fis-sehem tal-ikklerjar ċentrali tfisser li hemm aktar konċentrazzjoni ta’ riskju fis-CCPs. Il-Kummissjoni taqbel li jeħtieġ li dan jiġi indirizzat kif xieraq u diġà pproponiet miżuri regolatorji għal dan il-għan.

    5.

    Għaldaqstant, il-Kummissjoni taqbel mal-BĊE li ż-żieda fl-importanza sistemika tas-CCPs tista’ twassal għal riskji li jistgħu jaffettwaw is-sistemi tal-ikklerjar, u dan jista’ jkollu effett negattiv fuq il-funzjonament bla xkiel tas-sistemi tal-ħlasijiet u fl-implimentazzjoni tal-politika monetarja unika, u fl-aħħar mill-aħħar dan jaffettwa l-objettiv primarju li tinżamm l-istabbiltà fil-prezzijiet.

    6.

    Il-Kummissjoni taqbel ukoll mal-BĊE li l-irtirar tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea, kif notifikat fid-29 ta’ Marzu 2017, jippreżenta lill-Unjoni sfida sinifikanti addizzjonali għax ir-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 mhux se jibqgħu japplikaw għas-CCPs stabbiliti hemm u l-ammont ta’ strumenti finanzjarji ddenominati f’muniti tal-Istati Membri li huma kklerjati f’pajjiżi terzi jiżdiedu b’mod sostanzjali.

    3.   KUMMENTI SPEĊIFIĊI

    7.

    Ta’ min ifakkar li, skont l-Artikolu 127(1) TFUE, l-objettiv primarju tas-SEBĊ huwa li tinżamm stabbiltà fil-prezzijiet. L-Artikolu 127(2) TFUE jiddetermina li d-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika monetarja u l-promozzjoni tal-funzjonament bla xkiel tas-sistemi ta’ ħlas jiġu inklużi fost il-kompiti bażiċi li għandhom jitwettqu permezz tas-SEBĊ. Dawn il-kompiti bażiċi jinsabu mniżżla wkoll fl-Artikolu 3(1) tal-Istatut tas-SEBĊ u l-BĊE. Dawn għandhom l-objettiv primarju tas-SEBĊ li jżomm l-istabbiltà fil-prezzijiet; għaldaqstant jeħtieġ li l-eżerċizzju tagħhom jikkontribwixxi biex jintlaħaq dan ir-riżultat.

    8.

    L-Artikolu 22 tal-Istatut tas-SEBĊ u l-BĊE, bit-titlu “Sistemi ta’ clearing u ħlas”, jipprevedi li l-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali jistgħu jipprovdu faċilitajiet, u l-BĊE jista’ jagħmel regolamenti, sabiex jiżgura li s-sistemi tal-ikklerjar u ta’ ħlas fi ħdan l-Unjoni u ma’ pajjizi terzi jkunu effiċjenti u validi. L-Artikolu 22 jinsab fil-Kapitolu IV tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE rigward “Funzjonijiet monetarji u ħidmiet tal-SEBĊ”, flimkien ma’ dispożizzjonijiet oħrajn li jippermettu li l-BĊE jeżerċita l-kompiti bażiċi tas-SEBĊ.

    9.

    Il-Kummissjoni tinterpreta l-emenda rakkomandata tal-BĊE għall-Artikolu 22 tal-Istatut tas-SEBĊ u l-BĊE fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali fir-Renju Unit vs il-BĊE, il-Kawża T-496/11 tal-4 ta’ Marzu 2015 (3). Il-Qorti Ġenerali sostniet li s-setgħa li jadotta r-regolamenti skont l-Artikolu 22 tal-Istatut tas-SEBĊ u l-BĊE hija wieħed mill-mezzi disponibbli biex il-BĊE jwettaq il-kompitu, fdat f’idejn l-Eurosistema mill-Artikolu 127(2) TFUE, li jippromwovi l-funzjonament bla xkiel tas-sistemi ta’ ħlas. Il-kompitu stess iservi l-objettiv primarju stabbilit fl-Artikolu 127(1) TFUE. Fl-istess sentenza l-Qorti Ġenerali sostniet ukoll li t-terminu “sistemi ta’ clearing u ħlas” li jintuża fl-Artikolu 22 tal-Istatut tas-SEBĊ u l-BĊE jrid jiġi interpretat fid-dawl tal-kompitu “li s-sistemi ta’ clearing u ħlas fl-Unjoni u ma’ pajjiżi oħra jkunu effiċjenti u validi”, għaldaqstant jenħtieġ li l-kapaċità li jingħata l-BĊE permezz tal-Artikolu 22 tal-Istatut li jadotta regolamenti “sabiex jiżgura li s-sistemi ta’ clearing u ħlas fl-Unjoni u ma’ pajjiżi oħra jkunu effiċjenti u validi” ma tiġix interpretata li jingħata din is-setgħa fir-rigward tas-sistemi tal-ikklerjar kollha, inklużi dawk relatati mat-tranżazzjonijiet fit-titoli, iżda minflok trid tinftiehem bħala limitata għas-sistemi tal-ikklerjar ta’ ħlas biss.

    10.

    Bir-Rakkomandazzjoni tiegħu, il-BĊE jitlob emenda tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 22 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE biex jinkludi s-sistemi tal-ikklerjar għall-istrumenti finanzjarji taħt il-kompetenza regolatorja tiegħu. Għaldaqstant, din il-bidla rakkomandata timplika estensjoni tas-setgħat regolatorji tal-BĊE u tippermetti li l-BĊE jadotta regolamenti rigward is-sistemi tal-ikklerjar għall-istrumenti finanzjarji. Madankollu, ta’ min jinnota li, skont l-Artikolu 34.1 tal-Istatut tas-SEBĊ u l-BĊE, il-BĊE jista’ jagħmel regolamenti biss sa fejn meħtieġ biex jimplimenta l-Artikolu 22 tal-Istatut tas-SEBĊ u l-BĊE.

    11.

    Bil-proposta leġiżlattiva tagħha tat-13 ta’ Ġunju 2017 biex temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012, il-Kummissjoni tfittex li ssaħħaħ ir-responsabbiltajiet tal-banek ċentrali ta’ emissjoni fir-rigward tas-CCPs awtorizzati jew rikonoxxuti biex joperaw fl-Unjoni. Il-proposta biex jissaħħu r-responsabbiltajiet tal-banek ċentrali ta’ emissjoni hija minħabba r-riskji potenzjali li l-funzjonament bla xkiel ta’ sistemi ta’ ħlas u l-implimentazzjoni tal-politika monetarja unika, li huma kompiti bażiċi tas-SEBĊ, jistgħu jġarrbu minħabba l-funzjonament ħażin ta’ CCP, u fl-aħħar mill-aħħar dan jista’ jaffettwa jekk jintlaħaqx l-objettiv primarju li tinżamm l-istabbiltà fil-prezzijiet. Għaldaqstant, ir-rwol imsaħħaħ għall-banek ċentrali tas-SEBĊ taħt il-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni huwa konsistenti mal-objettiv primarju tas-SEBĊ u t-twettiq tal-kompiti bażiċi tal-BĊE u tas-EBĊ.

    12.

    Fin-nuqqas ta’ referenza espliċita għas-sistemi tal-ikklerjar għall-istrumenti finanzjarji jew għas-CCPs fit-Trattat jew fl-Istatut tas-SEBĊ u l-BĊE, għal raġunijiet ta’ ċertezza tad-dritt huwa ta’ importanza assoluta li l-BĊE jingħata s-setgħa b’mod ċar skont l-Artikolu 22 tal-Istatut tas-SEBĊ u l-BĊE biex jadotta l-miżuri meħtieġa rigward is-sistemi tal-ikklerjar għal strumenti finanzjarji sabiex jintlaħqu l-objettivi tas-SEBĊ u biex twettaq il-kompiti bażiċi tagħha. Dan l-għoti tas-setgħa huwa meħtieġ b’mod partikulari biex jippermetti li l-BĊE jwettaq bis-sħiħ ir-rwol maħsub għall-banek ċentrali ta’ emissjoni mill-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Ġunju 2017 biex jiġi emendat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012.

    13.

    Il-Kummissjoni tinnota li l-BĊE huwa tal-opinjoni li jenħtieġ li jingħata setgħat regolatorji (il-premessa 7 tar-Rakkomandazzjoni ECB/2017/18). F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar li l-proposta leġiżlattiva tagħha biex temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 teħtieġ li l-banek ċentrali ta’ emissjoni jipparteċipaw fit-teħid ta’ deċiżjonijiet (vinkolanti) fuq għadd ta’ kwistjonijiet fil-proċess ta’ awtorizzazzjoni tas-CCPs tal-Unjoni jew ir-rikonoxximent ta’ CCPs ta’ pajjiżi terzi kif ukoll fis-superviżjoni kontinwa tas-CCPs. Barra minn hekk, il-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Ġunju 2017 ukoll tieħu bħala bażi li l-banek ċentrali ta’ emissjoni jistgħu jimponu rekwiżiti addizzjonali fuq is-CCPs tal-Unjoni u CCPs ta’ pajjiżi terzi sistemikament importanti (CCPs tal-Grad 2) fir-rigward tat-twettiq tal-kompiti ta’ politika monetarja tagħhom (ara b’mod partikolari l-Artikolu 21a(2) għas-CCPs tal-Unjoni u l-Artikolu 25(2b)(b); l-Artikolu 25(b)(1) u (2) għas-CCPs tal-pajjiżi terzi). Din tal-aħħar tista’ tiġi interpretata bħala li tmur lil hinn minn sempliċi sorveljanza mill-banek ċentrali ta’ emissjoni tal-infrastrutturi tas-sistemi ta’ kklerjar tat-titoli, u tista’ tikkwalifika legalment bħala li tieħu sehem fir-regolamentazzjoni tal-attività tagħhom. Għaldaqstant, fil-qafas imfassal fil-proposta leġiżlattiva tagħha, il-Kummissjoni hija tal-fehma li huwa xieraq li l-BĊE jingħata s-setgħa li jieħu deċiżjonijiet u jagħmel regolamenti sa fejn meħtieġ rigward is-sistemi ta’ kklerjar għal strumenti finanzjarji.

    14.

    Is-setgħat il-ġodda tal-BĊE rigward is-CCPs skont l-Artikolu 22 tal-Istatut tas-SEBĊ u l-BĊE jinteraġixxu mas-setgħat tal-istituzzjonijiet, mal-aġenziji u mal-korpi tal-Unjoni fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet relatati mal-istabbiliment jew il-funzjonament tas-suq uniku previsti fil-Parti III tat-TFUE, inklużi atti adottati mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill skont is-setgħat mogħtija lilhom. Fil-fehma tal-Kummissjoni, huwa importanti ħafna li l-ambitu tas-setgħat (regolatorji) tal-istituzzjonijiet differenti tal-Unjoni jiġu determinati u li ssir distinzjoni bejntiehom b’mod ċar sabiex jiġu evitati regoli paralleli jew kunfliġġenti li japplikaw għas-CCPs.

    15.

    Jinħtieġ li l-atti legali tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill adottati fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet relatati mal-istabbiliment jew mal-funzjonament tas-suq uniku previsti fil-Parti III tat-TFUE, inklużi atti adottati mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill skont is-setgħat mogħtija lilhom, jistabbilixxu l-qafas legali ġenerali għall-ikklerjar ta’ sistemi ta’ strumenti finanzjarji u b’mod partikulari għall-awtorizzazzjoni, ir-rikonoxximent u s-superviżjoni tas-CCPs fid-dritt tal-Unjoni. Filwaqt li l-parteċipazzjoni tal-BĊE fit-teħid tad-deċiżjonijiet rigward is-CCPs tal-Unjoni u ta’ pajjiżi terzi u l-eżerċizzju tas-setgħat regolatorji tiegħu dwar is-CCPs rigward il-kompiti bażiċi tiegħu jsiru b’mod indipendenti skont l-Artikolu 130 TFUE, sa fejn meħtieġ biex jintlaħaq l-objettiv primarju tas-SEBĊ, jinħtieġ li r-responsabbiltajiet ġodda li ngħatawlu jiġu eżerċitati b’mod li huwa konsistenti mal-qafas ġenerali għas-suq intern li semma’ aktar ’il fuq u li huwa stabbilit mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill li jaġixxi fuq il-bażi ta’ dawn is-setgħat u li, fejn applikabbli, jinħtieġ li jirrispetta r-responsabbiltajiet u l-proċeduri stabbiliti fil-qafas.

    16.

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-emenda rakkomandata tal-BĊE għall-Artikolu 22 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE tkun tibbenefika minn kjarifiki addizzjonali u jinħtieġ li terġa’ tinkiteb biex tenfasizza li s-setgħat regolatorji u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-BĊE għandhom l-għan li jilħqu l-objettivi tas-SEBĊ u l-prestazzjoni tal-kompiti bażiċi tiegħu. Barra minn hekk, jinħtieġ li l-emenda tenfasizza li dawn is-setgħat jiġu eżerċitati b’mod li huwa konsistenti ma’ kwalunkwe att adottat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet relatati mal-istabbiliment jew mal-funzjonament tas-suq intern previsti fil-Parti III tat-TFUE, u mal-atti delegati adottati mill-Kummissjoni u l-atti ta’ implimentazzjoni adottati mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni skont is-setgħat mogħtija lilhom.

    4.   KONKLUŻJONI

    Il-Kummissjoni b’dan tagħti opinjoni favorevoli dwar ir-rakkomandazzjoni tal-BĊE li l-Artikolu 22 tal-Istatut tas-SEBĊ u l-BĊE jiġi emendat, soġġetta għall-aġġustamenti stabbiliti fil-punti 10-16 ta’ din l-opinjoni.

    Fl-anness ta’ din l-opinjoni, l-emendi proposti mill-Kummissjoni huma pprovduti f’forma ta’ tabella. Jinħtieġ li din it-tabella tinqara flimkien mat-test ta’ din l-opinjoni.

    Din l-opinjoni għandha tintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    Magħmul fi Strasburgu, it-3 ta’ Ottubru 2017.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU C 212, 1.7.2017, p. 14.

    (2)  ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.

    (3)  ECLI: EU:T:2015:133.


    ANNESS

    PROPOSTA TA’ ABBOZZAR

    Test rakkomandat mill-BĊE

    Emenda proposta mill-Kummissjoni

    Emenda

    Artikolu 22

    “Artikolu 22

    Sistemi ta’ clearing u ħlas

    Il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali jistgħu jipprovdu faċilitajiet, u l-BĊE jista’ jagħmel regolamenti, sabiex jiżgura li s-sistemi ta’ clearing u ħlas fi ħdan l-Unjoni u ma’ pajjiżi oħra jkunu effiċjenti u sodi.”

    “Artikolu 22

    Sistemi ta’ clearing u ħlas

    22.1.   Il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali jistgħu jipprovdu faċilitajiet, u l-BĊE jista’ jagħmel regolamenti, sabiex jiġi żgurat li s-sistemi ta’ clearing u ħlas fi ħdan l-Unjoni u ma’ pajjiżi terzi jkunu effiċjenti u sodi.

    22.2.   Sabiex jintlaħqu l-objettivi tas-SEBĊ u biex twettaq il-kompiti tagħha, il-BĊE jista’ jagħmel regolamenti rigward is-sistemi ta’ clearing għal strumenti finanzjarji fl-Unjoni u ma’ pajjiżi terzi, b’mod konsistenti ma’ atti adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill u ma’ miżuri adottati skont dawn l-atti.”


    Top