EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013DC0310

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW Ir-raba' rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 93/7/KEE tal-Kunsill fuq ir-ritorn ta’ oġġetti ta’ kultura illegalment imneħħija mit-territorju ta’ Stat Membru

/* COM/2013/0310 final */

52013DC0310

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW Ir-raba' rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 93/7/KEE tal-Kunsill fuq ir-ritorn ta’ oġġetti ta’ kultura illegalment imneħħija mit-territorju ta’ Stat Membru /* COM/2013/0310 final */


WERREJ

1........... Introduzzjoni................................................................................................................... 3

2........... Konklużjonijiet tat-tielet rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 93/7/KEE (2004-2007):    3

3........... Żviluppi wara t-tielet rapport........................................................................................... 4

3.1........ Tentattiv sabiex tiġi kkodifikata d-Direttiva...................................................................... 4

3.2........ Grupp ta' ħidma "Return of cultural goods"...................................................................... 4

3.3........ Inizjattivi oħrajn rigward l-oġġetti kulturali........................................................................ 5

4........... L-applikazzjoni tad-direttiva matul il-perjodu 2008-2011................................................ 7

4.1........ Ir-rapporti ta' applikazzjoni mill-Istati Membri................................................................. 7

4.2........ L-evalwazzjoni tal-applikazzjoni tad-Direttiva.................................................................. 8

5........... Il-pass li jmiss................................................................................................................. 9

Anness....................................................................................................................................... 10

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

Ir-raba' rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 93/7/KEE tal-Kunsill fuq ir-ritorn ta’ oġġetti ta’ kultura illegalment imneħħija mit-territorju ta’ Stat Membru

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

1.           Introduzzjoni

Id-Direttiva tal-Kunsill 93/7/KEE, adottata fil-15 ta' Marzu 1993[1], introduċiet mekkaniżmi ta' kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet nazzjonali, kif ukoll proċeduri tal-qorti biex jiġu rritornati l-oġġetti kulturali li jkunu ttieħdu illegalment mit-territorju ta' Stat Membru.

Skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 93/7/KEE (minn hawn 'il quddiem "id-Direttiva"), l-Istati Membri bagħtu rapport lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva matul il-perjodu 2008-2011[2]. Abbażi ta' dan, il-Kummissjoni fasslet dan id-dokument, li huwa r-raba' rapport li jivvaluta l-applikazzjoni tad-Direttiva[3]. Dan ir-rapport huwa indirizzat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Socjali Ewropew.

2.           Konklużjonijiet tat-tielet rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 93/7/KEE (2004-2007):

It-tielet rapport ta' evalwazzjoni dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva kkonkluda li d-Direttiva kienet għodda utli għall-irkupru ta' ċerti oġġetti kulturali u għalhekk strument xieraq tal-Unjoni Ewropea li permezz tiegħu tgħin lill-Istati Membri jħarsu l-wirt tagħhom. Madankollu, ir-rapport ħareġ fid-dieher ċertu diżappunt fost l-Istati Membri fir-rigward tal-limitazzjonijiet tad-Direttiva, partikolarment il-perjodu ta' żmien limitat permess sabiex matulu ssir it-talba għar-ritorn.

Skont dan ir-rapport, il-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju tal-informazzjoni tjiebu kemm fl-Istati Membri (bejn l-awtoritajiet responsabbli għall-kultura, id-dwana, il-pulizija eċċ) kif ukoll bejn l-awtoritajiet responsabbli għad-Direttiva f'diversi Stati Membri. Madankollu, ir-rapport indika li l-kooperazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri setgħu jittejbu aktar.

L-Istati Membri kkunsidraw li l-fatt li d-Direttiva ftit li xejn ġiet applikata (fir-rigward tal-azzjonijiet fil-qafas tal-kooperazzjoni amministrattiva kif ukoll tal-proċeduri quddiem il-qrati nazzjonali) jirriżulta mill-kamp ta' applikazzjoni limitat wisq tagħha u mill-kundizzjonijiet restrittivi imposti fuq it-talba għar-ritorn.

F'dan ir-rapport, il-Kummissjoni qablet li tniedi diskussjoni dwar il-possibilità li din id-Direttiva tiġi riveduta, u l-ewwel pass kien il-ħolqien ta' grupp ta' ħidma fi ħdan il-Kumitat dwar l-Esportazzjoni u r-Ritorn tal-Oġġetti Kulturali, sabiex issir analiżi ddettaljata tal-applikazzjoni tad-Direttiva.

3.           Żviluppi wara t-tielet rapport

3.1.        Tentattiv sabiex tiġi kkodifikata d-Direttiva

Fl-2007, il-kodifikazzjoni tad-Direttiva 93/7/KEE kienet parti minn programm tal-Kummissjoni sabiex jiġi ssimplifikat l-acquis tal-Komunità. Il-proposta ta' kodifikazzjoni ġiet irtirata mill-programm wara s-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fis-6 ta' Mejju 2008 (Kawża C-133/06)[4].

Fid-dawl ta' din is-sentenza, ġie stabbilit li l-proposta sabiex tiġi kkodifikata d-Direttiva 93/7/KEE kien fiha bażi legali sekondarja fid-dispożittiv tagħha[5]. Għalhekk ma kienx possibbli li titkompla l-kodifikazzjoni tad-Direttiva, minħabba li d-dispożizzjoni inkwistjoni kellha titħassar, u dan kien ifisser tibdil sostanzjali li jmur lil hinn mill-kodifikazzjoni.

3.2.        Grupp ta' ħidma "Return of cultural goods"

Fid-dawl tal-konklużjonijiet tat-tielet rapport, il-Kummissjoni ħadet il-passi neċessarji biex tirrevedi d-Direttiva.

L-ewwel pass min-naħa tal-Kummissjoni kien dak li fl-2009 iffurmat il-grupp ta' ħidma "Return of cultural goods", li kien magħmul mir-rappreżentanti tal-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-applikazzjoni tad-Direttiva. Il-mandat tal-grupp kien i) li jidentifika l-problemi prinċipali imposti mill-implimentazzjoni tad-Direttiva u ii) li jipproponi soluzzjonijiet effikaċi u aċċettabbli għal reviżjoni eventwali tad-Direttiva. Dan il-grupp inħoloq fi ħdan il-Kumitat dwar l-Esportazzjoni u r-Ritorn tal-Oġġetti Kulturali.

Il-grupp "Return of cultural goods" fl-2011 ikkonkluda li kien jeħtieġ li ssir reviżjoni tad-Direttiva 93/7/KEE sabiex is-sistema ssir aktar effikaċi għar-ritorn tal-oġġetti kulturali kklassifikati bħala "teżori nazzjonali". Fost is-suġġerimenti marbuta ma' reviżjoni eventwali, il-maġġoranza tal-membri kienu favur: i) żieda fil-perjodu limitat għal sena sabiex jinbdew il-proċeduri ta' ritorn u l-perjodu limitat għal xahrejn sabiex l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tat-talba jkun jista' jivverifika n-natura tal-oġġett kulturali li jkun jinsab fi Stat Membru ieħor, ii) kjarifika ta' ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva sabiex jiffavorixxu l-applikazzjoni tagħha, fosthom, pereżempju, jindikaw kriterji komuni għal interpretazzjoni aktar uniformi tal-kunċett ta' "diliġenza mitluba" fir-rigward tal-kumpens għall-possessur jew iii) estensjoni tal-perjodu limitat biex isiru r-rapporti dwar id-Direttiva.

Il-membri tal-grupp esprimew il-fehma tagħhom dwar suġġerimenti oħrajn marbuta mal-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva, b'mod aktar partikolari dwar it-tneħħija tal-livelli limiti finanzjarji u/jew taż-żmien ta' ċerti kategoriji ta' oġġetti tal-Anness u dwar it-tneħħija tal-Anness, dwar l-iffissar tal-oneru tal-provi tad-diliġenza meħtieġa jew dwar il-possibilità li l-individwi jressqu proċeduri ta' ritorn.

Il-membri tal-grupp waslu wkoll għall-konklużjoni fir-rigward tal-interess li jintużaw strumenti oħrajn li mhumiex leġiżlattivi sabiex tittejjeb il-kooperazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u b'hekk jagħmlu r-ritorn tal-oġġetti kulturali aktar faċli.

Ix-xogħol tal-grupp ta' ħidma u l-kontribuzzjonijiet individwali tal-membri tal-grupp kienu sors ferm importanti ta' informazzjoni għall-valutazzjoni tal-impatt tar-reviżjoni tad-Direttiva 93/7/KEE[6].

Il-konklużjonijiet tal-grupp "Return of cultural goods" ġew ippreżentati lill-Kumitat dwar l-Esportazzjoni u r-Ritorn tal-Oġġetti Kulturali matul is-17-il laqgħa tagħhom, fl-24 ta' Ottubru 2011.

3.3.        Inizjattivi oħrajn rigward l-oġġetti kulturali

L-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri, kif ukoll ċerti organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-Interopol u l-UNESCO wrew dejjem aktar interess fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar illegali tal-oġġetti kulturali.

Ir-Regolament tal-Kunsill dwar l-esportazzjoni tal-oġġetti kulturali ġie kkodifikat fl-2008 (ir-Regolament (KE) Nru 116/2009 tat-18 ta' Diċembru 2008[7]). Fl-2011, il-Kummissjoni adottat it-tieni rapport dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għall-perjodu 2000-2010[8]

Bi tweġiba għat-talba tal-Kunsill tal-Unjoni fl-2008[9], il-Kummissjoni kienet ordnat studju dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar illegali tal-oġġetti kulturali fl-Unjoni Ewropea. Ir-rapport finali ta' dan l-istudju, datat lejn l-aħħar tal-2011, jelenka l-istrumenti tal-liġi internazzjonali u tal-liġi tal-Unjoni Ewropea dwar l-oġġetti kulturali u wkoll l-ostakoli u d-diffikultajiet fil-konfront tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar illegali tal-oġġetti kulturali[10].

Dan ir-rapport jikkonkludi serje ta' rakkomandazzjonijiet għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra dan it-traffikar. Huwa jirrakomanda, pereżempju, l-implimentazzjoni ta' sistema ta' kooperazzjoni bejn id-diversi amministrazzjonijiet u istituzzjonijiet involuti fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar illegali tal-oġġetti kulturali fil-livell Ewropew, il-ħolqien ta' portal tal-Internet Ewropew, l-approvazzjoni tal-konvenzjonijiet internazzjonali tal-UNESCO u UNIDROIT[11], l-impożizzjoni tal-obbligu li tiġi pprovduta informazzjoni fil-livell tal-Unjoni fuq siti ta' bejgħ onlajn, l-istandardizzazzjoni tad-dokumenti nazzjonali li jawtorizzaw id-dispaċċ ta' oġġetti kulturali, il-ħolqien ta' "passaport" għall-oġġetti li jkunu qed jiġu ttrasportati minn post għall-ieħor fl-Ewropa jew l-introduzzjoni ta' obbligu ġenerali li jinżammu r-rekords tal-pulizija dwar l-oġġetti kulturali li jistgħu jiġu ttrasportati. Huwa jirrakomanda wkoll li d-Direttiva 93/7/KEE tiġi aġġornata sabiex tittejjeb l-effiċjenza tagħha f'termini tal-azzjonijiet ta' ritorn tal-oġġetti kulturali, u l-ħolqien ta' linjigwida prattiċi tajbin dwar ir-ritorn.

Fid-dawl ta' dan ir-rapport u xogħol ieħor f'dan il-qasam, il-Kunsill tal-Unjoni tat-13 u l-14 ta' Diċembru 2011 indirizza r-rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri dwar it-traffikar illegali tal-oġġetti kulturali. B'mod partikolari, il-Kummissjoni ssejħet sabiex tappoġġa lill-Istati Membri fil-protezzjoni effikaċi tal-oġġetti kulturali bil-għan li tipprevjeni u tiġġieled kontra t-traffikar illegali u tippromwovi miżuri komplimentari, fejn xieraq[12].

Bħala parti mix-xogħol tal-Aġenda Ewropea għall-Kultura u tal-Pjan ta' Ħidma għall-Kultura 2008-2010, grupp ta' esperti nazzjonali (Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni) ħadem fuq il-kwistjoni tat-titjib fit-trasportazzjoni tax-xogħlijiet artistiċi ("Mobilità tal-Kollezzjonijiet"). Wieħed mis-sottogruppi ta' dan il-grupp MMK, li jaħdem fuq il-prevenzjoni tas-serq u t-traffikar illegali u t-twettiq tad-diliġenza meħtieġa, irrakomanda li jiġu adottati rekwiżiti essenzjali marbuta mad-diliġenza meħtieġa[13].

Filwaqt li ssokta b'dan l-approċċ, it-tieni pjan ta' ħidma għall-kultura 2011-2014 adottat mill-Kunsill[14] jipprevedi tliet inizjattivi prinċipali b'rabta mal-oġġetti kulturali.

L-ewwel nett il-ħolqien ta' grupp ta' esperti responsabbli għall-ħolqien ta' "sett ta' għodda" li jkun jinkludi l-linjagwida dwar il-prattiki tajbin u kodiċi tal-etika dwar id-diliġenza meħtieġa fil-ġlieda kontra t-traffikar illegali u s-serq tal-oġġetti kulturali. Ta' min jinnota li f'dan il-kuntest, fil-laqgħa tal-Kunsill tal-Unjoni li saret bejn it-13 u l-14 ta' Diċembru 2011, ġie rrakomandat li l-partijiet interessati kompetenti għandhom ikunu involuti fil-ħolqien ta' dan il-grupp ta' esperti.

It-tieni, l-eżami min-naħa ta' grupp ta' esperti nazzjonali li ltaqa' fil-qafas tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni, mezzi biex jiġu ssimplifikati l-proċeduri ta' għoti u teħid b'self ta' xogħlijiet artistiċi fi ħdan l-Unjoni Ewropea[15].

It-tielet, it-tħejjija ta' pjan ta' ħidma li jipprevedi studju tas-sistemi għal stima ta' xogħlijiet ta' arti għal raġunijiet ta' assigurazzjoni, indennizzi tal-Istat u responsabbiltà kondiviża.

Fl-aħħar nett, fl-2010 il-Kummissjoni adottat proposta għal riformulazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali. Din il-proposta tipprevedi l-kompetenza tat-tribunali tal-post li fih jinsab l-oġġett għal azzjonijiet ċivili li jikkonċernaw id-drittijiet in rem jew tal-pussess tal-oġġetti mobbli. Dan il-post ta' kompetenza, li japplika b'mod ġenerali għall-oġġetti mobbli, ikopri wkoll l-azzjonijiet fil-konfront tal-irkupru tal-oġġetti kulturali mill-proprjetarji tagħhom. Ladarba jiġi adottat, dan ir-Regolament il-ġdid għandu jikkontribwixxi għal protezzjoni akbar tal-oġġetti kulturali[16].

4.           L-applikazzjoni tad-direttiva matul il-perjodu 2008-2011

4.1.        Ir-rapporti ta' applikazzjoni mill-Istati Membri

L-Istati Membri jindikaw li, għal raġunijiet evidenti, ma għandhomx informazzjoni dwar l-oġġetti kulturali kollha li tneħħew b'mod illegali mit-territorju tagħhom[17]. Għalhekk huwa diffiċli għalihom li jivvalutaw jekk it-tneħħija illegali tal-oġġetti żdiditx jew naqsitx.

Ir-rapporti nazzjonali jinnutaw:

· L-applikazzjoni mhux tant frekwenti tad-Direttiva, b'mod partikolari tal-proċeduri ta' ritorn (ara t-tabella fl-Anness[18])

L-Istati Membri jqisu li l-għadd baxx ta' każijiet ta' applikazzjoni tad-Direttiva huwa r-riżultat tal-limitazzjonijiet tal-kamp ta' applikazzjoni tagħha, b'mod partikolari l-kategoriji ddefiniti fl-Anness tagħha, kif ukoll permezz taż-żmien qasir disponsibbli biex isir ir-ritorn u d-diffikultà ta' applikazzjoni omoġenja min-naħa tal-imħallfin nazzjonali tal-Artikolu 9 għal raġunijiet ta' kumpens tal-possessur f'każ ta' ritorn tal-oġġetti.

Minbarra dan, ċerti Stati Membri semmew ukoll il-kostijiet finanzjarji marbuta mal-proċedura ta' ritorn jew id-diffikultà marbuta mal-identifikazzjoni tat-tribunal kompetenti fi Stat Membru ieħor;

· It-titjib progressiv tal-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri, li għandu jitkompla għall-finijiet ta' applikazzjoni aħjar tad-Direttiva.

Il-maġġoranza tal-Istati Membri jqisu li l-kooperazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni mal-awtoritajiet tal-Istati Membri l-oħrajn huma tajbin. Madankollu, il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja u r-Renju Unit, iqisu li din il-kooperazzjoni u dan l-iskambju ta' informazzjoni mhumiex suffiċjenti. Pereżempju, l-awtoritajiet jirrimarkaw li hu importanti li jkollhom appoġġi tekniċi tajbin biex ikunu jistgħu jitolbu li ssir riċerka tal-oġġetti li jkunu għebu u/jew jużaw diversi lingwi ta' ħidma meta jkunu qed isiru l-kuntatti bejn dawn l-awtoritajiet;

· Il-ħtieġa ta' reviżjoni tad-Direttiva.

L-Istati Membri jqisu li d-Direttiva għandha ssir strument aktar effikaċi għar-ritorn tal-oġġetti kulturali kklassifikati bħala "teżori nazzjonali" li jkunu nħarġu illegalment mit-territorju tagħhom mill-1993 'il quddiem. Għal dan il-għan, huma jappoġġjaw is-suġġerimenti tal-grupp ta' ħidma "Return of cultural goods" favur reviżjoni tad-dispożizzjonijiet attwali.

Minbarra dan, il-Bulgarija u l-Italja jinsistu fuq il-problematika tat-traffikar illegali tal-oġġetti arkeoloġiċi li jkunu ġejjin minn skavi illegali, minħabba d-diffikultajiet li jkunu ġew affrontati sabiex tiġi ppruvata l-oriġini ta' dawn il-prodotti u d-data tat-tneħħija illegali tagħhom. Dawn l-Istati Membri jitolbu li r-reviżjoni tad-Direttiva twassal biex tinstab soluzzjoni għal din il-problema.

Fl-aħħar nett, l-Istati Membri jikkonfermaw is-sejħa għal dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva biex japplikaw b'mod prijoritarju. Madankollu, il-kundizzjonijiet restrittivi imposti mid-Direttiva jwasslu għall-obbligu ta' rikors ripetut għal konvenzjonijiet internazzjonali jew għal azzjonijiet penali sabiex jiġu rkuprati l-oġġetti kulturali[19].

4.2.        L-evalwazzjoni tal-applikazzjoni tad-Direttiva

Il-Kummissjoni fl-Anness elenkat dawk il-każijiet ta' applikazzjoni tal-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva abbażi tal-informazzjoni kkomunikata mill-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri. Madankollu, din id-dejta mhijiex dejjem konsistenti u tista' ma tkunx kompluta.

Dawk l-azzjonijiet ta' kooperazzjoni amministrattiva li jitwettqu l-aktar min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali, jikkonċernaw ir-riċerka ta' oġġett kulturali li jkun tneħħew illegalment mit-territorju tagħhom jew in-notifika tal-iskoperta ta' oġġett. Minbarra dan xi Stati Membri, fosthom il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Ungerija, il-Latvja, l-Awstrija, Il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja jew ir-Rumanija, jiddikjaraw ukoll li ħadu miżuri biex jivverifikaw in-natura tal-oġġett, biex iħarsuh jew jevitaw li dan jiġi eżentat mill-proċedura ta' ritorn.

Il-kontribuzzjonijiet nazzjonali jżommu rekord tal-proċeduri ta' ritorn effettivi tal-oġġetti kulturali li jkunu saru wara negozjati bejn l-awtoritajiet nazzjonali. L-għadd ta' proċeduri ta' ritorn li jkunu saru amikevolment huma ferm akbar minn dawk li saru b'intervent mill-qorti; dawn huma mniżżla fl-Anness.

Ir-rapporti nazzjonali jagħtu wkoll informazzjoni dwar l-introduzzjoni ta' sitt talbiet għal ritorn li waħda minnhom ġiet irrifjutata. Ċerti awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-applikazzjoni tad-Direttiva indikaw li huma ma kellhomx informazzjoni marbuta mal-proċeduri ta' ritorn.

Diversi Stati Membri, fosthom il-Belġju, il-Bulgarija, l-Italja, l-Ungerija, il-Polonja u l-Finlandja, jenfasizzaw il-limitazzjonijiet tad-Direttiva għar-ritorn tal-oġġetti, l-aktar minħabba l-limiti finanzjarji applikabbli għal ċerti teżori nazzjonali u minħabba l-perjodu limitat għal sena biex jinbdew il-proċeduri ta' ritorn. Jinsistu wkoll dwar il-problematika għall-ksib tar-ritorn tal-oġġetti arkeoloġiċi li jkunu ġew minn skavi illegali minħabba diffikultà biex tiġi ppruvata l-oriġini tal-oġġett u/jew id-data tal-ħruġ illegali tiegħu (il-Bulgarija u l-Italja).

Ir-rapporti nazzjonali jenfasizzaw l-importanza li jkun hemm kooperazzjoni tajba u skambju tajjeb ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet kollha ikkonċernati bil-kwistjoni u, b'mod partikolari bejn l-awtoritajiet ċentrali responsabbli għad-Direttiva. Huma jiddikjaraw li l-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri tjiebet iżda hija ftit li xejn strutturata u taffaċċja problemi minħabba l-ostakli lingwistiċi. Bl-istess mod, ir-rapporti jidentifikaw in-nuqqasijiet fl-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet ikkonċernati u dan itellef l-effikaċja tiegħu.

5.           Il-pass li jmiss

It-traffikar illegali tal-oġġetti kulturali huwa pjaga li jaffettwa lill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni hija msejħa mill-Kunsill tal-Unjoni sabiex tappoġġja lill-Istati Membri b'mod li tipprevjeni u tiġġieled kontra t-traffikar illegali tal-oġġetti kulturali.

Il-proċedura ta' reviżjoni tad-Direttiva 93/7/KEE ilha għaddejja sa mill-2009. Il-konsultazzjoni pubblika marbuta ma' dan il-proġett ingħalqet fil-5 ta' Marzu 2012[20].

Ir-reviżjoni tad-Direttiva 93/7/KEE hija okkażjoni biex jittejbu l-mekkaniżmi għall-ksib tar-ritorn tal-oġġetti kulturali kklassifikati bħala "teżori nazzjonali" li jkunu tneħħew illegalment mit-territorju ta' Stat Membru mill-1993 'il quddiem.

F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni rat ukoll kif tista' tiffaċilita l-kooperazzjoni amministrattiva u l-konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet li jwettqu l-funzjonijiet previsti mid-Direttiva.

xxx

Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew biex jieħdu nota ta' dan ir-rapport. 

Anness

Tabella ta' azzjonijiet ta' ritorn amikevoli, ta' azzjonijiet ta' kooperazzjoni amministrattiva u proċeduri ta' ritorn mill-2008 sal-2011[21]

· Deskrizzjoni fil-qosor ta' azzjonijiet tar-ritorn b'mod amikevoli

Sena || Stat tar-Ritorn || Stat tat-Talba || Riżultat

2008 || Il-Ġermanja || Ir-Repubblika Ċeka || Statwa (1) tal-injam li tirrappreżenta l-Pietà (Močidlec)

2008 || Il-Ġermanja || Ir-Repubblika Ċeka || 4 statwi tal-injam li jirrappreżentaw il-Missirijiet tal-Knisja (Semín)

2008 || Il-Ġermanja || Ir-Repubblika Ċeka || Statwa (1) tal-injam li tirrappreżenta anġlu (Klokočka)

2008 || Spanja || L-Iżvezja || Oġġetti arkeoloġiċi

2009 || Il-Ġermanja || Ir-Repubblika Ċeka || Statwa (1) tal-injam li tirrappreżenta anġlu, Allegorija tal-Imħabba (Česká Skalice)

2009 || Il-Ġermanja || Ir-Repubblika Ċeka || Skultura (1) tal-injam li tirrappreżenta anġlu (Hněvčeves)

2009 || L-Awstrija || Ir-Repubblika Ċeka || Statwa (1) tal-injam li tirrappreżenta lil San Johann Nepomuk (Přistoupim)

2009 || Is-Slovenja || L-Italja || Ktieb ta' Gorzanis

2009 || L-Awstrija || Ir-Repubblika Ċeka || Pittura (1) li tirrappreżenta lil Sant'Anna (Noutonice) ta' knisja

2009 || Il-Ġermanja || Il-Greċja || 90 oġġett antik

2010 || Il-Pajjiżi l-Baxxi || Ir-Repubblika Ċeka || Statwi li jirrappreżentaw l-anġli (Hněvotín) (2)

2010 || Il-Ġermanja || Ir-Repubblika Ċeka || Statwa (1) tal-injam li tirrappreżenta lil San Niklaw (Libníč)

2010 || L-Awstrija || Il-Bulgarija || Muniti arkeoloġiċi

2010 || L-Iżvezja || Il-Latvja || Pitturi

2010 || Franza || Spanja || Drapp

2011 || Ir-Repubblika Ċeka || L-Awstrija || Skultura tal-injam "Christ Salvator"

2011 || Ir-Renju Unit || Il-Greċja || 6 ikoni

2011 || L-Estonja || Il-Latvja || 3 ikoni

2011 || Ir-Renju Unit || L-Italja || 2 manuskritti tas-sekli XIV u XV u missal tas-seklu XIV

2011 || Il-Ġermanja || L-Awstrija || Kollezzjoni ta' manuskritti

2011 || Il-Ġermanja || L-Italja || Manuskritt

2011 || Franza || Il-Ġermanja || 2 skulturi

· Talbiet ta' riċerka għall-oġġetti (l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/7/KEE)

Sena || Stat tat-Talba || Stat Mitlub || Riżultat

|| Il-Bulgarija || Il-Belġju || L-oġġetti ma nstabux

|| L-Italja Il-Belġju || Il-Ġermanja (6) || L-oġġetti ma nstabux (2)

|| Il-Ġermanja || L-Awstrija || L-oġġett ma nstabx

2010 || L-Ungerija Franza Il-Greċja Ir-Repubblika Ċeka || L-Italja || Għadu mhux iffinalizzat (pittura) Għadu mhux iffinalizzat (arkivji) Għadu mhux iffinalizzat (muniti antiki) Għadu mhux iffinalizzat (statwa)

2008 || Il-Litwanja || L-Awstrija || L-oġġett instab (bħalissa għaddejja l-proċedura)

2008 2010 || Il-Belġju Ir-Renju Unit || Il-Pajjiżi l-Baxxi || L-oġġetti nstabu (oġġetti ekkleżjastiċi) L-oġġetti nstabu (oġġetti arkeoloġiċi)

2008-2011 || Il-Ġermanja Il-Bulgarija || L-Awstrija || (7) Ċerti oġġetti nstabu, oħrajn ma nstabux (2) L-oġġetti nstabu u ġew irritornati (Muniti arkeoloġiċi)

2008-2011 || L-Awstrija || Il-Ġermanja (3) || L-oġġetti nstabu

2008-2011 || Il-Belġju Il-Bulgarija Ir-Repubblika Ċeka Il-Ġermanja Franza L-Ungerija L-Awstrija Il-Portugall Ir-Rumanija Is-Slovakkja Il-Finlandja || Il-Greċja || L-oġġetti ma nstabux

|| Il-Bulgarija || Il-Polonja || Għadu mhux iffinalizzat

|| Il-Polonja || Il-Ġermanja || L-oġġetti ma nstabux

|| Il-Bulgarija || Ir-Rumanija || L-oġġetti ma nstabux

|| L-Italja (1) L-Ungerija (3) Ir-Repubblika Ċeka (1) || Ir-Renju Unit (5) || L-oġġetti nstabu Oġġett (1) wieħed instab, 2 oġġetti ma nstabux L-oġġett ma nstabx

2008-2011 || Il-Greċja || L-Istati Membri kollha (39 każ) || L-oġġetti ma nstabux

· Notifiki ta' skoperta (l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/7/KEE)

Sena || L-Istat li qed jinnotifika || L-Istat innotifikat || Riżultat

|| Il-Ġermanja (5) || Franza Il-Bulgarija L-Italja Spanja Id-Danimarka || Pożittiv (żewġ skulturi ritornati) L-ebda azzjoni Pożittiv (vażun ritornat) L-ebda azzjoni L-ebda azzjoni

2011 || L-Ungerija Il-Greċja Spanja || L-Italja || L-ebda azzjoni (Vażun ta' Pouilles)) Qed jiġu rritornati (oġġetti liturġiċi) Pożittiv (oġġett tal-arti u kotba antiki rritornati)

|| L-Italja || Franza || Pożittiv (pitturi rritornati)

|| L-Estonja || Il-Latvja || Pożittiv (3 ikoni rritornati)

2010 2011 2010 || Il-Pajjiżi l-Baxxi || Franza Franza Ir-Renju Unit || Qed tiġi rritornata (statwa) L-ebda azzjoni (arkivji) L-ebda azzjoni (oġġetti arkeoloġiċi)

|| Is-Slovenja || L-Awstrija || L-oġġett innotifikat mhux identifikat mill-Awstrija

|| Il-Ġermanja Franza || Il-Polonja || Pożittiv (skulturi rritornati) Qed tingħata għajnuna biex l-oġġett jiġi protett (10 pitturi)

|| Il-Finlandja || Franza || L-ebda azzjoni

· Talbiet ta' ritorn imressqa (l-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/7/KEE)

Sena || Stat tat-Talba || Stat Mitlub || Oġġett

2008 || Ir-Repubblika Ċeka || L-Awstrija || 4 statwi ta' qaddisin tal-injam u 2 relikwarji (il-proċedura ġiet imħassra)

2008 || L-Italja || Il-Ġermanja || Elmu qadim tal-bronż (talba rrifjutata)

2009 || Ir-Repubblika Ċeka || Il-Pajjiżi l-Baxxi || Statwa li tirrappreżenta lil Sant'Anna (mhux iffinalizzat)

2009 || Il-Litwanja || L-Awstrija || Skultura "Kristu rxoxt" (mhux iffinalizzat)

2010 || Ir-Repubblika Ċeka || L-Awstrija || 2 statwi (mhux iffinalizzati) 10 statwi (irritornati)

2011 || Ir-Repubblika Ċeka || L-Awstrija || Statwa (1) tal-injam li tirrappreżenta lil San Johann Nepomuk (Čímyšl)

[1]               Id-Direttiva 93/7/KEE tal-Kunsill, tal-15 ta' Marzu 1993 fuq ir-ritorn ta’ oġġetti ta’ kultura illegalment imneħħija mit-territorju ta’ Stat Membru, (ĠU L 74,-27.03.1993, p. 74) emendata permezz tad-Direttiva 96/100/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Frar 1997 (ĠU L 60, 1.3.1997, p. 59) u permezz tad-Direttiva 2001/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2001 (ĠU L 187, 10.7.2001, p. 43).

[2]               Il-Kummissjoni rċeviet il-kontribuzzjoni ta' 22 Stat Membru.

[3]               L-ewwel rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 3911/92 tal-Kunsill dwar l-esportazzjoni ta' oġġetti kulturali u tad-Direttiva 93/7/KEE tal-Kunsill fuq ir-ritorn ta’ oġġetti ta’ kultura illegalment imneħħija mit-territorju ta’ Stat Membru, COM (2000)325 finali tal-25 ta' Mejju 2000. It-tieni rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 93/7/KEE tal-Kunsill fuq ir-ritorn ta’ oġġetti ta’ kultura illegalment imneħħija mit-territorju ta’ Stat Membru, COM (2005)675 finali tal-21 ta' Diċembru 2005. It-tielet rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 93/7/KEE tal-Kunsill fuq ir-ritorn ta’ oġġetti ta’ kultura illegalment imneħħija mit-territorju ta’ Stat Membru, COM (2009)408 finali tat-30 ta' Lulju 2009.

[4]               Ara s-sentenza tas-6 ta' Mejju 2008, il-Parlament Ewropew/il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża C-133/06, Rec.2008, p. I-03189, fuq: http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CELEX:62006CJ0133:MT:HTML

[5]               Id-dispożizzjoni kkonċernata tistabbilixxi li l-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jeżamina kull tliet snin u, fejn xieraq, jaġġorna l-ammonti indikati fl-Anness.

[6]               Din id-dokumentazzjoni mhijiex pubblika.

[7]               ĠU L 39, 10.2.2009, p. 1.

[8]               Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 116/2009 tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar l-esportazzjoni ta' oġġetti kulturali, COM(2011)382 finali tas-27 ta' Ġunju 2011.

[9]               Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta' beni kulturali, Brussell, is-27 u t-28 ta' Novembru 2008, http://register.consilium.europa.eu/pdf/mt/08/st14/st14224-re02.mt08.pdf

[10]             "Study on preventing and fighting illicit trafficking in cultural goods in the European Union" (Studju dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar illegali tal-oġġetti kulturali fl-Unjoni Ewropea", imwettaq miċ-Ċentru tal-Istudju dwar il-Kooperazzjoni Ġuridika Internazzjonali CECOJI-CNRS-UMR 6224 Franza. L-istudju huwa disponibbli bil-Franċiż jew bl-Ingliż, http://ec.europa.eu/home-affairs/doc_centre/crime/docs/Rapport%20Trafic%20des%20biens%20culturels%20UE%20-%20FR.pdf#zoom=100

[11]             Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu għall-projbizzjoni u l-prevenzjoni tal-importazzjoni, l-esportazzjoni u t-trasferiment ta' sjieda illegali tal-oġġetti kulturali tal-1970 u l-Konvenzjoni UNIDROIT, dwar l-oġġetti kulturali misruqa jew esportati illegalment tal-1995.

[12]             Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità fir-rigward ta' beni kulturali, Brussell, it-13 u l-14 ta' Diċembru 2011, http://register.consilium.europa.eu/pdf/mt/11/st17/st17541.mt11.pdf

[13]             http://ec.europa.eu/culture/our-policy-development/working-group-on-museum-activities_en.htm

[14]             Konklużjonijiet tal-Kunsill u r-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri, miġburin fi ħdan il-Kunsill, dwar il-pjan ta' ħidma 2011-2014 favur il-kultura, ĠUUE C 325, 2.12.2010, p. 1. http://ec.europa.eu/culture/our-policy-development/european-agenda_en.htm

[15]             Il-ħidmiet ta' dan il-grupp jinsabu fuq : http://ec.europa.eu/culture/our-policy-development/policy-documents/omc-working-groups_en.htm

[16]             Ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1).

[17]             Madankollu, ir-Repubblika Ċeka pprovdiet ħarsa ġenerali lejn in-numru ta' oġġetti li tneħħew illegalment u li ġew identifikati fi Stati Membri oħrajn (189 wara l-1995) u l-oġġetti minn sorsi illegali li nstabu fit-territorju tagħha (243 wara l-1995). L-Italja pprovdiet ukoll informazzjoni dwar l-oġġetti li tneħħew illegalment (jiġifieri 10 372 bejn l-2008 u l-2011). Din l-informazzjoni nkisbet abbażi tal-iskoperti li saru mill-pulizijia inkarigati mill-protezzjoni tal-wirt. B'mod ġenerali, kienu oġġetti arkeoloġiċi li ġew minn skavi illegali. L-Ungerija stmat li l-għadd ta' oġġetti li nħarġu illegalment huwa dak ta' bosta mijiet kull sena. Skont il-pulizija Rumena, 11 530 oġġett kulturali (li minnhom 11 300 kienu oġġetti arkeoloġiċi) inħarġu illegalment mit-territorju tagħhom; Il-Greċja tirrimarka l-ħruġ illegali tal-oġġetti, fosthom 274 ikona, 44 biċċa arkitettura (tal-epoka Rumana, Biżantina jew post-Biżantina), pittura tas-seklu XX, 5 vażuni (klassiċi u tal-epoka Rumana), 8 biċċiet muniti u 23 oġġett liturġiku. Dan l-Istat Membru jirrimarka żieda sinifikanti tal-għadd ta' ikoni post-Biżantini misruqa.

[18]             Sabiex tinkiseb dejta komparabbli, il-Kummissjoni għaddiet lill-awtoritajiet ċentrali responsabbli għad-direttiva kwestjonarju simili għal dak mibgħut għat-tħejjija tar-rapporti preċedenti. Sabiex tiffaċilita l-ġbir u tiggarantixxa l-affidabilità tad-dejta, din is-sistema ta' kwestjonarji se tiġi riveduta.

[19]             F'dan is-sens, il-Bulgarija u l-Polonja indikaw li kisbu proċeduri ta' ritorn permezz tal-konvenzjonijiet tal-UNESCO; ir-Rumanija tirrimarka r-ritorn ta' 235 oġġett permezz ta' UNIDROIT.

[20]             http://ec.europa.eu/culture/news/201112-consultation_en.htm

[21]             Sors: Rapporti nazzjonali tal-applikazzjoni tad-Direttiva. Dawn it-tabelli ġew verifikati mill-awtoritajiet ċentrali inkarigati mill-applikazzjoni tad-Direttiva 93/7/KEE. Madankollu, ċerta dejta hija kkonfermata biss minn Stat Membru wieħed mit-tnejn ikkonċernati. Il-passi marbuta ma' ritorn partikolari jistgħu jidhru taħt diversi tabelli.

Top