Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R0631

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/631 tas-7 ta' Frar 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi l-laboratorji ta' referenza tal-Unjoni Ewropea għall-pesti tal-pjanti

C/2018/0595

ĠU L 105, 25.4.2018, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2018/631/oj

25.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 105/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/631

tas-7 ta' Frar 2018

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi l-laboratorji ta' referenza tal-Unjoni Ewropea għall-pesti tal-pjanti

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-15 ta' Marzu 2017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta' regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 92(4) tiegħu,

Billi:

(1)

L-awtoritajiet kompetenti huma meħtieġa li jieħdu l-miżuri xierqa u f'waqthom kontra l-pesti ta' kwarantina fit-tifsira tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2016/2031 (2) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, kif ukoll kontra pesti li mhumiex elenkati fil-lista tal-Unjoni ta' pesti ta' kwarantina, iżda li jistgħu, skont l-Artikolu 30(1) ta' dak ir-Regolament, jissodisfaw il-kundizzjonijiet biex jiddaħħlu f'dik il-lista. L-effikaċja tal-kontrolli uffiċjali u ta' attivitajiet uffiċjali oħrajn li jiżguraw il-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni hija ta' importanza ewlenija f'dan ir-rigward.

(2)

Dik l-effikaċja tiddependi mill-kwalità, l-uniformità u l-affidabbiltà tal-metodi tal-analiżi, tal-ittestjar jew tad-dijanjożi li jużaw il-laboratorji uffiċjali maħturin skont l-Artikolu 37(1) tar-Regolament (UE) 2017/625, u tar-riżultati tal-analiżijiet, tat-testijiet u tad-dijanjożijiet li jwettqu dawk il-laboratorji uffiċjali.

(3)

Dawk il-metodi jridu jibqgħu jiġu aġġornati u fejn hemm bżonn, jittejbu, biex ikunu żgurati l-kwalità, l-uniformità u l-affidabbiltà tad-dejta analitika, tal-ittestjar u dijanostika li tiġi ġġenerata minnhom.

(4)

Il-miżuri li ttieħdu għall-infestazzjonijiet preċedenti jindikaw li l-laboratorji maħturin bi qbil mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) 2017/625 jibbenefikaw mill-koordinazzjoni u l-għajnuna biex jittejbu u jingħataw spinta prattiki uniformi fl-iżvilupp jew fl-użu tal-metodi tal-analiżi, tal-ittestjar jew tad-dijanjożi li jużaw dawk il-laboratorji uffiċjali, u fl-interpretazzjoni tar-riżultati.

(5)

Għalhekk jenħtieġ li jiġu stabbiliti l-laboratorji ta' referenza tal-Unjoni Ewropea biex jgħinu biex jittejbu u jiġu armonizzati l-metodi tal-analiżi, tal-ittestjar jew tad-dijanjożi, jgħinu fl-iżvilupp ta' metodi vvalidati u fl-għajnuna kkoordinata għal dawk il-laboratorji uffiċjali.

(6)

Biex tkun żgurata l-ispeċjalizzazzjoni xierqa, jenħtieġ li jiġi stabbilit laboratorju ta' referenza tal-Unjoni Ewropea speċifiku wieħed għal kull kategorija speċifika ta' pesti. Jenħtieġ li dawk il-kategoriji jqisu n-natura u l-bijoloġija tal-pesti, kif rifless fil-kategorizzazzjoni tagħhom stabbilita fil-Parti A tal-Anness I u fil-Parti A tal-Anness II tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE (3). Għaldaqstant, jenħtieġ li jiġu stabbiliti laboratorji ta' referenza tal-Unjoni Ewropea għall-kategoriji ta' pesti li ġejjin: l-insetti u d-dud, in-nematodi, il-batterji, il-faqqiegħ u l-oomiċeti, u l-viruses, il-virojdi u l-fitoplażmi (li hu terminu aġġornat għal “micoplasms”, kif imsemmi f'dik id-Direttiva).

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

B'dan huma stabbiliti l-laboratorji ta' referenza tal-Unjoni Ewropea għall-pesti ta' kwarantina kif stipulati fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2016/2031 rigward il-pesti li mhumiex elenkati fil-lista tal-Unjoni ta' pesti ta' kwarantina iżda li jistgħu, skont l-Artikolu 30(1) ta' dak ir-Regolament, jissodisfaw il-kundizzjonijiet biex jiddaħħlu f'dik il-lista, u abbażi tal-kategorizzazzjoni stabbilita fid-Direttiva 2000/29/KE:

(a)

laboratorju ta' referenza tal-Unjoni Ewropea għall-insetti u d-dud;

(b)

laboratorju ta' referenza tal-Unjoni Ewropea għan-nematodi;

(c)

laboratorju ta' referenza tal-Unjoni Ewropea għall-batterji;

(d)

laboratorju ta' referenza tal-Unjoni Ewropea għall-faqqiegħ u l-oomiċeti;

(e)

laboratorju ta' referenza tal-Unjoni Ewropea għall-viruses, il-virojdi u l-fitoplażmi.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Frar 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (ĠU L 317, 23.11.2016., p. 4).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta' Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-pjanti jew prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1).


Top