This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32014R0522
Commission Delegated Regulation (EU) No 522/2014 of 11 March 2014 supplementing Regulation (EU) No 1301/2013 of the European Parliament and of the Council with regard to the detailed rules concerning the principles for the selection and management of innovative actions in the area of sustainable urban development to be supported by the European Regional Development Fund
Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 522/2014 tal- 11 ta' Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli dettaljati dwar il-prinċipji għall-għażla u l-ġestjoni ta' azzjonijiet innovattivi fil-qasam tal-iżvilupp urban sostenibbli li għandhom jiġu appoġġati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali
Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 522/2014 tal- 11 ta' Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli dettaljati dwar il-prinċipji għall-għażla u l-ġestjoni ta' azzjonijiet innovattivi fil-qasam tal-iżvilupp urban sostenibbli li għandhom jiġu appoġġati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali
ĠU L 148, 20.5.2014, pp. 1–3
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force: This act has been changed. Current consolidated version:
12/11/2017
|
20.5.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 148/1 |
REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 522/2014
tal-11 ta' Marzu 2014
li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli dettaljati dwar il-prinċipji għall-għażla u l-ġestjoni ta' azzjonijiet innovattivi fil-qasam tal-iżvilupp urban sostenibbli li għandhom jiġu appoġġati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1080/2006 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(3) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Skont l-Artikolu 4(7) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) ir-riżorsi tal-Fondi Strutturali għall-għan ta' Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi allokati għal azzjonijiet innovattivi fil-qasam tal-iżvilupp urban sostenibbli (minn hawn' il quddiem imsejħa “azzjonijiet innovattivi”) għandhom ikunu implimentati mill-Kummissjoni. |
|
(2) |
L-Artikolu 92(8) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 jippermetti lill-Kummissjoni timplementa r-riżorsi allokati għall-azzjonijiet innovattivi taħt ġestjoni indiretta prevista fl-Artikolu 60 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). |
|
(3) |
Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dettaljati dwar l-prinċipji għall-ġestjoni ta' azzjonijiet innovattivi minn entità jew korp fdati bi dmirijiet tal-implimentazzjoni tal-baġit skont l-Artikolu 58(1)(c) tar- Regolament (UE) Nru 966/2012. |
|
(4) |
Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dettaljati dwar il-prinċipji għall-għażla ta' azzjonijiet innovattivi li għandhom jiġu appoġġati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR). Sabiex jiġi żgurat li jintagħżlu proposti ta' kwalità għolja, il-proċeduri u l-kriterji għall-għażla ta' azzjonijiet innovattivi għandhom jiġu stabbiliti, filwaqt li tjitqies id-diversità territorjali taż-żoni urbani tal-Unjoni. |
|
(5) |
Il-Kummissjoni għandha tiddefinixxi temi għall-għażla ta' azzjonijiet innovattivi biex tiżgura li s-sejħiet għal proposti jindirizzaw kwistjonijiet urbani li potenzjalment se jżidu fl-importanza għall-Unjoni fis-snin li ġejjin, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Il-ġestjoni ta' azzjonijiet innovattivi
1. Il-Kummissjoni tinnomina entità jew korp waħda/wieħed jew aktar li jkollha f'idejha/jkollu f'idejh il-kompiti ta' implimentazzjoni tal-baġit għal azzjonijiet innovattivi fil-livell tal-Unjoni skont l-Artikolu 58(1)(c) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 966/2012 (minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-entità inkarigata”).
Minbarra r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 60(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, l-entità inkarigata jkollha esperjenza ppruvata fil-ġestjoni tal-fondi tal-Unjoni f'diversi Stati Membri.
2. Il-Kummissjoni tikkonkludi ftehim ta' delega mal-entità inkarigata skont l-Artikolu 61(3) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u dak il-ftehim ta' delega jkun fih minbarra r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 40 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 (4) dispożizzjonijiet li jirregolaw:
|
(a) |
gwida għall-applikanti u l-benefiċjarji; |
|
(b) |
programm annwali ta' ħidma għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni; |
|
(c) |
l-organizzazzjoni ta' sejħiet biex jintgħażlu l-azzjonijiet innovattivi; |
|
(d) |
il-valutazzjoni tal-eliġibilità tal-applikanti; |
|
(e) |
it-twaqqif ta' bord ta' esperti, bi ftehim mal-Kummissjoni, biex jevalwa u jikklassifika l-proposti; |
|
(f) |
l-għażla ta' azzjonijiet innovattivi fuq il-bażi tar-rakkomandazzjoni tal-bord ta' esperti, bi qbil mal-Kummissjoni; |
|
(g) |
ir-rekwiżit li l-benefiċjarju huwa provdut b'dokument li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-appoġġ, kif speċifikat mill-Kummissjoni; |
|
(h) |
l-eżami ta' rapporti sottomessi mill-benefiċjarji u l-pagamenti lill-benefiċjarji; |
|
(i) |
il-monitoraġġ ta' azzjonijiet innovattivi individwali; |
|
(j) |
l-organizzazzjoni ta' avvenimenti ta' komunikazzjoni; |
|
(k) |
it-tixrid tar-riżultati, bi ftehim mal-Kummissjoni; |
|
(l) |
il-verifika ta' azzjonijiet innovattivi individwali biex jiżguraw li dawn jimplimentaw l-għotja skont il-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja soda; |
|
(m) |
kontribuzzjoni finanzjarja b'appoġġ tal-kompiti ta' ġestjoni tal-entità inkarigata biex tingħata fil-forma ta' kontribuzzjoni ta' rata fissa għall-kostijiet operazzjonali tal-entità inkarigata u stabbilita fuq il-bażi tal-ammont ta' fondi tal-Unjoni għall-appoġġ ta' għotja fdata lil dik l-entità. |
3. L-entità inkarigata tipprovdi lill-Kummissjoni bid-dokumenti f'konformità mal-Artikolu 60(5) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u b'kull informazzjoni neċessarja li hija meħtieġa għall-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-azzjonijiet innovattivi.
Artikolu 2
Għażla ta' azzjonijiet innovattivi
1. L-entità inkarigata tagħżel azzjonijiet innovattivi fuq il-bażi ta' sejħiet għal proposti, filwaqt li jitqiesu temi definiti mis-servizzi tal-Kummissjoni fuq bażi annwali.
2. L-awtoritajiet li ġejjin jistgħu japplikaw għal appoġġ biex jieħdu azzjonijiet innovattivi:
|
(a) |
kull awtorità urbana ta' unità amministrattiva lokali definita skont il-grad ta' urbanizzazzjoni bħala belt, villaġġ, jew subborg, u li jkun fiha mill-inqas 50 000 abitant; |
|
(b) |
kull assoċjazzjoni jew gruppi ta' awtoritajiet urbani tal-unitajiet amministrattivi lokali definiti skont il-grad ta' urbanizzazzjoni bħala belt, villaġġ jew subborg fejn il-popolazzjoni totali tilħaq mill-inqas il-50 000 abitant; dan jista' jinkludi assoċjazzjonijiet jew gruppi transfruntiera, assoċjazzjonijiet jew gruppi f'reġjuni u/jew fi Stati Membri differenti. |
3. Il-bord ta' esperti msemmi fl-Artikolu 1(2)(e) jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar azzjonijiet innovattivi li jridu jintgħażlu. Il-bord ta' esperti jkun ġeografikament ibbilanċjat u ppresedut mill-Kummissjoni. Meta jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu, il-bord ta' esperti jqis, b'mod partikolari, il-kriterji li ġejjin:
|
(a) |
il-kontenut innovattiv tal-proposta u l-potenzjal tagħha biex tidentifika jew tittestja soluzzjonijiet ġodda; |
|
(b) |
il-kwalità tal-proposta; |
|
(c) |
l-involviment ta' msieħba rilevanti fit-tħejjija tal-proposta; |
|
(d) |
il-kapaċità li jintwerew riżultati li jistgħu jitkejlu; |
|
(e) |
it-trasferibbiltà tas-soluzzjonijiet proposti. |
Il-bord ta' esperti jiżgura li d-diversità territorjali taż-żoni urbani tal-Unjoni tiġi kkunsidrata fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu.
4. L-entità inkarigata tagħżel l-azzjonijiet innovattivi fuq il-bażi tar-rakkomandazzjoni tal-bord ta' esperti u bi qbil mal-Kummissjoni.
5. L-ammont mogħti lil kull azzjoni innovattiva ma għandux jaqbeż il-EUR 5 000 000.
6. Kull azzjoni innovattiva tiġi implimentata fi żmien perjodu massimu ta' tliet snin.
Artikolu 3
Id-dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Marzu 2014.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) Ir-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1080/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 289).
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).
(3) Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).
(4) Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).