Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R0957

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 957/2012 tas- 17 ta’ Ottubru 2012 li jemenda l-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 605/2010 fir-rigward tat-tħassir tal-annotazzjoni għall-Antilli tal-Pajjiżi l-Baxxi fil-lista ta’ pajjiżi terzi li minnhom hija awtorizzata l-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ kunsinni ta’ ħalib mhux ipproċessat u prodotti tal-ħalib Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 287, 18.10.2012, p. 5–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/04/2021; Impliċitament imħassar minn 32020R0692

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2012/957/oj

    18.10.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 287/5


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 957/2012

    tas-17 ta’ Ottubru 2012

    li jemenda l-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 605/2010 fir-rigward tat-tħassir tal-annotazzjoni għall-Antilli tal-Pajjiżi l-Baxxi fil-lista ta’ pajjiżi terzi li minnhom hija awtorizzata l-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ kunsinni ta’ ħalib mhux ipproċessat u prodotti tal-ħalib

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE tas-16 ta’ Diċembru 2002 li tistabbilixxi r-regoli sanitarji għall-annimali u li jiddeterminaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-introduzzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali u li huma għall-konsum uman (1), u b’mod partikolari l-frażi introduttorja tal-Artikolu 8, l-ewwel subparagrafu tal-punt (1) u l-punt (4) tal-Artikolu 8 tagħha,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali fuq il-prodotti li joriġinaw mill-annimali.B’mod partikolari, jistipula li prodotti li joriġinaw mill-annimali għandhom jiġu importati biss minn pajjiż terz jew parti ta’ pajjiż terz li tidher fuq il-lista mfassla u aġġornata skont dak ir-Regolament.

    (2)

    Ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 jipprovdi li, fit-tfassil u l-aġġornamenti ta’ listi bħal dawn, għandhom jitqiesu l-verifiki min-naħa tal-Unjoni f’pajjiżi terzi u l-garanziji min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi fir-rigward tal-konformità jew l-ekwivalenza mal-liġi tal-Unjoni dwar l-għalf u l-ikel u regoli dwar saħħet l-annimali kif speċifikat fir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (3).

    (3)

    L-Anness I għar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 605/2010 tat-2 ta’ Lulju 2010 li jistipula l-kundizzjonijiet ta’ saħħa tal-annimali u ta’ saħħa pubblika kif ukoll iċ-ċertifikazzjoni veterinarja għall-introduzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta’ ħalib mhux ipproċessat u prodotti tal-ħalib maħsuba għall-konsum uman (4) jistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi li minnhom hija awtorizzata l-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ kunsinni ta’ ħalib mhux ipproċessat u prodotti tal-ħalib.

    (4)

    Il-pajjiż awtonomu tal-Antilli tal-Pajjiżi l-Baxxi fil-preżent huwa inkluż fil-lista fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 605/2010.

    (5)

    Wara r-riforma interna tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, effettiva sa mill-10 ta’ Ottubru 2010, l-Antilli tal-Pajjiżi l-Baxxi ma baqax jeżisti bħala pajjiż awtonomu fi ħdan dak ir-Renju. Fl-istess data, Curaçao u Sint Maarten kisbu l-istatus ta’ pajjiżi awtonomi fi ħdan ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, filwaqt li Bonaire, Sint Eustatius u Saba saru muniċipalitajiet speċjali tal-parti Ewropea tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi. Huwa għalhekk xieraq li titħassar l-annotazzjoni għall-Antilli tal-Pajjiżi l-Baxxi mil-lista stabbilita fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 605/2010.

    (6)

    Curaçao u Sint Maarten ma esprimewx interess li jkomplu bl-esportazzjonijiet ta’ ħalib mhux ipproċessat u prodotti tal-ħalib maħsuba għall-konsum mill-bniedem lejn l-Unjoni. Għalhekk mhuwiex xieraq li dawn jiġu inklużi fil-lista stabbilita fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 605/2010.

    (7)

    Ir-Regolament (UE) Nru 605/2010 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

    (8)

    Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 605/2010, l-annotazzjoni għall-Antilli tal-Pajjiżi l-Baxxi hija mħassra.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Ottubru 2012.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 18, 23.1.2003, p. 11.

    (2)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206.

    (3)  ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.

    (4)  ĠU L 175, 10.7.2010, p. 1.


    Top