EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0199

2011/199/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tal- 25 ta’ Marzu 2011 li temenda l-Artikolu 136 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ mekkaniżmu ta’ stabbiltà għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro

ĠU L 91, 6.4.2011, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/199/oj

6.4.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 91/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL EWROPEW

tal-25 ta’ Marzu 2011

li temenda l-Artikolu 136 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ mekkaniżmu ta’ stabbiltà għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro

(2011/199/UE)

IL-KUNSILL EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 48(6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta għar-reviżjoni tal-Artikolu 136 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea ippreżentata lill-Kunsill Ewropew mill-Gvern Belġjan fis-16 ta’ Diċembru 2010,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni Ewropea (2),

Wara li kiseb l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (3),

Billi:

(1)

L-Artikolu 48(6) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jippermetti lill-Kunsill Ewropew, li jaġixxi b’mod unanimu wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni, u f’ċerti każijiet, mal-Bank Ċentrali Ewropew, li jadotta deċiżjoni li temenda b’mod sħiħ jew parzjali d-dispożizzjonijiet tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Deċiżjoni bħal din ma tistax iżżid il-kompetenzi mogħtija lill-Unjoni fit-Trattati u d-dħul fis-seħħ tagħha jiddependi mill-approvazzjoni sussegwenti tal-Istati Membri f’konformità mar-rekwiżiti kostituzzjonali rispettivi tagħhom.

(2)

Fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tat-28 u d-29 ta’ Ottubru 2010, il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern qablu dwar il-ħtieġa li l-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmu permanenti għall-kriżijiet biex tiġi salvagwardjata l-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro kollha u stiednu lill-President tal-Kunsill Ewropew biex iwettaq konsultazzjonijiet mal-membri tal-Kunsill Ewropew dwar bidla limitata fit-trattat meħtieġa għal dak l-għan.

(3)

Fis-16 ta’ Diċembru 2010, il-Gvern Belġjan ippreżenta, f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 48(6) TUE, proposta għar-reviżjoni tal-Artikolu 136 TFUE billi jiżdied paragrafu taħt liema l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro jistgħu jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ stabbiltà li jkun attivat jekk ikun indispensabbli biex tiġi salvagwardjata l-istabbiltà taż-żona tal-euro kollha u li jiddikjara li l-għoti ta’ kwalunkwe assistenza finanzjarja meħtieġa taħt il-mekkaniżmu ser ikun soġġett għal kondizzjonalità stretta. Fl-istess waqt, il-Kunsill Ewropew adotta konklużjonijiet dwar il-mekkaniżmu ta’ stabbiltà futur (paragrafi 1 sa 4).

(4)

Il-mekkaniżmu ta’ stabbiltà ser jipprovdi l-għodda meħtieġa biex jiġu ttrattati tali każijiet ta’ riskju għall-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro kollha bħalma ġew esperjenzati fl-2010, u għalhekk jgħin biex tiġi ppreservata l-istabbiltà ekonomika u finanzjarja tal-Unjoni nnifisha. Fil-laqgħa tiegħu tas-16 u s-17 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill Ewropew qabel li, peress li dan il-mekkaniżmu huwa mfassal biex jissalvagwardja l-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro kollha, l-Artikolu 122(2) TFUE mhux ser jibqa’ meħtieġ għal tali finijiet. Għalhekk il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern qablu li huwa m’għandux jintuża għal tali finijiet.

(5)

Fis-16 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill Ewropew iddeċieda li jikkonsulta, f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 48(6) tat-TUE, lill-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni, dwar il-proposta. Huwa iddeċieda wkoll li jikkonsulta lill-Bank Ċentrali Ewropew. Il-Parlament Ewropew (1), il-Kummissjoni (2) u l-Bank Ċentrali Ewropew (3), rispettivament, adottaw opinjonijiet dwar il-proposta.

(6)

L-emenda tikkonċerna dispożizzjoni li tinsab fit-Tielet Parti tat-TFUE u ma żżidx il-kompetenzi mogħtija lill-Unjoni fit-Trattati,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-paragrafu li ġej għandu jiżdied mal-Artikolu 136 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea:

“3.   L-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro jistgħu jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ stabbiltà li jkun attivat jekk ikun indispensabbli biex tiġi salvagwardjata l-istabbiltà taż-żona tal-euro kollha. L-għoti ta’ kwalunkwe assistenza finanzjarja meħtieġa taħt il-mekkaniżmu ser ikun soġġett għal kondizzjonalità stretta.”.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lis-Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill mingħajr dewmien bit-tlestija tal-proċeduri għall-approvazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’konformità mar-rekwiżiti kostituzzjonali rispettivi tagħhom.

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2013, dment li n-notifiki kollha msemmija fl-ewwel paragrafu jkunu ġew irċevuti, jew, fin-nuqqas ta’ dan, fl-ewwel jum tax-xahar wara li tiġi rċevuta l-aħħar waħda min-notifiki msemmija fl-ewwel paragrafu.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tkun ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Marzu 2011.

Għall-Kunsill Ewropew

Il-President

H. VAN ROMPUY


(1)  Opinjoni tat-23 ta' Marzu 2011 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Opinjoni tal-15 ta’ Frar 2011 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Opinjoni tas-17 ta' Marzu 2011 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).


Top