Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004D0867

Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 13 ta' Diċembru 2004 li temenda d-Deċiżjoni 2002/463/KE li tadotta programm ta’ azzjoni għal koperazzjoni amministrattiva fl-oqsma tal-fruntieri esterni, il-viżi, l-asil u l-immigrazzjoni (il-programm ARGO)

ĠU L 371, 18.12.2004, p. 48–49 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 153M, 7.6.2006, p. 285–286 (MT)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2006

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2004/867/oj

7.6.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

285


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-13 ta' Diċembru 2004

li temenda d-Deċiżjoni 2002/463/KE li tadotta programm ta’ azzjoni għal koperazzjoni amministrattiva fl-oqsma tal-fruntieri esterni, il-viżi, l-asil u l-immigrazzjoni (il-programm ARGO)

(2004/867/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 66 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Wara li kkonsulta lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Billi:

(1)

L-għan prinċipali tad-Deċiżjoni 2002/463/KE (3) huwa li tippromwovi l-koperazzjoni amministrattiva fil-oqsma tal-fruntieri esterni, il-viżi, l-asil u l-immigrazzjoni.

(2)

Fil-Komunikazzjoni tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-3 ta’ Ġunju 2003 dwar l-iżvilupp ta’ politika Komuni dwar l-immigrazzjoni illegali, id-dħul klandestin u t-traffikar tal-bnedmin, il-fruntieri esterni u r-ritorn ta’ residenti illegali l-Kummissjoni tissuġġerixxi l-possibbiltà li jiġi rivedut il-programm ARGO li jipprovdi sostenn finanzjarju lil proġetti nazzjonali fil-qasam tal-fruntieri esterni billi jiġu indirizzati punti dgħajfa strutturali speċifiċi f’postijiet strateġiċi tal-fruntieri li għandhom jiġu identifikati bi qbil ma’ l-Istati Membri abbażi ta’ kriterji oġġettivi.

(3)

Il-Kunsill Ewropew ta’ Tessaloniki stieden lill-Kummissjoni biex teżamina l-possibbiltà li jiġu approprjati fondi taħt l-intestatura 3 tal-perspettivi finanzjarji sabiex jiġu indirizzati, matul il-perijodu 2004-2006, l-aktar ħtiġijiet strutturali urġenti u biex tiġi koperta definizzjoni usa’ ta’ solidarjetà li tkun tinkludi, inter alia, sostenn Komunitarju fl-amministrazzjoni tal-fruntieri esterni.

(4)

L-awtorità tal-budget  (4) żiedet b’mod sostanzjali l-approprjazzjonijiet allokati lill-programm ARGO għall-2004, bil-ħsieb ta’ amministrazzjoni aħjar tal-fruntieri esterni.

(5)

Sabiex issir promozzjoni ta’ l-għanijiet ġenerali tal-programm ARGO huwa xieraq li jiżdied in-numru ta’ azzjonijiet li għandhom jiġu proposti fil-qasam tal-fruntieri esterni u li jiġu kkunsidrati tipi ġodda ta’ azzjoni.

(6)

Sabiex isir aktar aċċessibbli għall-amministrazzjonijiet nazzjonali, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jipproponu azzjonijiet li mhux neċessarjament jinvolvu Stati Membri oħra, iżda li jagħtu kontribut lill-għanijiet ġenerali u jsostnu l-attivitajiet fil-qasam tal-fruntieri esterni kif stabbilit fid-Deċiżjoni Nru 2002/463/KE.

(7)

Għandu jiġi stabbilit limitu massimu indikattiv fuq l-approprjazzjonijiet disponibbli assenjati għal azzjonijiet minn Stat Membru uniku.

(8)

Id-disposizzjonijiet dwar il-konsultazzjoni tal-Kumitat ARGO fid-Deċiżjoni Nru. 2002/463/KE għandhom ikunu allineati mar-Regolament Finanzjarju l-ġdid applikabbli għall-budget ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea (5).

(9)

Skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-posizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka mhix qed tipparteċipa fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, u għalhekk mhix marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(10)

Skond l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-posizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, ir-Renju Unit innotifika x-xewqa tiegħu li jieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

(11)

Skond l-Artikolu 1 tal-Protokoll dwar il-posizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, l-Irlanda mhix qed tipparteċipa fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. B’riżultat ta’ dan, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ l-imsemmi Protokoll, id-disposizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni ma japplikawx għall-Irlanda.

(12)

Id-Deċiżjoni Nru 2002/463/KE għandha għalhekk tiġi emendata f'dan is-sens,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2002/463/KE hija emendata kif ġej:

1)

Fl-Artikolu 10 jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   Azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 8 u proposti minn aġenzija nazzjonali ta’ Stat Membru wieħed li jimplimentaw waħda mill-attivitajiet fil-qasam ta’ politika msemmi fl-Artikolu 4, għandhom ikunu eliġibbli għal ko-finanzjament taħt il-programm ARGO, bil-kundizzjoni li:

(a)

isegwu wieħed mill-għanijiet ġenerali msemmija fl-Artikolu 3; u

(b)

jagħtu kontribut lill-amministrazzjoni integrata tal-fruntieri billi jindirizzaw punti dgħajfa strutturali speċifiċi f’postijiet strateġiċi tal-fruntieri, identifikati abbażi ta’ kriterji oġġettivi.”;

2)

L-Artikolu 11 huwa emendat kif ġej:

(a)

Fil-paragrafi 3, 4 u 6 “Artikolu 10(1)” jinbidel bl-“Artikolu 10(1) u (1a)”.;

(b)

Il-paragrafu 5 jinbidel b’dan li ġej:

“(5)   Id-deċiżjonijiet li jingħataw għotjiet komunitarji lill-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 10(1) u (1a) għandhom ikunu suġġetti għal ftehim ta’ għotjiet bejn il-Kummissjoni u l-aġenziji nazzjonali li jipproponu l-azzjonijiet. L-implimentazzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet u l-ftehim ta’ għotjiet għandha tkun suġġetta għal kontroll finanzjarju tal-Kummissjoni u għal verifiki mill-Qorti ta’ l-Awdituri.”;

3)

L-Artikolu 12 huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafu 3(a) jinbidel b’dan li ġej:

“(a)

jiġi mħejji programm ta’ xogħol annwali li jinkludi għanijiet speċifiċi, prijoritajiet tematiċi, il-kriterji oġġettivi msemmija fl-Artikolu 10(1a)(b), definizzjoni tas-sehem massimu indikattiv mill-budget annwali disponibbli għall-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 10(1a), deskrizzjoni ta’ l-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 10(3) li l-Kummissjoni bi ħsiebha twettaq u, jekk ikun meħtieġ, lista ta’ azzjonijiet oħra.”;

(b)

Il-paragrafu 4 jinbidel b’dan li ġej:

“4.   Il-programm ta’ xogħol annwali li jinkludi l-azzjonijiet proposti mill-Kummissjoni u l-azzjonijiet speċifiċi previsti fl-Artikolu 9 għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 13(2).

Fir-rigward ta’ l-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 10(1) u (1a), il-lista ta’ azzjonijiet magħżula għandha tiġi adottata skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 13(3)”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mid-data tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Magħmula fi Brussel, nhar it-13 ta' Diċembru 2004.

Għall-Kunsill

Il-President

B. R. BOT


(1)  Opinjoni mogħtija fis-17 ta' Novembru 2004 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Opinjoni mogħtija fis-27 ta' Ottubru (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  ĠU L 161, 19.6.2002 p. 11.

(4)  Budget ġenerali ta’ l-UE għas-sena finanzjarja 2004 (ĠU L 53, 23.2.2004)

(5)  ĠU L 248 16.09.2002, p. 1.


Top