EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CN0568

Kawża C-568/10: Rikors ippreżentat fis- 6 ta’ Diċembru 2010 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Awstrija

ĠU C 55, 19.2.2011, p. 19–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 55/19


Rikors ippreżentat fis-6 ta’ Diċembru 2010 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Awstrija

(Kawża C-568/10)

2011/C 55/33

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: M. Condou-Durande u W. Bogensberger, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Awstrija

Talbiet

tikkonstata li r-Repubblika tal-Awstrija, billi adottat regola li abbażi tagħha l-istudenti ċittadini ta’ pajjiżi terzi jistgħu biss jiksbu permess ta’ xogħol wara li tkun ġiet eżaminata s-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol fl-Awstrija u jkun għalhekk żgurat li l-post vakanti ma jistax jimtela’ minn persuna li tkun diġà rreġistrata bħala persuna qiegħda, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/114/KE, tat-13 ta’ Diċembru 2004, dwar il-kondizzjonijiet ta’ ammissjoni ta’ cittadini ta’ pajjiżi terzi għal skopijiet ta’ studju, skambju ta’ studenti, taħriġ bla ħlas jew servizz volontarju (1);

tikkundanna lir-Repubblika tal-Awstrija għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li d-dispożizzjonijiet Awstrijaċi jipprekludu sistematikament lill-istudenti ċittadini ta’ pajjiżi terzi milli jkollhom aċċess għas-suq tax-xogħol, inkwantu permess ta’ xogħol jingħatalhom biss meta jiġi vverifikat li tali post vakanti ma jistax jimtela’ minn persuna rreġistrata bħala qiegħda. Għalhekk, in-numru ta’ permessi maħruġa għal dan il-grupp ta’ persuni huwa żgħir. Għaldaqstant, huma biss 10 % tal-istudenti li joriġinaw minn pajjiżi terzi, b’differenza għal 70 % tal-istudenti Awstrijaċi, li għandhom il-possibbiltà li jiffinanzjaw parti mill-ispejjeż tal-istudji tagħhom permezz ta’ attività remunerata.

Skont ir-Repubblika tal-Awstrija dawn il-limitazzjonijiet huma ġustifikati. L-Awstrija hija partikolarment attraenti għall-istudenti ta’ pajjiżi terzi minħabba l-aċċess liberu għall-edukazzjoni terzjarja u għall-miżati ta’ studju baxxi. Peress li dawn il-persuni ma għandhomx għarfien sod tal-lingwa Ġermaniża u anki nuqqas ta’ kwalifiki professjonali, dawn ikunu normalment impjegati f’setturi li fihom isir xogħol mhux professjonali u għalhekk jikkontribwixxu iktar għar-rata ta’ qgħad manifestament għolja f’dan is-settur.


(1)  ĠU 2006, L 153M, p. 330


Top