EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020BP1836

Riżoluzzjoni (UE) 2020/1836 tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Mejju 2020 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-aġenziji tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018: prestazzjoni, ġestjoni finanzjarja u kontroll

ĠU L 417, 11.12.2020, p. 1–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2020/1836/oj

11.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 417/1


RIŻOLUZZJONI (UE) 2020/1836 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-14 ta' Mejju 2020

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-aġenziji tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018: prestazzjoni, ġestjoni finanzjarja u kontroll

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-aġenziji tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar is-segwitu għall-kwittanza għas-sena finanzjarja 2017 (COM(2019) 334),

wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-aġenziji tal-UE għas-sena finanzjarja 2018, flimkien mar-risposti tal-aġenziji (1),

wara li kkunsidra r-Rapport Analitiku Nru 07/2019 tal-Qorti tal-Awdituri "Rappurtar dwar is-sostenibbiltà: rendikont tal-Istituzzjonijiet u l-Aġenziji tal-UE" (Analiżi rapida dwar każ speċifiku), ippubblikat fit-12 ta’ Ġunju 2019,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 1(2) u l-Artikolu 208 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (3), u b'mod partikolari l-Artikoli 68 u 70 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), u b'mod partikolari l-Artikolu 110 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/715 tat-18 ta' Diċembru 2018 dwar ir-regolament finanzjarju qafas għall-korpi mwaqqfin skont it-TFUE u t-Trattat Euratom u msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), u b'mod partikolari l-Artikolu 105 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0079/2020),

A.

billi din ir-riżoluzzjoni fiha, għal kull korp skont it-tifsira tal-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, l-Artikolu 70 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, l-osservazzjonijiet trasversali li jakkumpanjaw id-deċiżjonijiet ta' kwittanza skont l-Artikolu 110 tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 1271/2013 u l-Artikolu 3 tal-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament;

B.

billi, fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità tal-kwittanza tisħaq fuq l-importanza tat-tisħiħ ulterjuri tal-kunċett tal-ibbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni, l-obbligu ta' rendikont tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-governanza tajba tar-riżorsi umani;

1.   

Jenfasizza li l-aġenziji għandhom influwenza sinifikanti fuq it-tfassil tal-politiki, it-teħid tad-deċiżjonijiet u l-implimentazzjoni ta' programmi f'oqsma ta' importanza vitali għaċ-ċittadini Ewropej, bħal pereżempju s-sigurtà, is-sikurezza, is-saħħa, ir-riċerka, l-affarijiet ekonomiċi, il-libertà u l-ġustizzja; itenni l-importanza tal-kompiti mwettqa mill-aġenziji u l-impatt dirett tagħhom fuq il-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini tal-Unjoni; itenni wkoll l-importanza tal-awtonomija tal-aġenziji, b'mod partikolari l-awtonomija tal-aġenziji regolatorji u ta' dawk l-aġenziji li għandhom il-funzjoni tal-ġbir indipendenti tal-informazzjoni; ifakkar li r-raġunijiet ewlenin għall-istabbiliment tal-aġenziji kienu t-tħaddim tas-sistemi tal-Unjoni, l-iffaċilitar tal-implimentazzjoni tas-Suq Uniku Ewropew u t-twettiq ta' valutazzjonijiet tekniċi jew xjentifiċi indipendenti; jilqa', f'dan ir-rigward, il-prestazzjoni ġenerali effettiva tal-aġenziji;

2.   

Jilqa' l-progress viżibbli li sar mill-aġenziji fl-isforzi tagħhom biex jirrispondu għat-talbiet u r-rakkomandazzjonijiet espressi fi ħdan il-proċeduri annwali ta' kwittanza; jinnota b'sodisfazzjon li, skont ir-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti") dwar l-aġenziji tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2018 ("ir-rapport tal-Qorti"), il-Qorti ħarġet opinjoni tal-awditjar mhux kwalifikata dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet tal-aġenziji kollha; jinnota, barra minn hekk, li l-Qorti ħarġet opinjoni mhux kwalifikata dwar il-legalità u r-regolarità tad-dħul li fuqu huma bbażati l-kontijiet għall-aġenziji kollha; josserva li l-Qorti ħarġet opinjoni mhux kwalifikata dwar il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet għall-aġenziji kollha, ħlief fil-każ tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO); jinnota li, għall-EASO, il-Qorti ħarġet bażi għal opinjoni kwalifikata fir-rigward tas-sejbiet tagħha għas-snin finanzjarji 2016 u 2017 fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tal-pagamenti, iżda li ħlief għall-effetti tas-snin finanzjarji 2016 u 2017, il-Qorti hija tal-opinjoni li l-pagamenti tal-EASO li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2018 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha; jirrikonoxxi l-progress kontinwu li sar mill-EASO fit-twettiq ta' riformi u pjanijiet ta' azzjoni korrettiva;

3.   

Jinnota li għat-32 aġenzija deċentralizzata tal-Unjoni, il-baġits tal-2018 ammontaw għal madwar EUR 2 590 000 000 f'approprjazzjonijiet ta' impenn, jiġifieri żieda ta' madwar 10,22 % meta mqabbla mal-2017, u għal EUR 2 360 000 000 f'approprjazzjonijiet ta' pagament, jiġifieri żieda ta' 5,13 % meta mqabbla mal-2017; jinnota, barra minn hekk, li miż-EUR 2 360 000 000, madwar EUR 1 700 000 000 ġew iffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni, u dan jirrappreżenta 72,16 % tal-finanzjament totali tal-aġenziji fl-2018 (meta mqabbel ma' 72,08 % fl-2017); jirrikonoxxi, barra minn hekk, li madwar EUR 657 000 000 ġew iffinanzjati minn tariffi u imposti u minn kontribuzzjonijiet diretti mill-pajjiżi parteċipanti;

4.   

Ifakkar fit-talba tiegħu li l-proċedura ta' kwittanza tiġi ssemplifikata u aċċellerata bil-ħsieb li d-deċiżjoni dwar l-għoti ta' kwittanza tittieħed fis-sena immedjatament wara dik li għaliha tingħata l-kwittanza u filwaqt li l-proċedura tingħalaq fi żmien sena wara s-sena kontabilistika inkwistjoni; jilqa', f'dan ir-rigward, l-isforzi pożittivi mwettqa u l-kooperazzjoni tajba man-Netwerk tal-Aġenziji tal-Unjoni Ewropea ("in-Netwerk") u l-aġenziji individwali, u b'mod partikolari mal-Qorti, fatt li juri potenzjal ċar għas-semplifikazzjoni u l-aċċellerazzjoni tal-proċedura min-naħa tagħhom; japprezza l-progress li sar s'issa u jistieden lill-atturi rilevanti kollha jkomplu bl-isforzi tagħhom favur il-progress ulterjuri tal-proċedura;

Riskji ewlenin u rakkomandazzjonijiet identifikati mill-Qorti

5.

Jinnota b'sodisfazzjon li, skont ir-rapport tagħha, il-Qorti tqis li r-riskju ġenerali għall-affidabbiltà tal-kontijiet tal-aġenziji, abbażi ta' standards tal-kontabbiltà internazzjonali, huwa baxx, u li fil-passat kien hemm biss ftit żbalji materjali; jinnota, madankollu, li l-għadd dejjem jikber ta' ftehimiet ta' delega, li permezz tagħhom il-Kummissjoni tassenja kompiti u dħul addizzjonali speċifiċi lill-aġenziji, jirrappreżenta sfida f'termini tal-konsistenza u t-trasparenza tat-trattament tal-kontijiet tal-aġenziji;

6.

Jinnota li skont ir-rapport tagħha, il-Qorti tqis li r-riskju ġenerali għal-legalità u r-regolarità tad-dħul li fuqu huma bbażati l-kontijiet tal-aġenziji huwa baxx għall-maġġoranza tal-aġenziji, u huwa medju għall-aġenziji li jiffinanzjaw lilhom infushom b'mod parzjali fejn regolamenti speċifiċi huma applikabbli għall-iċċarġjar u l-ġbir ta' tariffi u kontribuzzjonijiet minn operaturi ekonomiċi jew minn pajjiżi li jikkooperaw; jinnota li l-Qorti tqis li r-riskju ġenerali għal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet tal-aġenziji huwa medju, filwaqt li jvarja minn baxx sa għoli għal titoli speċifiċi tal-baġit; jinnota li r-riskju għat-Titolu I (infiq għall-persunal) huwa ġeneralment baxx, għat-Titolu II (infiq amministrattiv) ir-riskju hu meqjus bħala medju, u għat-Titolu III (infiq operattiv) ir-riskju huwa meqjus li jvarja minn baxx għal għoli, skont l-aġenzija inkwistjoni u n-natura tal-infiq operattiv tagħha; jirrimarka li sorsi ta' riskju għoli normalment jirriżultaw minn pagamenti ta' akkwist u għotjiet li għandhom jiġu kkunsidrati meta l-Qorti tiddeċiedi fuq kampjun ta' verifiki u awditi futuri;

7.

Josserva li, skont ir-rapport tal-Qorti, ir-riskju għal ġestjoni finanzjarja tajba huwa medju u prinċipalment huwa identifikat fl-oqsma tat-teknoloġija tal-informatika (IT) u tal-akkwist pubbliku; jiddispjaċih li l-IT u l-akkwist pubbliku għadhom oqsma suxxettibbli għall-iżbalji; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tipprovdi taħriġ addizzjonali u skambju tal-aħjar prattiki għat-timijiet tal-akkwist tal-Aġenziji;

8.

Jenfasizza li l-ħtieġa li jkun hemm strutturi u proċeduri amministrattivi separati għal kull aġenzija tikkostitwixxi riskju inerenti għall-ineffiċjenza amministrattiva u jħeġġeġ lill-aġenziji biex isaħħu r-ragruppament tematiku u l-kooperazzjoni skont l-oqsma ta' politika tagħhom biex jiżguraw l-armonizzazzjoni u l-kondiviżjoni effiċjenti tar-riżorsi; jistieden lill-aġenziji jagħmlu sforzi addizzjonali biex iwessgħu l-kamp ta' applikazzjoni tas-servizzi kondiviżi tagħhom u b'hekk itejbu l-effiċjenza u l-kosteffettività tal-proċeduri tagħhom;

9.

Jenfasizza l-problema li l-kwartieri ġenerali operattivi u amministrattivi ma joffrux valur miżjud operattiv għall-aġenziji, u jinkoraġġixxi aktar azzjoni biex l-ineffiċjenzi jiġu limitati; iħeġġeġ lill-aġenziji biex jgħaqqdu s-sedi tagħhom filwaqt li jikkonċentraw fuq l-oqsma ta' politika speċifiċi tagħhom; jinnota li l-Kummissjoni hija responsabbli biex tipprovdi proposti dwar fużjonijiet, għeluq u/jew trasferimenti ta' kompiti possibbli;

10.

Jinnota, skont ir-rapport tal-Qorti, li, wara l-osservazzjonijiet li tqajmu fis-snin preċedenti u minħabba l-iżviluppi ta' politika magħrufa tal-Unjoni f'ċerti oqsma, ir-riskju identifikat b'rabta mal-livell ta' kooperazzjoni tal-Istati Membri huwa għoli għal xi aġenziji, jiġifieri l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex), l-EASO u l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA); itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tpoġġi dawn il-kwistjonijiet fuq l-aġenda tal-Kunsill bil-ħsieb li l-kooperazzjoni tal-Istati Membri tissaħħaħ;

11.

Jirrikonoxxi li x-xogħol effettiv, effiċjenti u mingħajr żbalji tal-aġenziji huwa marbut mill-qrib ma' livell adegwat ta' finanzjament biex ikopri l-attivitajiet operattivi u amministrattivi tagħhom;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

12.

Jinnota t-tweġiba tan-Netwerk b'appoġġ għall-istedina tal-Parlament biex l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jingħataw rispons kostruttiv fil-qafas tan-negozjati dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għal wara l-2020 u li kull aġenzija ġiet mistiedna twettaq analiżi tal-proposta tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 mill-Kummissjoni; jirrikonoxxi l-importanza kbira tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali dwar l-ibbaġitjar tal-aġenziji u jħeġġiġhom ikomplu jesploraw sorsi ġodda ta' finanzjament minbarra l-kontribuzzjonijiet eżistenti tal-baġit tal-Unjoni;

13.

Jinnota li l-livell ta' dettall ipprovdut fir-rapporti awditjati dwar l-implimentazzjoni baġitarja ta' ċerti aġenziji huwa differenti minn dak tal-maġġoranza tal-aġenziji, u dan juri l-ħtieġa ta' linji gwida ċari dwar ir-rappurtar tal-baġit mill-aġenziji; jirrikonoxxi l-isforzi li saru biex tiġi żgurata l-konsistenza fil-preżentazzjoni u r-rappurtar tal-kontijiet; josserva, dis-sena wkoll, diskrepanzi f'informazzjoni u dokumenti żvelati mill-aġenziji, speċjalment fir-rigward ta' ċifri relatati mal-persunal, inkluż f'rapporti dwar it-tabella tal-persunal (postijiet okkupati, jew postijiet massimi awtorizzati skont il-baġit tal-Unjoni); jinnota t-tweġiba min-Netwerk li qed isegwi l-linji gwida mill-Kummissjoni, li ġew riveduti wara r-Regolament (UE) 2019/715 u adottati fl-20 ta’ April 2020; itenni, barra minn hekk, l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex fis-snin li ġejjin tipprovdi lill-awtorità ta' kwittanza, b'mod awtomatiku, il-baġit uffiċjali (f'approprjazzjonijiet ta' impenn u f'approprjazzjonijiet ta' pagament) u ċ-ċifri tal-persunal (tabella tal-persunal, aġenti kuntrattwali u esperti nazzjonali ssekondati fil-31 ta' Diċembru tas-sena inkwistjoni) fir-rigward tat-32 aġenzija deċentralizzata;

Prestazzjoni

14.

Iħeġġeġ lill-aġenziji u lill-Kummissjoni biex jiżviluppaw aktar u jimplimentaw il-prinċipju ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni, biex b'mod konsistenti jfittxu l-aktar modi effikaċi biex jagħtu valur miżjud, u biex jesploraw il-possibbiltà ta' titjib fl-effiċjenza fir-rigward tal-ġestjoni tar-riżorsi; jinnota s-suġġeriment tal-Qorti li l-pubblikazzjoni ta' baġits tal-aġenziji skont l-attività tippermetti r-rabta tar-riżorsi mal-attivitajiet li jintużaw għalihom, u tiffaċilita allokazzjoni baġitarja eħfef, l-effikaċja u tillimita l-ispejjeż mhux meħtieġa;

15.

Jinnota b'sodisfazzjon li l-aġenziji stabbilew in-Netwerk bħala pjattaforma ta' kooperazzjoni interaġenzjali biex tiżdied il-viżibbiltà tal-aġenziji, biex jiġi identifikat u promoss it-titjib fl-effiċjenza u biexjingħata valur miżjud; jirrikonoxxi l-valur miżjud tan-Netwerk fil-kooperazzjoni tiegħu mal-Parlament u jilqa' l-isforzi tiegħu fil-koordinazzjoni, fil-ġbir u fil-konsolidazzjoni ta' azzjonijiet u informazzjoni għall-benefiċċju tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni; japprezza, barra minn hekk, il-gwida li jipprovdi n-Netwerk lill-aġenziji fl-isforzi tagħhom biex itejbu l-kapaċità tagħhom li jippjanaw, jimmonitorjaw u jirrapportaw dwar ir-riżultati, il-baġit u r-riżorsi użati;

16.

Jinnota b'sodisfazzjon li xi aġenziji jikkooperaw b'mod effikaċi skont il-gruppi tematiċi tagħhom (pereżempju, l-aġenziji tal-Ġustizzja u Affarijiet Interni (6) u l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (7)); jinkoraġġixxi lil aġenziji oħrajn biex jikkooperaw aktar ma' xulxin fejn ikun possibbli, mhux biss biex jistabbilixxu sinerġiji u servizzi komuni, iżda anki fl-oqsma ta' politika komuni tagħhom; jinnota li l-maġġoranza tal-aġenziji jiffukaw u jistinkaw biex itejbu s-sinerġiji u jaqsmu r-riżorsi; jinnota li n-Netwerk stabbilixxa katalgu online ta' servizzi kondiviżi (prinċipalment servizzi tal-IT), u li fl-2018, ġie żviluppat programm pilota biex jimmonitorja l-użu u l-benefiċċju ta' servizzi kondiviżi li fl-2019 ġie estiż għas-servizzi kondiviżi kollha;

17.

Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, fl-2018, sar xi progress fir-rigward tal-introduzzjoni ta' Sysper2 (l-għodda ta' ġestjoni tar-riżorsi umani żviluppata mill-Kummissjoni), billi ħames aġenziji addizzjonali bdew jużawha fl-2018; jinnota, madankollu, li l-progress fl-implimentazzjoni tagħha jvarja, minħabba li l-proġett huwa kumpless u kull aġenzija għandha l-karatteristiċi speċifiċi tagħha; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tassisti fl-iżgurar li jsir użu tajjeb mill-għodda; jinnota wkoll li sar progress sodisfaċenti fl-introduzzjoni tal-akkwist elettroniku; jinnota, madankollu, li għadd ta' aġenziji għadhom fil-proċess li jintroduċu l-għodod għall-fatturar elettroniku żviluppati mill-Kummissjoni;

18.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li aġenzija tal-Unjoni waħda biss, l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea, tippubblika rapport dwar is-sostenibbiltà; jistieden lill-aġenziji kollha biex jintegraw bis-sħiħ is-sostenibbiltà fl-informazzjoni ta' rappurtar tagħhom, jippubblikaw rapporti dwar is-sostenibbiltà li jkopru kemm it-tmexxija tal-organizzazzjoni kif ukoll l-operazzjonijiet imwettqa, u jiżguraw l-affidabbiltà tar-rappurtar dwar is-sostenibbiltà permezz tal-awditjar;

19.

Jissottolinja l-fatt li l-aġenziji tal-Unjoni, meta jwettqu l-attivitajiet tagħhom, jeħtiġilhom jagħtu attenzjoni partikolari biex jiżguraw l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni, filwaqt li jirrispettaw il-prinċipju tal-proporzjonalità u jikkonformaw mal-prinċipji fundamentali tas-suq intern;

20.

Jinkoraġġixxi lill-aġenziji jiżviluppaw politika koerenti għad-diġitalizzazzjoni tas-servizzi tagħhom;

Politika dwar il-persunal

21.

Jinnota li fl-2018, it-32 aġenzija deċentralizzata impjegaw total ta' 7 626 uffiċjal, aġent temporanju, aġent kuntrattwali u espert nazzjonali sekondat (7 324 fl-2017), u dan jirrappreżenta żieda ta' 3,74 % meta mqabbel mas-sena preċedenti;

22.

Jinnota li fl-2018, fil-livell ta' maniġment superjuri, intlaħaq bilanċ bejn is-sessi minn 6 aġenziji, inkiseb bilanċ tajjeb minn 4 aġenziji, iżda li ma kienx hemm bilanċ bejn is-sessi f'14-il aġenzija (waħda minnhom kien fiha biss rappreżentanza ta' rġiel); jistieden lill-aġenziji jżidu l-isforzi tagħhom biex jittejjeb il-bilanċ bejn is-sessi fost il-persunal maniġerjali;

23.

Jinnota wkoll li fl-2018, fi ħdan il-bordijiet tat-tmexxija, kien hemm bilanċ ugwali bejn is-sessi fi 3 aġenziji, kien hemm bilanċ tajjeb f'6 aġenziji, iżda li ma kienx hemm bilanċ bejn is-sessi f'21 aġenzija (waħda minnhom kien fiha biss rappreżentanza ta' rġiel); jitlob lill-Istati Membri u lill-organizzazzjonijiet rilevanti li jipparteċipaw fil-bordijiet tat-tmexxija biex iżommu f'moħħhom il-ħtieġa ta' bilanċ aħjar bejn is-sessi meta jinnominaw ir-rappreżentanti tagħhom għal dawn il-korpi;

24.

Josserva li aġenzija waħda biss, l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA), irrappurtat bilanċ ekwu bejn is-sessi kemm għall-persunal tal-maniġment superjuri kif ukoll għall-bord tat-tmexxija; jilqa' din il-kisba u jħeġġeġ lill-aġenziji l-oħra isegwu dan l-eżempju tajjeb;

25.

Jinnota l-informazzjoni pprovduta mill-aġenziji dwar il-bilanċ bejn is-sessi fost il-maniġment superjuri u fi ħdan il-bordijiet tat-tmexxija, u l-kummenti minn xi aġenziji li ma għandhomx maniġment superjuri apparti d-direttur eżekuttiv; jitlob, f'dan ir-rigward, li l-aġenziji fil-futur jippreżentaw data għall-kategoriji kollha tal-persunal maniġerjali;

26.

Iħeġġeġ lill-aġenziji jiżviluppaw qafas ta' politika fit-tul dwar ir-riżorsi umani li jindirizzaw il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata tal-persunal tiegħu, l-iggwidar tul il-ħajja u l-iżvilupp tal-karriera, il-bilanċ bejn is-sessi, it-telexogħol, in-nondiskriminazzjoni, il-bilanċ ġeografiku kif ukoll ir-reklutaġġ u l-integrazzjoni ta' persuni b'diżabbiltà;

27.

Jinnota l-konklużjoni fir-rapport tal-Qorti li, wara l-analiżi rapida dwar każ speċifiku tagħha fl-2017 dwar kif l-aġenziji implimentaw l-impenn li jwettqu tnaqqis ta' 5 % tal-persunal fil-pjanijiet ta' stabbiliment tagħhom għall-perjodu bejn l-2014-2018, it-tnaqqis ta' 5 % kien ġie implimentat, għalkemm b'xi dewmien;

28.

Jinnota li xi aġenziji qed iħabbtu wiċċhom ma' nuqqas ta' persunal suffiċjenti, speċjalment meta jiġu allokati kompiti ġodda mingħajr persunal addizzjonali previst għall-implimentazzjoni tagħhom u li l-awtorità ta' kwittanza hija mħassba speċifikament dwar id-diffikultajiet li xi aġenziji jesperjenzaw fir-reklutaġġ ta' persunal bi kwalifiki fi gradi speċifiċi, u dan ifixkel il-prestazzjoni ġenerali tal-aġenziji u jeħtieġ l-impjiegi ta' atturi esterni;

29.

Jirrikonoxxi l-passi meħuda mill-aġenziji lejn l-istabbiliment ta' ambjent ħieles mill-fastidju, bħat-taħriġ addizzjonali għall-persunal u l-maniġment kif ukoll l-introduzzjoni ta' konsulenti kunfidenzjali; iħeġġeġ lill-aġenziji li għadhom ma introduċewx tali passi biex jagħmlu dan; u jinkoraġġixxi lill-aġenziji li rċevew ilmenti relatati mal-fastidju biex jittrattawhom bħala prijorità;

30.

Jinnota li l-aġenziji jimmonitorjaw u jivvalutaw kontinwament il-livelli ta' persunal u l-ħtiġijiet tagħhom f'termini ta' riżorsi umani u finanzjarji addizzjonali, u li jagħmlu talbiet rilevanti fejn meħtieġ; jirrikonoxxi li tali talbiet jenħtieġ li jkunu soġġetti għal proċess interistituzzjonali usa', sabiex il-livell tar-riżorsi jkun jikkorrispondi għall-kompiti u r-responsabbiltajiet tal-aġenziji;

31.

Jenfasizza l-importanza ta' politika ta' benessri tal-persunal; isostni li l-aġenziji jenħtieġ li jipprovdu kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti u ta' kwalità għolja għall-persunal kollu;

32.

Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, il-pagamenti fil-kampjuni ta' awditjar jindikaw xejra lejn il-kumpens għan-nuqqasijiet ta' persunal statutorju proprju b'persunal estern (b'mod partikolari konsulenti tal-IT) li jaħdem fil-bini tal-aġenziji f'xi ħin, u li dan jinvolvi l-użu ta' persunal kuntrattwali u interim; jinnota li ħames aġenziji impjegaw ħaddiema interim ipprovduti minn aġenziji ta' xogħol temporanju rreġistrati, iżda ma rrispettawx ir-regoli kollha stabbiliti kemm fid-Direttiva 2008/104/KE (8) kif ukoll fil-liġi nazzjonali rispettiva (pereżempju, f'dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tax-xogħol għal ħaddiema interim); jinnota li tliet aġenziji użaw kuntratti għall-forniment ta' servizzi tal-IT u servizzi oħra ta' konsulenza li kienu fformulati u/jew implimentati b'mod li, fil-prattika, jistgħu jirriżultaw fil-kollokament ("mise à disposition") ta' ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija minflok il-forniment ta' servizzi jew prodotti speċifikati b'mod ċar u kif rikjest mid-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u mir-Regolamenti tal-Persunal u r-regoli soċjali u tal-impjieg, li b'hekk jesponu lil dawn l-aġenziji għal riskji legali u ta' reputazzjoni; jistieden lin-Netwerk jintroduċi politika ġenerali biex jipprekludi s-sostituzzjoni ta' persunal permanenti b'konsulenti esterni li jiswew aktar;

33.

Jinnota bi tħassib is-sejbiet tal-Qorti li f'xi aġenziji l-ħaddiema interim għandhom kundizzjonijiet tax-xogħol agħar minn ħaddiema impjegati direttament mill-aġenzija; ifakkar li, skont id-Direttiva 2008/104/KE kif ukoll diversi liġijiet nazzjonali tax-xogħol, il-ħaddiema interim għandhom jaħdmu bl-istess kundizzjonijiet tax-xogħol bħall-ħaddiema li jiġu impjegati direttament mill-impriża li tħaddimhom; jistieden lill-aġenziji kkonċernati janalizzaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema interim tagħhom u jiżguraw li jkunu jikkonformaw mal-liġijiet tax-xogħol, kemm dawk tal-Unjoni kif ukoll dawk nazzjonali;

34.

Jinnota l-għadd baxx ħafna ta' każijiet ta' informaturi fl-aġenziji tal-Unjoni, li jqajjem tħassib dwar il-fatt li l-persunal ma jkunx konxju mir-regoli eżistenti, jew dwar nuqqas ta' fiduċja fis-sistema; jitlob li l-politiki ta' protezzjoni tal-informaturi tal-aġenziji kollha tal-Unjoni jinġiebu f'konformità mad-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9); iħeġġeġ lill-aġenziji jużaw b'mod effettiv ir-regoli interni stabbiliti tagħhom jew il-linji gwida dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta; u jistieden lill-aġenziji li għadhom fil-proċess li jadottaw tali regoli biex jagħmlu dan mingħajr dewmien bla bżonn;

35.

Jappella lill-aġenziji kollha jiżvelaw il-livell ta' rotazzjoni annwali tal-persunal u l-livelli medji ta' assenza mix-xogħol minħabba liv għal raġunijiet ta' mard u jindikaw b'mod ċar il-postijiet li huma okkupati fil-31 ta' Diċembru tas-sena rilevanti, sabiex tiġi żgurata l-komparabbiltà interaġenzjali;

36.

Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tirrieżamina kif il-koeffiċjent tas-salarju għall-persunal li jaħdem fi Stati Membri differenti jiġi kkalkulat bl-għan li jiġi previst bilanċ ġeografiku aħjar tal-persunal fl-aġenziji;

37.

Jinnota bi tħassib li koeffiċjenti ta' korrezzjoni baxxi applikati għas-salarji tal-persunal joħolqu sitwazzjonijiet diffiċli li jistgħu jfixklu l-kapaċità ta' aġenzija li twettaq id-dmirijiet tagħha ta' kuljum b'mod effettiv u jistgħu jwasslu għal livelli għolja ta' tibdil fil-persunal; jenfasizza li l-aġenziji li jinsabu f'pajjiżi fejn jiġi applikat koeffiċjent ta' korrezzjoni baxx għandhom jirċievu appoġġ ulterjuri mill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni ta' miżuri komplementari sabiex isiru aktar attraenti għall-persunal attwali u prospettiv, bħall-istabbiliment ta' skejjel Ewropej u faċilitajiet oħra; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-impatt u l-vijabbiltà tal-applikazzjoni tal-koeffiċjenti ta' korrezzjoni tas-salarju fil-futur;

38.

Jinnota li l-parti l-kbira tal-aġenziji ma jippubblikawx l-avviżi ta' postijiet battala fuq is-sit web tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO); jieħu nota tat-tħassib dwar l-ispejjeż għoljin tat-traduzzjoni; jilqa', f'dan ir-rigward, il-bord tal-impjiegi interaġenzjali mniedi u amministrat min-Netwerk u jistieden lill-aġenziji kollha japprofittaw mill-pjattaforma;

39.

Iħeġġeġ lill-aġenziji tal-Unjoni li m'għandhomx strateġija għad-drittijiet fundamentali, jikkunsidraw li jadottaw waħda, inkluż li ssir referenza għad-drittijiet fundamentali f'kodiċi ta' kondotta li jista' jiddefinixxi d-dmirijiet u t-taħriġ tal-persunal tagħhom; jirrakkomanda li għandhom jiġu implimentati politiki ta' prevenzjoni effikaċi u jiġu identifikati proċeduri effiċjenti biex jissolvew il-kwistjonijiet marbuta mal-fastidju;

Akkwist

40.

Jinnota bi tħassib li, skont ir-rapport tal-Qorti, instabu nuqqasijiet relatati mad-dipendenza eċċessiva fuq kuntratturi, konsulenza esterna u ħaddiema interim, mal-użu ta' kriterji tal-għoti inadegwati u l-konklużjoni ta' kuntratti b'numru ta' offerenti baxx b'mod mhux normali mingħajr ġustifikazzjoni raġonevoli; jinnota li diversi aġenziji esternalizzaw, b'mod estensiv, attivitajiet regolari u, kultant, attivitajiet kummerċjali ewlenin, li jdgħajjef l-għarfien espert intern u l-kontroll tal-eżekuzzjoni tal-kuntratti, b'xi dgħufijiet fil-proċess ta' akkwist li jistgħu jfixklu l-kompetizzjoni ġusta u l-kisba tal-aħjar valur għal akkwisti ta' flus; jirrakkomanda proporzjon adegwat bejn il-prezz u l-kwalità meta jingħataw kuntratti, tfassil ottimali ta' kuntratti qafas, servizzi intermedjarji ġustifikati u l-użu ta' kuntratti qafas dettaljati; jinnota li għal sitt aġenziji, it-termini tal-kuntratt qafas għall-forniment ta' manutenzjoni u tagħmir tal-IT kienu dgħajfa, peress li dawn ippermettew ix-xiri ta' oġġetti li ma kinux speċifikament imsemmija fih u li ma kinux soġġetti għal proċedura kompetittiva inizjali, u ppermettew ukoll lill-kuntrattur li jimponi żidiet fuq il-prezzijiet tal-oġġetti mixtrija minn fornituri oħra; jinnota li għalkemm l-aġenziji m'għandhom l-ebda setgħa li jbiddlu l-arranġamenti kuntrattwali bażiċi, il-kontrolli ex ante relatati tagħhom ma vverifikawx il-preċiżjoni tal-up-lifts mitluba mill-kuntrattur; jistieden lill-aġenziji u l-korpi kollha tal-Unjoni biex jirrispettaw b'mod strett ir-regoli dwar l-akkwist pubbliku; jissottolinja li d-diġitalizzazzjoni hija opportunità tajba għall-aġenziji biex iżidu l-effiċjenza u t-trasparenza, inkluż fil-qasam tal-akkwist; jistieden, għalhekk, lill-aġenziji u lill-korpi kollha biex jiffinalizzaw u jimplimentaw malajr l-offerti elettroniċi, is-sottomissjoni elettronika, il-fatturar elettroniku u l-formoli elettroniċi għall-akkwist pubbliku; jitlob lill-Kummissjoni u lill-aġenziji jindirizzaw it-titjib meħtieġ fit-timijiet ta' akkwist bħala kwistjoni ta' urġenza, filwaqt li jqisu li l-problema għadha tippersisti u jeħtieġ li tiġi indirizzata b'mod sistemiku;

41.

Iqis li l-aġenziji, il-korpi u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jagħtu eżempju f'termini ta' trasparenza; jitlob għalhekk il-pubblikazzjoni tal-listi sħaħ ta' kuntratti mogħtija permezz ta' proċeduri ta' akkwist pubbliku, inklużi dawk taħt il-limitu ta' EUR 15 000 rikjest legalment;

42.

Jinnota li l-aġenziji deċentralizzati u korpi oħra, flimkien mat-tmien impriżi konġunti tal-Unjoni, jinsistu fuq żieda fl-effiċjenza amministrattiva u l-ekonomiji ta' skala permezz ta' żieda fl-użu ta' proċeduri ta' akkwist konġunti; jinnota, madankollu, li minkejja x-xejra promettenti, it-tentattivi għal proċeduri ta' akkwist konġunti mhux dejjem irnexxew, minħabba, pereżempju analiżi tas-suq li ma kinitx adegwata;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u trasparenza

43.

Jinnota li fit-2 ta' April 2019 ġiet organizzata sessjoni ta' ħidma fuq talba tal-Kumitat tal-Parlament għall-Petizzjonijiet dwar "Kunflitti ta' Interess: Integrità, Responsabbiltà u Trasparenza fl-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE" li fiha ġew ippreżentati s-sejbiet preliminari ta' studju dwar "Kunflitti ta' interess u l-Aġenziji tal-UE"; jiddispjaċih li l-istudju, li d-data tal-preżentazzjoni tiegħu kellha tkun f'Lulju 2019, ġie ppubblikat biss f'Jannar 2020; jinnota li l-istudju jipprovdi ħarsa ġenerali komprensiva u analiżi tal-politiki dwar l-evitar ta' kunflitti ta' interess fl-aġenziji differenti kif ukoll li jagħmel rakkomandazzjonijiet fir-rigward tal-iskrutinju mtejjeb tal-politiki tal-kunflitti ta' interess fl-aġenziji; jistieden lin-Netwerk jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-iżviluppi fl-applikazzjoni ta' regolamenti u politiki dwar il-kunflitt ta' interess, u dwar il-bidliet possibbli f'termini ta' tali regolamenti u politiki;

44.

Jinnota bi tħassib li mhux l-aġenziji u l-korpi kollha tal-Unjoni ppubblikaw fuq is-siti web rispettivi tagħhom id-dikjarazzjonijiet ta' interess għall-membri tal-bordijiet tat-tmexxija, it-tmexxija eżekuttiva u l-esperti sekondati; jiddispjaċih li xi aġenziji għadhom jippubblikaw dikjarazzjonijiet ta' nuqqas ta' kunflitt ta' interess; jenfasizza li mhuwiex f'idejn il-membri jew id-diretturi tal-bord li jiddikjaraw li m'għandhomx kunflitt ta' interess; jitlob li jkun hemm mudell unifikat ta' dikjarazzjonijiet ta' interess li għandu jiġi implimentat mill-aġenziji kollha; jenfasizza l-importanza li jiġi stabbilit korp ta' etika indipendenti biex jivvaluta sitwazzjonijiet ta' kunflitti ta' interess u l-fenomenu tal-bibien iduru fl-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi l-oħra tal-Unjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li l-esperti sekondati kollha jippubblikaw id-dikjarazzjonijiet ta' interess u s-CVs rispettivi tagħhom fuq is-siti web tal-aġenziji rispettivi;

45.

Itenni li politika dwar il-kunflitti ta' interess mhux dettaljata biżżejjed tista' tirriżulta f'telf ta' kredibbiltà ta' aġenzija; jafferma li l-punt tat-tluq ta' dawn il-politiki kollha huwa l-preżentazzjoni ta' dikjarazzjonijiet ta' interess regolari u dettaljati biżżejjed; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-bidla lejn dikjarazzjonijiet ta' interess pożittivi minflok dikjarazzjonijiet ta' nuqqas ta' interess jippermetti kontrolli aktar komprensivi; jenfasizza li, barra minn hekk, l-aġenziji tal-Unjoni għandu jkollhom fis-seħħ mekkaniżmu ta' skrinjar tal-kunflitti ta' interess, b'mod proporzjonat għad-daqs u l-funzjoni ta' dik l-aġenzija;

46.

Jistieden lill-aġenziji kollha jipparteċipaw fil-ftehim interistituzzjonali dwar ir-reġistru ta' trasparenza għal rappreżentanti ta' interess li qed isiru negozjati dwarhom bħalissa bejn il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament;

47.

Iqis li huwa ta' dispjaċir li għad m'hemmx linji gwida ċari u li m'hemm l-ebda politika konsolidata dwar il-kwistjoni tal-bibien iduru; jenfasizza l-fatt li din il-kwistjoni hija ta' importanza ewlenija, b'mod partikolari fil-każ ta' dawk l-aġenziji li jaħdmu mal-industriji; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi regoli aktar b'saħħithom, kontrolli aħjar u linji gwida aktar ċari dwar perjodi ta' preklużjoni għall-persunal li jkun se jitlaq, kif ukoll miżuri oħra relatati mal-kunċett tal-bibien iduru;

48.

Jilqa' l-fatt li l-biċċa l-kbira tal-aġenziji, ħlief iċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea (CdT) u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta' Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA) għandhom fis-seħħ linji gwida għall-għoti ta' aċċess pubbliku għal dokumenti; jinnota, madankollu, li s-CdT jipprevedi li jkollu linji gwida fis-seħħ u li l-eu-LISA se tiżviluppa regoli interni dwar kif tittratta talbiet għall-aċċess ta' dokumenti pubbliċi u se tagħmel sforzi biex tadottahom fl-2020;

49.

Itenni t-tħassib tiegħu li l-aġenziji li jirċievu parti kbira mid-dħul tagħhom bħala tariffi mħallsa mill-industrija huma aktar suxxettibbli għar-riskju ta' kunflitti ta' interess u tal-indipendenza professjonali tagħhom; jistieden lill-aġenziji u lill-Kummissjoni jnaqqsu d-dipendenza fuq it-tariffi tal-industrija;

50.

Itenni l-istedina tiegħu lill-aġenziji biex jimplimentaw politika komprensiva u orizzontali dwar l-evitar ta' kunflitti ta' interess, u biex jużaw il-politika dwar l-indipendenza tal-ECHA bħala mudell tal-aħjar prattika u sistema eżemplari għall-monitoraġġ u l-prevenzjoni ta' kwalunkwe kunflitt ta' interess; jinkoraġġixxi lill-aġenziji kollha biex jistabbilixxu kumitat konsultattiv dwar il-kunflitti ta' interess;

Kontrolli interni

51.

Jirrikonoxxi l-kumment tal-Qorti li, meta jużaw kuntratti interistituzzjonali, l-aġenziji jibqgħu responsabbli għall-applikazzjoni tal-prinċipji tal-akkwist pubbliku għax-xiri speċifiku tagħhom, u li l-kontrolli interni tal-aġenziji jridu jiżguraw li dawn jiġu rrispettati;

52.

Jinnota li fi tmiem l-2018, il-bordijiet ta' 29 aġenzija kienu adottaw il-qafas ta' kontroll intern rivedut tal-Kummissjoni, u li 15-il aġenzija rrappurtaw ukoll l-implimentazzjoni tiegħu; japella għall-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-qafas ta' kontroll intern mill-aġenziji kollha sabiex l-istandards ta' kontroll jiġu allinjati mal-ogħla standards internazzjonali u biex jiġi żgurat li l-kontrolli interni jappoġġaw it-teħid ta' deċiżjonijiet b'mod effettiv u effiċjenti;

53.

Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, xi aġenziji ma għandhomx politiki fis-seħħ li jiddefinixxu l-funzjonijiet sensittivi tagħhom u l-kontrolli ta' mitigazzjoni relatati (li għandhom l-għan li jnaqqsu r-riskju tal-użu ħażin ta' setgħat iddelegati lill-persunal u li jenħtieġ li jkunu element standard ta' kontroll intern); iħeġġeġ għalhekk lil dawk l-aġenziji biex jadottaw tali politiki;

Kummenti oħra

54.

Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, l-aġenziji li qabel kienu bbażati f'Londra (l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) u l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA)) telqu mir-Renju Unit u ġew rilokati fl-2019 u li l-kontijiet tagħhom jinkludu dispożizzjonijiet għall-ispejjeż tal-ġarr relatati; jinnota, barra minn hekk, fil-każ tal-EMA, li l-Qorti rreferiet għal żviluppi wara l-ftehim ta' kiri tal-aġenzija u d-deċiżjoni tal-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja tal-Ingilterra u Wales; jinnota l-obbligazzjoni kontinġenti ta' EUR 465 000 000 li fadal wara l-konklużjoni tal-ftehim il-ġdid ta' sullokazzjoni u l-inċertezza dwar it-telf totali tal-persunal wara r-rilokazzjoni; barra minn hekk, jinnota bi tħassib li għaż-żewġ aġenziji, il-Qorti rreferiet ukoll għal tnaqqis possibbli fid-dħul wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni;

55.

Jilqa' r-Rapport Analitiku Nru 07/2019 tal-Qorti "Rappurtar dwar is-sostenibbiltà: rendikont tal-Istituzzjonijiet u l-Aġenziji tal-UE" (Analiżi rapida dwar każ speċifiku), ippubblikat fit-12 ta’ Ġunju 2019; itenni s-sejbiet tagħha li l-informazzjoni li tinġabar jew tiġi ppubblikata hija prinċipalment relatata mal-mod kif it-tmexxija tal-organizzazzjoni taffettwa s-sostenibbiltà (bħall-użu li tagħmel mill-karti jew mill-ilma) aktar milli mal-mod kif l-organizzazzjoni tkun qieset is-sostenibbiltà fl-istrateġija u l-operazzjonijiet ġenerali tagħha; jenfasizza li rappurtar tant iffukat internament ma jaqbadx il-kwistjonijiet l-aktar essenzjali għal organizzazzjoni; jistieden lill-aġenziji kollha biex jevalwaw l-impatt negattiv fuq is-sostenibbiltà mill-operazzjonijiet tagħhom, u biex jinkludu dan b'mod strutturat fir-rappurtar dwar is-sostenibbiltà tagħhom;

56.

Iħeġġeġ bis-saħħa lill-aġenziji jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti;

57.

Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li l-attenzjoni tal-aġenziji titqiegħed fuq it-tixrid tar-riżultati tar-riċerka u l-ħidma tagħhom mal-pubbliku ġenerali, u biex ikun hemm kuntatt mal-pubbliku permezz tal-midja soċjali u mezzi oħra tal-midja bl-għan tas-sensibilizzazzjoni dwar l-operazzjonijiet tagħhom; ifakkar fin-nuqqas ġenerali ta' għarfien fost iċ-ċittadini dwar l-aġenziji anke fil-pajjiż fejn huma bbażati; jappella lill-aġenziji biex jilħqu lin-nies b'mod aktar effettiv u frekwenti;

58.

Jenfasizza l-effetti negattivi possibbli tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea fuq l-organizzazzjoni, l-operazzjonijiet u l-kontijiet tal-aġenziji, speċifikament fir-rigward ta' tnaqqis fil-kontribuzzjonijiet diretti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni taġixxi b'diliġenza estrema meta tkun qed tittratta l-prevenzjoni tar-riskju u l-mitigazzjoni tar-riskju għall-aġenziji;

59.

Jilqa' l-ħolqien tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA), li r-regolament ta' twaqqif tagħha daħal fis-seħħ f'Marzu 2018 u li bdiet topera f'Ottubru 2019; jenfasizza l-bżonn li jiġu allokati riżorsi finanzjarji suffiċjenti għat-twaqqif tagħha; jinsisti li l-finanzjament ma jistax isir permezz ta' riallokazzjoni ta' fondi mil-linji baġitarji u l-aġenziji l-oħra tal-impjiegi u l-affarijiet soċjali u li l-ELA, bħala korp ġdid, tirrikjedi riżorsi ġodda biex taħdem bla xkiel; jenfasizza, b'mod partikolari, li t-twaqqif tal-ELA m'għandux jirriżulta fi tnaqqis tar-riżorsi u l-kapaċitajiet tan-Netwerk tas-Servizzi Ewropej tax-Xogħol (EURES), li għandu rwol ċentrali fl-iffaċilitar tal-mobbiltà tal-forza tax-xogħol taċ-ċittadini tal-Unjoni u joffri servizzi u sħubijiet għal dawk li qed ifittxu x-xogħol u għall-impjegaturi, għas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi, għas-sħab soċjali u għall-awtoritajiet lokali; jenfasizza l-bżonn, għalhekk, li jinżammu linji baġitarji ċari u separati għall-ELA u l-EURES;

60.

Jirrimarka li l-ELA se tgħin biex ikun żgurat li r-regoli tal-Unjoni dwar il-mobbiltà tal-forza tax-xogħol u l-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali jiġu infurzati b'mod effettiv u ġust, se tassisti lill-awtoritajiet nazzjonali jikkooperaw biex jinfurzaw dawn ir-regoli, u se tagħmilha aktar faċli għaċ-ċittadini u għan-negozji biex jibbenefikaw mis-suq intern; huwa tal-opinjoni li, għalkemm l-erba' aġenziji (iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop), il-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound), il-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (ETF) u l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA) huma b'mod predominanti ċċentrati fuq ir-riċerka, jistgħu jappoġġaw u jikkontribwixxu b'mod utli għall-ħidma tal-ELA;

61.

Jenfasizza li t-trasparenza tal-aġenziji, u l-għarfien taċ-ċittadini tal-eżistenza tagħhom, huma essenzjali għar-responsabbiltà demokratika tagħhom; iqis li l-faċilità tal-użu tad-data u r-riżorsi tal-aġenziji hija ta' importanza fundamentali; jitlob, għalhekk, li ssir valutazzjoni dwar kif id-data u r-riżorsi qed jiġu ppreżentati u jitqiegħdu għad-dispożizzjoni bħalissa, u dwar kemm iċ-ċittadini jsibuha faċli biex jidentifikawhom, jagħrfuhom u jużawhom;

62.

Jirrakkomanda li l-aġenziji kollha jiffukaw fuq il-komunikazzjoni pubblika u l-pubbliċità peress li l-eżistenza u l-attivitajiet tagħhom spiss ma jkunux magħrufa fost iċ-ċittadini;

63.

Iħeġġeġ lill-aġenziji tal-Unjoni jikkunsidraw l-adozzjoni ta' strateġija għad-drittijiet fundamentali, inkluża referenza għad-drittijiet fundamentali f'kodiċi ta' kondotta li jista' jiddefinixxi d-dmirijiet tal-persunal tagħhom u t-taħriġ tiegħu; iħeġġeġ l-istabbiliment ta' mekkaniżmi li jiżguraw li kwalunkwe ksur tad-drittijiet fundamentali jiġi identifikat u rrappurtat, filwaqt li tinġibed l-attenzjoni tal-korpi ewlenin tal-aġenzija kkonċernata għar-riskji ta' tali ksur; iħeġġeġ l-istabbiliment, fejn rilevanti, tal-pożizzjoni ta' uffiċjal għad-drittijiet fundamentali, li jirrapporta direttament lill-bord tat-tmexxija biex jiġi żgurat grad stabbilit ta' indipendenza fil-konfront tal-persunal l-ieħor, sabiex jiġi żgurat li t-theddid għad-drittijiet fundamentali jiġi indirizzat immedjatament u jsir aġġornament kontinwu tal-politika dwar id-drittijiet fundamentali fi ħdan l-organizzazzjoni; iħeġġeġ l-iżvilupp ta' djalogu regolari mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti dwar kwistjonijiet ta' drittijiet fundamentali; iħeġġeġ li l-konformità mad-drittijiet fundamentali tkun parti ċentrali tat-termini ta' referenza tal-kollaborazzjoni tal-aġenzija kkonċernata ma' atturi esterni, inkluż b'mod partikolari membri ta' amministrazzjonijiet nazzjonali li magħhom jinteraġixxu fuq livell operattiv;

64.

Iħeġġeġ lill-aġenziji kollha fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni (ĠAI) biex jikkunsidraw ir-reġistrazzjoni fl-Iskema ta' Ġestjoni u Verifika Ambjentali (EMAS) sabiex itejbu l-prestazzjoni ambjentali tagħhom;

65.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-aġenziji soġġetti għal din il-proċedura ta' kwittanza, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1)  ĠU C 417, 11.12.2019, p. 1.

(2)  ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1

(3)  ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.

(4)  ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.

(5)  ĠU L 122, 10.5.2019, p. 1.

(6)  L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex), l-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA), l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO), l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE), iċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust).

(7)  L-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA), l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA).

(8)  Id-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta' aġenzija (ĠU L 327, 5.12.2008, p. 9).

(9)  Id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta' persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (ĠU L 305, 26.11.2019, p. 17).


Top