EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015AE3146

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-bini ta’ ekosistema finanzjarja għall-intrapriżi soċjali” (opinjoni esploratorja)

ĠU C 13, 15.1.2016, p. 152–160 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.1.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 13/152


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-bini ta’ ekosistema finanzjarja għall-intrapriżi soċjali”

(opinjoni esploratorja)

(2016/C 013/23)

Relaturi:

is-Sinjura Ariane RODERT u s-Sinjura Marie ZVOLSKÁ

F’ittra tat-28 ta’ April 2015, is-Sur Nicolas Schmit, il-Ministru għax-Xogħol, l-Impjieg u l-Ekonomija Soċjali u s-Solidarjetà, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u jaġixxi f’isem il-presidenza Lussemburgiża futura, talab lill-Kumitat iħejji opinjoni esploratorja dwar

“Il-bini ta’ ekosistema finanzjarja għall-intrapriżi soċjali”

(opinjoni esploratorja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-8 ta’ Settembru 2015.

Matul il-510 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta’ Settembru (seduta tas-16 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’204 voti favur, 2 voti kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-prijorità li l-Presidenza Lussemburgiża tal-UE qed tagħti lill-ekonomija soċjali u b’mod partikolari li qed tiffoka fuq il-ħolqien ta’ ekosistema finanzjarja adattata.

1.2.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea (KE) ma titlifx ir-ritmu tagħha fl-appoġġ għall-aġenda tal-ekonomija soċjali u fl-iżgurar ta’ qafas ta’ politika kontinwu u ta’ appoġġ għall-iżvilupp tal-ekonomija soċjali. Dan għandu jsir permezz tat-tiġdid tal-aġenda tal-Inizjattiva ta’ Negozju Soċjali (SBI) inkluż l-ekosistema finanzjarja mfassla apposta meħtieġa.

1.3.

Il-KESE jisħaq fuq il-ħtieġa li l-aċċess għall-finanzjament jkun komponent wieħed fl-ekosistema sħiħa meħtieġa għall-iżvilupp u t-tkabbir ta’ Intrapriżi tal-Ekonomija Soċjali (IES).

1.4.

L-ekosistema finanzjarja ideali għall-IES tinkludi elementi bħal approċċ li jinvolvi diversi partijiet interessati, soluzzjonijiet tal-kapital ibridu u paċenzjuż bi skemi ta’ garanzija, li ħafna drabi jiġu pprovduti minn istituzzjonijiet finanzjarji soċjali li jikkondividu l-valuri tal-ekonomija soċjali.

1.5.

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tappoġġja l-iżvilupp ta’ strumenti ġodda, tiżgura li r-regolamentazzjoni finanzjarja tippermetti l-iżvilupp, tippromovi r-riċerka dwar il-valur miżjud ta’ investiment fl-IES għas-soċjetà, u titlob lill-Istati Membri (SM) għal reviżjonijiet bejn il-pari dwar is-suġġett.

1.6.

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-fatt li l-ekonomija soċjali hija prijorità ta’ investiment fil-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa (1) attwali u jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tagħmel użu sħiħ minn din id-dispożizzjoni.

1.7.

Il-KE għandha tanalizza jekk/kif l-investiment ta’ impatt soċjali jista’ jkun komponent tal-ekosistema finanzjarja għall-IES u jekk il-politiki warajha verament jappoġġjawx l-iżvilupp tal-IES.

1.8.

L-UE trid tirrikonoxxi bl-istess mod l-IES billi tipprovdi fattur ta’ appoġġ fir-Regolament CRR (ir-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital) (2). Is-self bankarju lill-ekonomija soċjali jibbenefika ħafna minn dan, bl-ebda impatt fuq il-finanzi pubbliċi.

1.9.

L-appoġġ finanzjarju mil-livell tal-UE jrid ikun akkumpanjat mill-provvediment ta’ gwida, taħriġ u bini ta’ kapaċità mill-KE lill-gvernijiet u ‘l-partijiet interessati ewlenin.

1.10.

L-Istati Membri għandhom jaġixxu bħala koinvestituri biex jappoġġjaw l-istabbiliment ta’ fondi etiċi, fondi ta’ innovazzjoni soċjali u fondi ta’ kapital ta’ riskju soċjali u jiffaċilitaw l-iskemi ta’ garanzija pubblika. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw ir-rieżami tal-opportunitajiet tat-tnaqqis tat-taxxi fuq l-introjtu (ta’ individwi u negozji) kif ukoll inċentivi tat-taxxa oħra kemm għal dawk li jfaddlu kif ukoll għall-investituri biex jattiraw l-investimenti fl-IES.

1.11.

L-IES għandhom huma stess jieħdu inizjattivi biex jiżviluppaw strumenti bħall-awtokapitalizzazzjoni, il-finanzjament kollettiv u l-involviment fi sħubijiet ta’ finanzjament soċjali, il-ġbir tar-riżorsi tagħhom stess u t-tnedija ta’ sħubijiet.

1.12.

Iżda, biex jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal tal-IES, l-Istati Membri kollha għandhom jiżviluppaw u jimplimentaw pjani ta’ azzjoni nazzjonali għall-ekonomija soċjali abbażi ta’ approċċ ta’ firxa wiesa’ ta’ partijiet interessati inklużi rappreżentanti mis-soċjetà ċivili.

2.   Introduzzjoni u kuntest

2.1.

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-fatt li l-Lussemburgu jagħti prijorità lill-ekonomija soċjali matul il-Presidenza tal-UE tiegħu, waqt li jirrikonoxxi l-kontribut tal-ekonomija soċjali għall-impjieg, il-ġustizzja soċjali u l-iżvilupp sostenibbli.

2.2.

Il-KESE jinsab sodisfatt li l-presidenza Lussemburgiża tal-UE talbet din l-opinjoni esploratorja li għandha l-għan li tesplora l-kunċett ta’ ekosistema finanzjarja mill-perspettiva tal-intrapriżi soċjali, il-karatteristiċi ewlenin u l-kundizzjonijiet neċessarji meħtieġa biex jinbena qafas Ewropew adegwat u effettiv għall-finanzjament u l-investiment fl-ekonomija soċjali.

2.3.

Il-KESE jinnota wkoll li l-presidenza Lussemburgiża tal-UE tissottolinja l-fatt li l-aċċess limitat għall-finanzi (partikolarment l-aċċess għal finanzi mfassla apposta) huwa ostaklu għat-tkabbir u l-iżvilupp tal-ekonomija soċjali, u dan f’konformità mal-Opinjonijiet preċedenti tal-KESE (3), il-KE, l-SBI (Inizjattiva ta’ Negozju Soċjali) (4) u l-ħidma tal-OECD (5).

2.4.

Xenarju soċjali ġdid qed jitfaċċa fl-Ewropa bħala riżultat tal-kriżi u s-soċjetà tagħna qed tiffaċċja sfidi kumplessi ġodda. Hemm bżonn urġenti għal innovazzjoni soċjali filwaqt li jiġu mobilizzati s-setturi kollha f’soċjetà. L-ekonomija soċjali hija settur fundamentali u timpjega ‘l fuq minn 14-il miljun persuna (6) u għandha rwol ewlieni fil-provvediment ta’ soluzzjonijiet pereżempju il-ħolqien ta’ impjiegi u l-inklużjoni soċjali (7) u tikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Iżda s-settur għadu mhux żviluppat f’ħafna Stati Membri. Sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal kollu tiegħu trid tiġi żviluppata ekosistema abilitanti fejn l-aċċess għal finanzjament imfassal apposta jkollu rwol ċentrali.

2.5.

Fid-dawl tal-impenn kontinwu tal-KESE lejn l-aġenda tal-ekonomija soċjali, din l-Opinjoni għandha l-għan li tressaq il-perspettivi tal-IES, li min-natura tagħhom jużaw il-ħolqien tal-profitt bħala mezz biex jintlaħaq l-għan soċjali primarju.

2.6.

Sabiex ifassal din l-Opinjoni, il-KESE għalhekk itenni d-definizzjoni stabbilita fl-Istrateġija ta’ Ruma  (8), fejn l-ekonomija soċjali hija deskritta bħala pluralità ta’ forom organizzattivi ffurmati minn kuntesti nazzjonali u ta’ benessri differenti, iżda b’valuri, karatteristiċi u għanijiet kondiviżi. L-IES tirreferi għall-kunċett ta’ organizzazzjonijiet ibbażati fuq is-supremazija tal-persuni fuq il-kapital, u tinkludi forom ta’ organizzazzjoni bħal kooperattivi, soċjetajiet mutwi, fondazzjonijiet u assoċjazzjonijiet, kif ukoll forom ġodda ta’ intrapriżi soċjali. Irid jiġi enfasizzat li l-IES huma intrapriżi li jappartjenu għan-nies u/jew jinħolqu min-nies u mhux mis-sistema finanzjarja.

2.7.

Għandu jiġi nnutat ukoll li din l-Opinjoni, filwaqt li hija relatata mas-suġġett, ma ssemmix id-dettalji ta’ “l-investiment b’impatt soċjali”, anqas ir-regolament EuSEF, li huma suġġetti espressi f’Opinjonijiet preċedenti tal-KESE (9).

3.   Aċċess għall-finanzjament, sfida għall-ekonomija soċjali

3.1.

Kif innutat mill-OECD (10), bħalissa teżisti inkompatibilità fil-qafas finanzjarju eżistenti li ma tikkorrispondix għar-realtà tal-IES u r-rekwiżiti tagħhom, li tindika bżonn għal adattament kulturali tal-qafas finanzjarju, legali u politiku biex jitfasslu għodod xierqa. Huwa fundamentali li biex il-finanzi soċjali jsiru sostenibbli, irid jiġi adottat approċċ integrat, differenti mill-finanzi tradizzjonali.

3.2.

Kwistjoni ewlenija hija li l-mudelli tan-negozju tal-IES mhumiex magħrufa u mifhuma biżżejjed. Li ma jiġux rikonoxxuti kompletament l-ispeċifiċitajiet f’dawn il-mudelli (bħal distribuzzjoni limitata jew mingħajr profitt, fokus iċċentrat fuq l-utent jew fuq il-bżonn, teħid tad-deċiżjonijiet kondiviż, governanza demokratika jew sjieda kondiviża) jagħmilha diffiċli għall-IES li jaċċessaw il-finanzjament u l-istrumenti formali li jappoġġjaw l-SMEs b’mod inġenerali.

3.3.

L-IES, aktar minn mudelli tan-negozju oħrajn, iħabbtu wiċċhom mal-kwistjoni li l-loġika tas-suq finanzjarju mhix imfassla biex tappoġġa l-iżvilupp tal-IES. Is-swieq finanzjarji ma jqisux u ma jippremjawx il-valur miżjud soċjali tal-IES u lanqas il-missjoni ta’ interess ġenerali tagħhom. Illum l-IES jitħallsu biss għall-kost tas-servizz li jipprovdu iżda mhux għall-valur soċjali li joħolqu. Ir-redditu fuq l-investiment għall-IES jinvolvi prinċipalment impatt soċjali u d-dħul finanzjarju huwa limitat. Dan il-fatt li l-missjoni soċjali hija prevalenti fuq il-massimizzazzjoni tal-profit jista’ jirriżulta fl-impressjoni falza li l-IES huma ta’ riskju ogħla u huma anqas affidabbli minn negozji oħra. Ir-riċerka, il-fatti u d-data fil-fatt juru l-kontra (11). L-investiment fl-IES fil-fatt mhux spiża iżda investiment fil-futur, li jikkontribwixxi għal żieda fir-rati tal-impjiegi u jsaħħaħ il-kompetittività u l-kontribut ekonomiku globali ta’ Stat Membru fuq medda twila ta’ żmien.

3.4.

Saru diversi tentattivi biex jiġu promossi strumenti ta’ investiment soċjali li jibnu fuq l-arkitettura ta’ strumenti finanzjarji tradizzjonali. Madankollu, minħabba li l-loġika tal-kapital privat ħafna drabi teżisti flimkien ma’ elementi bħal strateġiji ta’ ħruġ fuq terminu qasir, li jitolbu sjieda u loġika ta’ investiment b’redditu għoli, dawn l-istrumenti ma jaħdmux għall-IES minħabba li elementi bħal dawn ħafna drabi jkunu f’kunflitt dirett mal-mudelli tan-negozju u l-attivitajiet tal-IES.

3.5.

Kwistjonijiet bħal diffikultajiet fiċ-ċessjoni (f’ħidma ma’ nies fil-bżonn) u l-ebda opportunità jew opportunitajiet limitati fit-tieni suq, joħolqu kumplikazzjonijiet addizzjonali għall-investituri formali. Filwaqt li dawn l-istrumenti jista’ jirnexxilhom jilħqu ċerti intrapriżi (ħafna drabi bħala negozji għall-immassimizzar tal-profitt b’missjoni soċjali), l-IES xorta waħda jeħtieġu strumenti finanzjarji mfassla b’mod speċifiku.

4.   Ekosistema finanzjarja ta’ appoġġ u sostenibbli

4.1.

Din l-Opinjoni tiffoka fuq il-karatteristiċi u l-kundizzjonijiet meħtieġa biex jittejjeb l-aċċess għall-finanzjament tal-IES aktar milli tipprovdi rieżami komprensiv tal-firxa tal-istrumenti finanzjarji disponibbli. Il-potenzjal reali tal-IES jista’ jintlaħaq biss jekk l-aċċess għall-finanzjament jiġi integrat f’ekosistema integrata kompletament u mfassla apposta flimkien ma’ komponenti bħall-oqfsa legali, l-iżvilupp tan-negozji u diversi forom ta’ appoġġ, fejn jintwera li l-investiment soċjali huwa kemm investiment finanzjarju kif ukoll nonfinanzjarju.

4.2.

Filwaqt li jiġi rikonoxxut li t-titjib tal-finanzjament għall-IES huwa kruċjali għall-iżvilupp u s-sostenibbiltà, huwa importanti li ssir distinzjoni bejn il-finanzjament tal-istrutturi tal-IES u l-finanzjament tal-attivitajiet tal-IES. Huwa importanti li ż-żewġ aspetti jiġu ffinanzjati iżda l-approċċi u l-istrumenti jistgħu jvarjaw. Li huwa żgur huwa li l-iżvilupp ta’ finanzjament soċjali mfassal għall-IES għandu jsir fil-kuntest tal-promozzjoni tal-inizjattivi u l-azzjoni soċjali u għandu jidher bħala mezz biex jiġi realizzat il-potenzjal tas-settur aktar milli jkun għan fih innifsu.

4.3.

Għandu jiġi rikonoxxut li l-IES normalment għandhom fluss ta’ dħul imħallat  (12) fejn il-bejgħ ta’ oġġetti u servizzi ta’ spiss ikunu akkumpanjati minn fondi pubbliċi. L-IES ħafna drabi jiddependu fuq taħlita ta’ flussi ta’ finanzjament li jvarjaw minn fondi għal proġett speċifiku jew programm abbażi ta’ għan ta’ politika, sa kuntratti pubbliċi jew il-ġbir ta’ fondi għal espansjoni jew investimenti ġodda.

4.4.

F’ċerti Stati Membri, l-IES jiddependu minn finanzjament pubbliku kontinwu, u jaħdmu mill-qrib mal-awtoritajiet pubbliċi biex jilħqu politika komuni jew objettiv ta’ interess ġenerali. Barra minn hekk, il-finanzjament pubbliku huwa partikolarment importanti għall-proċess ta’ innovazzjoni (ħafna drabi huwa marbut ma’ xogħol preventiv) u l-istadji tal-iżvilupp bikrin tal-IES. Għalhekk il-KESE jisħaq li din il-forma ta’ kooperazzjoni pubblika u appoġġ finanzjarju ma jridux jiġu mfixkla meta jiġu kkunsidrati sorsi finanzjarji esterni u li hija partikolarment importanti għall-appoġġ tal-ħolqien u l-bini ta’ settur tal-ekonomija soċjali f’ċerti Stati Membri.

4.5.    L-użu ta’ firxa ta’ sorsi finanzjarji

4.5.1.

Il-finanzjament pubbliku jibqa’ sors finanzjarju ewlieni f’ħafna Stati Membri u għal ħafna IES. Il-konnessjoni bejn il-missjoni soċjali ta’ IES u l-objettivi ta’ politika pubblika li jibnu fuq sistema ta’ għanijiet komuni u fiduċja tinsab fil-qalba tal-inizjattivi ta’ finanzjament pubbliku. F’dan il-kuntest il-KESE jixtieq jissottolinja l-konnessjoni u l-appoġġ tiegħu għal kontinwazzjoni tal-Pakkett ta’ Investiment Soċjali tal-KE (13), li għandu l-għan li jippromovi l-innovazzjoni tal-politika soċjali bi rwol b’saħħtu tal-IES. F’ħafna Stati Membri sors tad-dħul ewlieni għall-IES huma l-kuntratti pubbliċi. Il-provvediment ta’ servizz ta’ interess ġenerali huwa ħafna drabi attività ewlenija għall-IES biex jaqdu l-missjoni soċjali tagħhom. Dan id-dħul jikkontribwixxi b’mod importanti għas-sostenibbiltà finanzjarja. Fil-każ ta’ kuntratti pubbliċi, kriterju wieħed għandu jkun ir-rispett tal-istandards soċjali u b’mod partikolari l-applikazzjoni tal-ftehimiet kollettivi.

4.5.2.

L-istrument tal-finanzjament privat ivarja minn strumenti tradizzjonali bħall-banek kummerċjali, l-investituri informali u l-kapital ta’ riskju għal oħrajn bħad-donazzjonijiet, il-filantropija b’kapital riskjuż u investituri ta’ impatt soċjali. Filwaqt li diversi minn dawn l-istrumenti jistgħu jkunu adatti għall-IES, jidher li l-finanzjament soċjali pprovdut minn fornituri finanzjarji soċjali speċjalizzati huwa aktar xieraq.

4.5.3.

Għandha tingħata attenzjoni wkoll lill-interess tal-individwi biex jinvestu f’inizjattivi tal-IES speċjalment fil-livell tal-komunità. Il-pjattaformi ta’ finanzjament kollettiv, id-donazzjonijiet u l-filantropija jipprovdu riżorsa ta’ finanzjament ewlenija għall-IES.

4.5.4.

Is-settur tal-ekonomija soċjali nnifsu jiġġenera fondi fil-forma ta’ qligħ imfaddal li ħafna drabi huwa mħeġġeġ mis-sistema ta’ ħelsien mit-taxxa. L-alternattiva li jiġu akkumulati l-profitti li ma jitqassmux lill-membri (riżervi indivisibbli) tintuża minn kooperattivi bħala l-istrument ewlieni biex jiffinanzjaw it-tkabbir tagħhom stess. Strument ieħor huwa l-alternattiva għal membri kooperattivi biex jipparteċipaw fil-finanzjament tal-kooperattiva tagħhom stess permezz tal-provvediment ta’ self volontarju (self soċjali) li f’ċerti Stati Membri huwa rregolat minn leġislazzjoni speċifika (14).

4.5.5.

Istituzzjonijiet finanzjarji speċjalizzati, banek soċjali, etiċi u kooperattivi kif ukoll il-filantropija soċjali b’kapital riskjuż jipprovdu strumenti mfassla b’mod speċifiku għall-IES. Pereżempju l-fondi għall-iżvilupp ta’ kooperattivi tal-Italja (15) huma stabbiliti biex jippromovu u jiżviluppaw il-kooperattivi b’mod speċifiku. Dawn il-fondi jiġu ffurmati bl-użu ta’ imposta ta’ 3 % fuq il-profitti qabel it-taxxa annwali tal-kooperattivi. Eżempji oħra huma l-fond ta’ żvilupp CoopEst u l-Konsorzju Finanzjarju CGM, li huma sistemi finanzjarji interni miftuħa biss għall-membri u li jipprovdu self tranżitorju u jegħlbu l-problemi fl-aċċess għas-sistema bankarja ordinarja permezz tal-kapaċità kontrattwali ta’ grupp.

4.5.6.

Waqt il-ħolqien ta’ suq jew pjattaforma, dawn l-istrumenti iridu jiġu kkunsidrati, u l-inċentivi biex jattiraw il-kapital jridu jiġu evalwati. Filwaqt li l-kapital pubbliku jista’ jkun motivat mill-politika, il-kapital privat jista’ jiġi attirat permezz ta’ skemi ta’ inċentivi tat-taxxa, l-element ta’ riskju kondiviż u l-involviment fis-settur tal-ekonomija soċjali. Minkejja dan, kwalunkwe inċentiv li jingħata lill-fornituri finanzjarji privati għandu jkun ibbilanċjat mar-redditu finanzjarju u soċjali mistenni kif ukoll mal-mod kif jintużaw il-profitti finanzjarji. Dan għandu jiżgura li l-interess pubbliku, l-interess ġenerali u l-infiq effiċjenti (jekk pubbliku) jibqgħu fil-qalba tal-inizjattiva.

4.6.    Prinċipji fundamentali li għandhom jitqiesu meta tinħoloq ekosistema finanzjarja favorevoli

4.6.1.

Il-ħolqien ta’ ekosistema finanzjarja għall-IES tiddependi mill-istabbiliment ta’ approċċ ta’ diversi partijiet interessati li jlaqqgħu flimkien ir-riżorsi u l-istrumenti. Din il-forma ta’ sistemi ta’ diversi partijiet interessati, jew sistema finanzjarja soċjali jew ta’ solidarjetà, tlaqqa’ flimkien kemm ir-riżorsi monetarji kif ukoll dawk mhux monetarji. Din tibni fuq il-fiduċja u l-appoġġ finanzjarju filwaqt li tinvolvi diversi atturi (IES, faddala, sorsi pubbliċi, fondi ta’ pensjoni u istituzzjonijiet finanzjarji eċċ.) u tibni relazzjonijiet (intermedjazzjoni finanzjarja, soċjalizzazzjoni u relazzjonijiet ta’ appoġġ) li għandhom għanijiet u regoli komuni. Is-suċċess ta’ dan l-approċċ huwa ċar pereżempju fi Quebec u għandu jiġi esplorat aktar fil-kuntest Ewropew (16).

4.6.2.

Huwa fundamentali li l-appoġġ finanzjarju jiġi żviluppat minn approċċ ta’ ċiklu tal-ħajja. L-għotjiet jew skemi pilota ffinanzjati ħafna drabi ma jirnexxux fit-tieni fażi minħabba nuqqas ta’ strumenti xierqa li jippermettu l-IES javvanzaw u jkunu sostenibbli. Strumenti speċifiċi u oqfsa ta’ politika ta’ appoġġ għandhom jitfasslu għal kull fażi ta’ żvilupp: qabel l-istart-up, l-istadju pilota/tal-istart-up, il-konsolidazzjoni u t-tkabbir, filwaqt li jindirizzaw il-bżonnijiet speċifiċi f’kull stadju.

4.6.3.

Il-kapital tar-riskju tradizzjonali huwa bbażat fuq redditu fuq l-investiment fi żmien qasir li normalment ikun marbut mal-influwenza permezz tas-sjieda. Dan huwa partikolarment diffiċli għall-ekonomija soċjali biex tużah u jikkuntrasta mal-mudell tan-negozju u l-attivitajiet tal-IES. Għalhekk il-provvediment ta’ skemi ta’ garanzija u mekkaniżmi ta’ koinvestiment biex jiġu kondiviżi r-responsabbiltà u t-teħid tar-riskju huwa kruċjali f’dan il-kuntest. Meta jiġu żviluppati skemi, għandu jiġi analizzat mill-ġdid l-iżvilupp skont prattiki tajba ta’ skemi ta’ garanzija diġà fis-seħħ (spiss minn fondi pubbliċi) sabiex jittaffa l-ewwel “riskju” tal-finanzjament.

4.6.4.

Il-fornituri finanzjarji tal-ekonomija soċjali huma spiss ideali għall-provvediment kemm ta’ appoġġ finanzjarju kif ukoll ta’ appoġġ nonfinanzjarju bħal programmi ta’ disponibbiltà għall-investiment u gwida ġenerali u appoġġ għall-iżvilupp tan-negozju. Din il-forma ta’ appoġġ hija kruċjali biex jitnaqqas ir-riskju ta’ falliment. Hawnhekk għandhom jiġu kkunsidrati “ikkowċjar finanzjarju” kif ukoll “edukazzjoni finanzjarja”.

4.6.5.

Huwa kruċjali li fil-qalba tal-finanzjament soċjali jkun hemm il-kejl tal-impatt soċjali  (17) biex jintwera l-impatt soċjali maħluq b’mod parallel mar-redditu finanzjarju. Dan huwa l-uniku mod kif jiġi reġistrat il-valur sħiħ maħluq mill-attività tal-IES u l-ambitu sħiħ tar-Redditu fuq l-Investiment (ROI) – kemm soċjali kif ukoll finanzjarju.

4.7.    Ekosistema bbażata fuq kapital ikkombinat

4.7.1.

Għandha tingħata attenzjoni partikolari lil forom ibridi ta’ finanzjament, li jitqiesu aktar adatti għall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali minħabba li jikkombinaw elementi li jevalwaw il-ġid komuni ma’ inċentivi finanzjarji. Il-kapital ibridu jikkombina komponent ta’ għotja (għotjiet pubbliċi, fondi filantropiċi, donazzjonijiet) ma’ strumenti ta’ ekwità u ta’ kondiviżjoni tar-riskji/tad-dejn. L-istrumenti finanzjarji ta’ natura kapitali ibrida jinkludu għotjiet rekuperabbli, self li jista’ jinħafer, għotjiet konvertibbli u ftehimiet ta’ kondiviżjoni tar-redditu. Il-kapital ibridu spiss jinvolvi interazzjoni mill-qrib bejn kapital pubbliku u privat, minn naħa, u objettiv ta’ politika komuni min-naħa l-oħra, iżda anke kodipendenza li tibbilanċja l-interessi bejn il-partijiet interessati.

4.7.2.

Soluzzjonijiet finanzjarji oħra, adatti għall-IES huma forom paċenzjużi ta’ kapital. Pereżempju, fi Franza u l-provinċja ta’ Québec fil-Kanada (18) il-fondi ta’ garanzija u investiment soċjali/ta’ solidarjetà jiġbru flimkien il-kapital minn sorsi u partijiet interessati varji, bħal individwi, fondi pubbliċi u fondi tal-pensjoni, u jipprovdu strumenti tad-dejn u ekwità li huma bbażati fuq prinċipji ta’ dħul aktar baxx (minn kapital ta’ riskju regolari) fuq perjodu itwal ta’ żmien (seba’ snin u iktar). Dan tal-aħħar qed ikun partikolarment importanti, minħabba li l-attivazzjoni tal-IES spiss tiddependi mill-kontinwità tas-servizz.

5.   Rakkomandazzjonijiet ta’ politika

5.1.

Minħabba d-differenzi madwar l-Ewropa u l-firxa wiesgħa ta’ bżonnijiet fis-settur tal-ekonomija soċjali, ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin huma kklassifikati abbażi tar-responsabbiltajiet għal livelli differenti ta’ persuni li jfasslu l-politika.

5.2.    L-istituzzjonijiet Ewropej

5.2.1.

L-istituzzjonijiet tal-UE għandu jaqdu rwol ta’ appoġġ, katalitiku, abilitanti u mobilizzanti għall-partijiet interessati kollha fl-ekosistema finanzjarja tal-IES. Barra minn hekk, għandhom ikomplu juru l-impenn tagħhom għall-iżvilupp tal-ekonomija soċjali fl-Ewropa billi jiżguraw qafas tal-politika ta’ appoġġ għall-iżvilupp tal-ekonomija soċjali ġeneralment billi jġeddu l-aġenda tal-SBI.

5.2.2.

Il-KE għandha tkompli tgħaddi l-fondi lejn l-IES permezz ta’ intermedjarji biex tappoġġja l-ħolqien, l-esperimentazzjoni u l-innovazzjoni ta’ strumenti ġodda filwaqt li tiżgura li r-regolazzjoni finanzjarja tippermetti u mhux tfixkel dan l-iżvilupp.

5.2.3.

Il-KE għandha tikkunsidra wkoll l-ittestjar ta’ reġim regolatorju eħfef biex tħeġġeġ il-kapital lejn is-settur tal-ekonomija soċjali.

5.2.4.

Il-KE għandha teżamina kif il-il-finanzjament kollettiv jew l-istrumenti tal-ekonomija kollaborattiva jistgħu jappoġġaw lill-IES. Il-KE għandha tikkunsidra li torganizza “vitrina” ta’ inizjattivi ta’ finanzjament kollettiv u parteċipattivi mmirati lejn l-IES. Fil-livell tal-Istati Membri jeżistu eżempji li jistgħu jintrabtu mal-pjattaforma ta’ innovazzjoni soċjali kif ukoll mal-programmi tal-Orizzont 2020.

5.2.5.

Il-KE għandha tippromovi r-riċerka fuq il-valur miżjud soċjetali ta’ investiment fl-IES. Il-kwistjonijiet li għandhom jiġu esplorati jistgħu jinkludu kif jinħoloq u jinkiseb il-valur soċjali u ekonomiku, u l-effettività ta’ strumenti finanzjarji varji.

5.2.6.

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-fatt li l-ekonomija soċjali hija prijorità ta’ investiment fil-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa attwali u jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tagħmel użu sħiħ minn din id-dispożizzjoni. B’mod partikolari għandhom jiġu kkunsidrati investimenti ta’ kapital qawwija, bħas-saħħa u l-kura soċjali. Fattur importanti għall-investimenti kollha huwa l-inklużjoni ta’ kriterju ta’ interess ġenerali fil-gradazzjoni u s-selezzjoni tal-investiment sabiex il-valur miżjud soċjali jiġi reġistrat aħjar.

5.2.7.

L-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU) tisħaq fuq il-ħolqien ta’ investiment ta’ governanza korporattiva, soċjali u ambjentali u li l-finanzjament pubbliku u privat ikunu jistgħu jaħdmu id f’id biex itejbu l-lat tal-provvista tal-investimenti. Huwa importanti li, fl-attività regolatorja tagħha, il-KE tiżgura li jkun hemm rabta bejn il-promozzjoni tal-iżvilupp tal-IES u l-proposti tas-CMU.

5.2.8.

Il-fondi Ewropej għandhom rwol partikolari biex jappoġġjaw lill-IES. Il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej jistgħu jintużaw bħala element li jippermetti l-azzjoni tal-Istati Membri billi jipprovdu garanziji jew lieva finanzjarja biex jistimolaw l-iżvilupp ta’ fondi soċjali madwar l-Ewropa. Il-fondi EaSI u COSME, għandhom jintużaw mill-KE biex tingħata spinta lill-kapaċità ta’ investiment ta’ intermedjarji finanzjarji u lid-disponibbiltà għall-investiment tal-IES. Il-KE għandha tiżgura parteċipazzjoni bbilanċjata fil-programm Orizzont 2020, u tippermetti lill-IES jipparteċipaw fi proġetti ta’ integrazzjoni. Il-KE għandha tissorvelja mill-qrib u tirrapporta dwar it-teħid ta’ dawn il-fondi għall-IES kemm minn lat politiku kif ukoll minn dak tekniku.

5.2.9.

Il-KE u l-BEI/FEI għandhom jiżguraw li l-mekkaniżmi finanzjarji fil-livell tal-UE inkluż il-pjan ta’ azzjoni ta’ finanzjament tal-SMEs ikunu aċċessibbli għall-IES permezz ta’ integrazzjoni regolari tal-IES fil-politika tal-SMEs u fil-faċilitajiet ta’ finanzjar u permezz ta’ simplifikazzjoni tal-proċeduri. Punt importanti hawnhekk huwa li tissemma b’mod speċifiku l-espressjoni “intrapriża ta’ ekonomija soċjali” biex ikun żgurat li jiġu kkunsidrati intrapriżi diversi u tikber il-viżibbiltà.

5.2.10.

Il-KE għandha teżamina jekk/kif l-investiment ta’ impatt soċjali jista’ jkun komponent tal-ekosistema finanzjarja għall-IES u taħt liema kundizzjonijiet. F’dan ir-rigward, l-esperjenzi u l-provi tal-aċċeleratur ta’ investiment soċjali tal-FEI kif ukoll it-tnedija riċenti ta’ skemi ta’ garanzija tal-KE (19) se jipprovdu esperjenzi interessanti. Barra minn hekk, ir-rapporti riċenti tal-OECD (20) u l-EMES (21) jipprovdu input importanti dwar jekk l-istrument tal-bonds ta’ impatt soċjali u l-politiki warajhom jappoġġjawx verament l-iżvilupp tal-IES.

5.2.11.

Ir-regolamenti finanzjarji ta’ Basel III qed jipperikolaw l-ekosistema finanzjarja għall-ekonomija soċjali. Huwa fundamentali li r-regolamenti jippreservaw il-“bijodiversità” tas-sistema finanzjarja, minflok ma japplikaw regoli arbitrarji. Kwistjoni rilevanti li għandha tiġi indirizzata hija t-trattament ta’ self lill-ekonomija soċjali skont ir-regoli prudenzjali attwali (Basel III, CRD IV/CRR). Bħalissa, ma jingħata l-ebda ħelsien fil-karta tal-bilanċ għas-self lil intrapriżi soċjali, anke jekk is-settur mhux meqjus riskjuż, u lanqas mhu mħeġġeġ is-self lis-settur. Għall-kuntrarju, skont il-fattur ta’ bilanċ tal-SMEs inkluż fis-CRR, l-UE rrikonoxxiet il-ħelsien mill-kapital għall-banek li jsellfu lill-SMEs u lill-unitajiet domestiċi. L-UE trid tirrikonoxxi lill-IES bl-istess mod billi tipprovdi fattur ta’ appoġġ lill-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, pereżempju billi temenda l-Artikolu 501.1 attwali tas-CRR. Is-self bankarju lill-ekonomija soċjali jkun jibbenefika ħafna minn dan, bl-ebda impatt fuq il-finanzi pubbliċi.

5.2.12.

Minħabba li l-innovazzjoni finanzjarja għall-ekonomija soċjali primarjament isseħħ fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali, il-KE tinsab f’pożizzjoni ideali biex tiġbor u tikkondividi strumenti u soluzzjonijiet innovattivi biex tipprovdi evidenza għal deċiżjonijiet politiċi. Hawnhekk, jkunu utli s-sinteżi u s-sorveljanza mal-UE kollha dwar il-kondiviżjoni ta’ inizjattivi u strumenti finanzjarji ġodda fl-Istati Membri.

5.2.13.

L-appoġġ finanzjarju mil-livell tal-UE jrid ikun akkumpanjat mill-provvedimenti ta’ gwida, taħriġbini ta’ kapaċità mill-KE lill-gvernijiet u ‘l-partijiet interessati ewlenin. Għalhekk, il-KESE jitlob manwal bi gwida dwar kif tinbena l-ekosistema finanzjarja u kif jitfasslu u jiġu implimentati l-istrumenti finanzjarji għall-ekonomija soċjali. Bl-istess mod, prattiki ġodda ta’ gwida ġenerali fil-livell tal-Istati Membri bħal programmi ta’ disponibbiltà għall-investiment għandhom jiġu kondiviżi u żviluppati.

5.2.14.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-interess tal-Kummissjoni Ewropea li tistabbilixxi grupp ta’ ħidma dwar il-finanzjament soċjali f’kooperazzjoni mal-GECES (Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-intrapriża soċjali) li jkun jista’ jaġixxi bħala bażi tar-riżorsi unika għall-iżvilupp tal-politika u jimmonitorja s-sitwazzjonijiet u l-azzjonijiet tal-Istati Membri.

5.2.15.

Għandhom jiġu kkunsidratil-evalwazzjonijiet bejn il-pari dwar il-finanzjament ta’ attivitajiet u strutturi tal-IES sabiex jħeġġu l-kondiviżjoni tal-istrumenti u l-aħjar prattiki fost l-Istati Membri.

5.2.16.

Il-Kummissjoni Ewropea għandha teżamina l-benefiċċji u l-isfidi tal-Istati Membri li jipprovdu inċentivi tat-taxxa. Dan huwa rilevanti kemm għall-IES b’mod ġenerali iżda wkoll bħala inċentiv biex jiġi attirat il-kapital minn faddala privati u fornituri finanzjarji soċjali. Dan l-aspett għandu jiġi eżaminat fid-dawl tal-fatt li l-IES illum huma żvantaġġati fir-rigward tal-aċċess għall-finanzjament (pubbliku jew privat) meta mqabbla ma’ intrapriżi oħra.

5.3.

Stati Membri, Awtoritajiet Lokali u Reġjonali

5.3.1.

L-Istati Membri fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali għandhom rwol importanti fil-provvediment ta’ politika u appoġġ abilitanti biex jiżviluppaw u jkabbru l-ekonomija soċjali. Huma biss ftit l-Istati Membri li għandhom fis-seħħ sistema ta’ appoġġ adegwata, u dan jitlob li l-Istati Membri jiżviluppaw u jimplimentaw sistemi nazzjonali ta’ appoġġ għall-ekonomija soċjali, skont l-inizjattiva ta’ negozju soċjali. Għandha ssir enfasi partikolari fuq l-aċċess għal appoġġ finanzjarju mfassal apposta kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell lokali/reġjonali. Dawn l-inizjattivi jistgħu potenzjalment jiġu ppreżentati fil-kuntest tal-GECES.

5.3.2.

L-Istati Membri jistgħu jaġixxu bħala koinvestituri biex jappoġġjaw l-istabbiliment ta’ fondi etiċi, fondi ta’ innovazzjoni soċjali u fondi ta’ kapital ta’ riskju soċjali. Element ewlieni huwa li jiġu pprovduti skemi ta’ garanzija pubbliċi jew politika, biex jiġi mmotivat il-kapital minn fondi ta’ pensjoni, unjonijiet ta’ kreditu, eċċ.

5.3.3.

L-Istati Membri għandhom jevalwaw il-possibbiltajiet li jiżguraw il-finanzjament permezz ta’ fondi ta’ garanzija tal-Istat sabiex jagħtu lill-ekonomija soċjali aċċess għall-finanzjament tradizzjonali.

5.3.4.

L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li jikkapitalizzaw il-fondi ta’ investiment soċjali billi jirrevedu l-opportunitajiet tat-tnaqqis tat-taxxi fuq l-introjtu (ta’ individwi u negozji) kif ukoll permezz ta’ inċentivi tat-taxxa oħra kemm għall-fadalla kif ukoll għall-investituri biex jattiraw l-investimenti fl-IES. Madankollu l-ixprun għal dawn il-vantaġġi tat-taxxa għandu jkun il-ħolqien tal-valur soċjali mill-IES.

5.3.5.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw regolamenti tal-ekonomija soċjali adatti rigward il-mikrofinanzjament, kif diġà indikat mill-KE (22).

5.3.6.

L-intermedjarji finanzjarji għandhom rwol kruċjali fl-iżvilupp tal-ekonomija soċjali. L-Istati Membri għandhom iħeġġu l-ħolqien ta’ intermedjarji finanzjarji soċjali, kemm banek kooperattivi jew etiċi, kif ukoll banek kummerċjali b’sussidjarju speċifiku li jimmiraw lejn l-ekonomija soċjali, li jipprovdu l-fondi u l-istrumenti finanzjarji soċjali billi jipprovdu ambjent regolatorju favorevoli.

5.3.7.

L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol kruċjali fil-provvediment ta’ infrastruttura lokali u l-implimentazzjoni ta’ inizjattivi. Barra minn hekk, għandhom jiġu mħeġġa jieħdu inizjattiva favur kooperazzjoni ta’ diversi partijiet interessati li tappoġġja l-iżvilupp lokali/reġjonali. Hawnhekk il-FEŻR jipprovdi appoġġ fundamentali.

5.4.

Partijiet interessati oħra

5.4.1.

L-IES infushom għandhom jieħdu inizjattivi fl-iżvilupp ta’ strumenti bħall-awtokapitalizzazzjoni, il-finanzjament kollettiv u l-involviment fi sħubijiet finanzjarji soċjali, il-ġbir tar-riżorsi tagħhom u t-tnedja ta’ sħubijiet.

5.4.2.

Huwa importanti wkoll li l-IES jikkunsidraw aktar kooperazzjoni ma’ msieħba esterni bħalma huma l-banek privati kummerċjali u intermedjarji varji. Dan jista’ ma jkunx adatt għas-sitwazzjonijiet kollha iżda jista’ jkun ta’ valur f’ċerti stadji ta’ żvilupp. Huwa fundamentali li jinbena l-interess u l-għarfien dwar l-IES fost il-komunità finanzjarja fil-kundizzjonijiet adatti.

Brussell, is-16 ta’ Settembru 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Il-Premessa 17 u l-Artikolu 9.2.

(2)  http://ec.europa.eu/finance/bank/regcapital/legislation-in-force/index_en.htm

(3)  ĠU C 24, 28.1.2012, p. 1, ĠU C 229, 31.7.2012, p. 44, ĠU C 229, 31.7.2012, p. 55, ĠU C 458, 19.12.2014, p. 14.

(4)  COM(2011) 682 final.

(5)  http://browse.oecdbookshop.org/oecd/pdfs/product/8409011e.pdf

(6)  http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=738&langId=en&pubId=7523

(7)  http://www.oecd.org/cfe/leed/130228_Job%20Creation%20throught%20the%20Social%20Economy%20and%20SocialEntrepreneurship_RC_FINALBIS.pdf

(8)  http://socialeconomyrome.it/files/Rome%20strategy_EN.pdf

(9)  ĠU C 458, 19.12.2014, p. 14.

(10)  Ara n-nota 5 f’qiegħ il-paġna.

(11)  http://www.ilo.org/wcmsp5/groups/public/---ed_emp/---emp_ent/documents/publication/wcms_108416.pdf

(12)  Studju ta’ identifikazzjoni tal-KE: http://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=en&catId=89&newsId=2149,

Policy Brief tal-OECD: http://www.oecd.org/cfe/leed/Social%20entrepreneurship%20policy%20brief%20EN_FINAL.pdf

(13)  http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=1044

(14)  Ara pereżempju l-Liġi Taljana 127/71.

(15)  Il-Liġi Taljana 59/92.

(16)  http://www.reliess.org/centredoc/upload/FinanceQc_va.pdf

(17)  ĠU C 170, 5.6.2014, p. 18.

(18)  http://capfinance.ca

(19)  http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=1084

(20)  http://www.oecd.org/cfe/leed/SIBsExpertSeminar-SummaryReport-FINAL.pdf

(21)  http://5emesconf.exordo.com/files/papers/101/final_draft/Godina-Maier-Barbetta_-_Paradoxes_and_Potentials_of_Social_Impact_Bonds_-_16_06_2015.pdf

(22)  COM(2007) 708 final.


Top