EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013XC0815(02)

Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

ĠU C 237, 15.8.2013, p. 31–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
ĠU C 237, 15.8.2013, p. 8–12 (HR)

15.8.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 237/31


Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

2013/C 237/06

Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

DOKUMENT UNIKU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel  (2)

“SZENTESI PAPRIKA”

Nru tal-KE: HU-PGI-0005-0912-30.11.2011

IĠP ( X ) DPO ( )

1.   Isem

“Szentesi paprika”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

L-Ungerija

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta' prodott

Klassi 1.6 –

Frott, ħaxix u ċereali, friski jew ipproċessati

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f'(1)

L-indikazzjoni ġeografika protetta “Szentesi paprika” tindika l-frott ikkultivat bl-infurzar tad-diversi tipi ta' varjetajiet u tal-varjetajiet tagħhom elenkati ta' Capsicum annuum.

Meta jitqiegħdu fis-suq, il-prodotti tas-“Szentesi paprika” jridu jkunu b'saħħithom u mhux mimsusa, u d-diversi tipi ta' varjetajiet irid ikollhom il-karatteristiċi li ġejjin:

(a)

Bżar abjad għall-mili (Capsicum annuum L. var. grossum)

Meta timmatura, is-“Szentesi paprika” l-bajda tinħass żejtnija, bil-qoxra lixxa u tiżloq; titfarrak malajr, bil-forma tagħha ġejja għall-ponta u mkemmxa fit-tarf, filwaqt li laħamha huwa oħxon. Il-wiċċ huwa lixx u jleqq, ta' kulur bajdani fl-isfar (avorju). Il-forma tagħha ġejja għall-ponta, bħal kon, u hija twila bejn 60 u 120 mm u wiesgħa bejn 40 u 70 mm. Din ta' spiss tkun magħmula minn tlieta jew erba' lobi. Laħamha huwa oħxon madwar 4 u 7 mm, b'konsistenza solida u l-qoxra rqiqa; għandha riħa qawwija ta' paprika, b'togħma tajba u moderata.

Il-varjetajiet ikkultivati huma: Hó, Cibere, Century, Hurricane, Bronson, Emese, Kurca, Creta, Joker, Karma, Bravia (RZ35862), Kalota, Brendon, Antal, Zalkod, Censor, Celtic, Cinema, Glorietta, Dimentio, E-49.39615, Galga, Claudius, Skytia.

(b)

Bżar jaħraq ġej għall-ponta (Capsicum annuum L. var. longum)

Is-“Szentesi paprika” taħraq u ġejja għall-ponta għandha l-wiċċ ileqq, lixx jew kemxejn immewweġ; għandha forma twila u għall-ponta. Għandha kulur aħdar ċar, medju jew skur, u hija twila bejn 150 u 250 mm u wiesgħa bejn 20 u 50 mm. Fil-biċċa l-kbira tkun magħmula minn żewġ jew tliet lobi, b'laħamha oħxon bejn 3 u 4 mm u b'konsistenza solida u l-qoxra rqiqa. Għandha riħa qawwija ta' paprika u togħma taħraq u pjaċevoli.

Il-varjetajiet ikkultivati huma: Daras, Rush, Sarah, Fighter, Kard, Thunder, Kais.

Il-varjetajiet ikkultivati għandhom livell pikkanti ta' madwar 2 500 u 5 000 fuq l-iskala ta' Scoville.

(c)

Bżar ta' Kápia (Capsicum annuum L. var. grossum)

Is-“Szentesi paprika” tal-grupp Kápia għandha forma ta' kon kemxejn ċatt; wiċċ lixx u jleqq, b'kulur aħmar skur u bellusi meta tkun lesta għall-ħsad. Hija twila bejn 60 u 120 mm u wiesgħa bejn 40 u 70 mm; u hija tipikament magħmula minn żewġ jew tliet lobi. Laħamha huwa oħxon madwar 4 u 7 mm, b'konsistenza solida u b'qoxra ta' ħxuna medja. Għandha togħma ħelwa u qawwija, b'riħa ta' paprika mitħuna.

Il-varjetajiet ikkultivati huma: Kárpia (T 112), Kapirex, Karpex, Mágus.

(d)

Bżar b'forma ta' tadama (Capsicum annuum L. var. grossum)

Is-“Szentesi paprika” b'forma ta' tadama għandha forma partikolari ħafna: dik ta' globu ċatt, b'wiċċ lixx li jleqq u b'kulur aħmar skur meta tkun lesta għall-ħsad. Għandha dijametru ta' bejn 60 u 120 mm, twila bejn 40 u 60 mm, bi tlieta jew erba' lobi u l-laħma għandha ħxuna ta' 57 mm. Il-konsistenza hija solida, b'qoxra rqiqa, riħa qawwija ta' paprika ħelwa.

Il-varjetajiet ikkultivati huma: Pritavit, Kabala, Bihar.

It-tipi ta' varjetajiet imsemmija hawn fuq li jistgħu jiġu kkultivati, ivarjaw minn sena għal oħra.

3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

3.4.   Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss)

3.5.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika identifikata

Il-proċessi kollha li ġejjin fil-proċess ta' produzzjoni tas-“Szentesi paprika” jridu jsiru fiż-żona ġeografika identifikata fil-punt 4:

il-produzzjoni u l-kultivazzjoni tan-nebbieta tal-bżar,

il-produzzjoni organika integrata tad-diversi tipi ta' varjetajiet u tal-varjetajiet tagħhom, li jinkludu:

l-għażla tal-perjodu ta' produzzjoni,

l-iżvilupp ta' żona ta' kultivazzjoni,

it-tħejjija u l-kultivazzjoni tal-ħamrija,

it-tħawwil,

it-tħejjija ta' struttura ta' appoġġ,

l-attivitajiet ta' kura tal-pjanti (fitoteknoloġija),

it-tisqija u l-forniment ta' nutrijenti,

ir-regolamentazzjoni klimatika,

l-użu ta' proċeduri ta' trattament kontra l-parassiti integrati u li jirrispettaw l-ambjent,

il-ħsad, it-tħejjija tal-prodott, il-fażi ta' qabel il-ħżin u l-ħżin,

l-eliminazzjoni ta' stokkijiet ta' bżar, l-iżvilupp u d-diżinfettar tat-tagħmir ta' produzzjoni.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ.

Il-klassifikazzjoni, l-ippakkjar u t-tikkettar tas-“Szentesi paprika” jsiru fl-istabbiliment tal-produttur jew fi kwalunkwe stabbiliment ieħor adattat fiż-żona ġeografika identifikata.

Ippakkjati f'lottijiet: trejs, qfief, boroż tal-polietilen (3, 5, 20, 30, 40, 50, 60, 80 bżaru għal kull unità); skont il-piż: qfief, basket tax-xibka tat-tip Raschel (0.35, 0.5, 0.7, 1, 2 kg ta' bżar għal kull unità) jew kaxxa: f'pakketti ta' M10, M20 jew M30 (2.5, 10, 12, 14 kg ta' bżar għal kull unità). It-tip ta' ppakkjar tad-diversi tipi ta' varjetajiet jista' jvarja fi kwalunkwe ħin skont ir-rekwiżiti kummerċjali.

L-ippakkjar irid isir fiż-żona ġeografika identifikata sabiex iżomm il-kwalità u l-omoġeneità karatteristiċi tad-diversi tipi ta' varjetajiet u tal-varjetajiet tagħhom, kif ukoll it-togħma, ir-riħa, il-konsistenza u l-integrità tas-“Szentesi paprika” IĠP, u biex jiżgura t-traċċabbiltà tal-prodotti.

3.7.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

Il-kliem “Szentesi paprika” irid jidher fuq il-pakkett.

Irid ikun hemm ukoll tabella bil-bar code li tiżgura t-traċċabbiltà tas-“Szentesi paprika”.

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Il-produzzjoni tal-indikazzjoni ġeografika protetta (IĠP) “Szentesi paprika” hija bbażata fuq żona kontigwa fil-kontea ta' Csongrád.

Il-produzzjoni tas-“Szentesi paprika” issir fil-limiti amministrattivi tal-lokalitajiet li ġejjin tal-kontea ta' Csongrád: Derekegyháza, Fábiánsebestyén, Felgyő, Mindszent, Nagymágocs, Nagytőke, Szegvár u Szentes.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika

Il-fatturi li jinfluwenzaw il-produzzjoni ta' bżar ta' kwalità, b'mod partikolari t-temperatura u d-dawl, kif ukoll il-proprjetajiet tal-ħamrija u dawk idrografiċi, ħolqu kundizzjonijiet favorevoli għall-iżvilupp ta' produzzjoni saqwija tal-bżar fir-reġjun ta' Szentes, li ġiet introdotta mill-hekk imsejħa “ġardinara Bulgari” (produtturi ta' ħaxix li jużaw metodi speċjalizzati fuq skala żgħira, il-produzzjoni infurzata f'serer sħan u tisqija) li kienu jgħixu fir-reġjun matul it-tieni nofs tas-seklu dsatax.

Ir-reġjun ta' produzzjoni ta' Szentes jinsab fix-Xlokk tal-Ungerija, f'wieħed mill-iktar baċiri fondi tal-Pjanura l-Kbira. Ir-reġjun għandu post speċjali f'termini topografiċi, peress li jinkludi l-aktar art baxxa tal-pajjiż, li tibqa' nieżla minn tliet naħat, mill-pajjiżi ġirien sal-wied Tisza. L-aktar kanal tal-ilma importanti tas-sistema idrografika tar-reġjun huwa x-xmara Tisza, li tiddefinixxi wkoll il-fiżjonomija ġeografika sħiħa tar-reġjun. Minħabba l-abbundanza tal-ilma tal-wiċċ fir-reġjun, il-ħamrija predominanti hija dik kalkarja u solonezika tal-imraġ ċernożem (ħamrija sewda). Il-ħamrija taż-żona ta' produzzjoni tinsab f'kundizzjoni fiżika tajba. Għandha konsistenza ratba li titfarrak malajr, tisħon mal-ewwel, livell ta' pH subalkalina, ġestjoni tajba tal-ilma u tan-nutrijenti, kontenut għoli ta' ħumus u b'ħamrija ħoxna tal-wiċċ.

Matul il-produzzjoni tas-“Szentesi paprika”, il-fatturi klimatiċi prinċipali li jagħtu lill-bżar il-valur ta' kontenut tiegħu huma d-dawl, l-għadd ta' sigħat ta' xemx, it-temperatura u l-ammont ta' sħana rradjata. Il-karatteristiċi klimatiċi kontinentali huma predominanti fir-reġjun ta' produzzjoni ta' Szentes. L-għadd ta' sigħat ta' xemx huma mifruxa b'mod uniformi fir-reġjun kollu, li għandu medja ta' 2 050 siegħa ta' xemx fis-sena. Jekk jitqiesu t-tendenzi tat-temperaturi medji fis-sena, ir-reġjun ta' produzzjoni jagħmel parti miż-żoni l-aktar sħan tal-pajjiż. It-temperatura medja annwali hija bejn + 10 u 11 °C, filwaqt li l-ammont totali ta' sħana matul l-istaġun ta' tkabbir huwa bejn 3 200 u 3 300 °C. Dan huwa l-ambjent ideali għall-produzzjoni tal-bżar peress li jeħtieġ ammont konsiderevoli ta' sħana.

Għall-kuntrarju ta' dan, ir-reġjun għandu l-inqas rata ta' preċipitazzjoni tax-xita tal-pajjiż, bi preċipitazzjoni medja annwali li tvarja bejn 500 u 550 mm. Ġeneralment, 40 % tal-preċipitazzjoni ssir fix-xitwa u 60 % issir fis-sajf. Il-produzzjoni ta' bżar b'ammont sostanzjali ta' ilma kienet possibbli biss permezz tal-irrigazzjoni, żviluppata bħala riżultat tal-kundizzjonijiet idrografiċi favorevoli tar-reġjun u introdotta mill-“ġardinara Bulgari”.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott

Il-valuri u l-karatteristiċi organolettiċi prinċipali tas-“Szentesi paprika” li toriġina fiż-żona ġeografika huma: togħma eċċezzjonalment tajba, li tkun taħraq, ħelwa jew pikkanti; riħa qawwija ta' paprika jew riħa li tfakkar fil-paprika mitħuna; il-qoxra rqiqa tagħha. Laħamha huwa oħxon madwar 3 u 7 mm, u b'hekk wieħed ikun jista' jduq kompletament it-togħma u l-aromi tas-“Szentesi paprika”, anke meta tiġi kkunsmata friska, kif jiġri s-soltu.

Is-“Szentesi paprika” l-bajda: meta timmatura tinħass żejtnija, bil-qoxra lixxa u tiżloq; titfarrak malajr, bil-forma tagħha ġejja għall-ponta u mkemmxa fit-tarf, filwaqt li l-laħamha huwa oħxon. Il-bżar frisk għandu riħa u sukkulenza partikolari ħafna, jew fi kliem il-konsumaturi: “Is-‘Szentesi paprika’ għandha togħma ta' vera”.

Is-“Szentesi paprika” taħraq u għall-ponta għandha l-qoxra tleqq, lixxa u kemxejn immewwġa; b'forma twila u għall-ponta; u b'laħma ta' konsistenza solida. Għandha riħa qawwija ta' paprika u togħma taħraq u pjaċevoli. Is-“Szentesi paprika” tal-grupp Kápia għandha forma ta' kon kemxejn ċatt; laħamha għandu konsistenza solida; u l-qoxra għandha ħxuna medja. Għandha l-wiċċ lixx u jleqq, b'kulur aħmar skur u bellusi riżultat tal-ambjent ġeografiku (id-dawl u s-sħana).

Is-“Szentesi paprika” b'forma ta' tadama għandha forma partikolari ħafna: dik ta' globu ċatt; minkejja laħamha oħxon għandha wkoll qoxra rqiqa ħafna, u l-wiċċ huwa lixx; meta tkun lesta għall-ħsad, din ikollha kulur aħmar skur.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott (għall-IĠP)

Ir-rabta maż-żona ġeografika hija bbażata fuq ir-reputazzjoni tal-prodott li ilha stabbilita għal ħafna snin u l-għarfien espert lokali fost il-produtturi tas-“Szentesi paprika” li jgħaddi minn ġenerazzjoni għall-oħra.

Ir-reputazzjoni tas-“Szentesi paprika”

L-iżvilupp ta' produzzjoni saqwija tal-bżar fir-reġjun ta' Szentes ġie introdott mill-hekk imsejħa “ġardinara Bulgari” li kienu jgħixu fir-reġjun matul it-tieni nofs tas-seklu dsatax. Minn dak iż-żmien 'hawn, il-produzzjoni tal-magħrufa “Szentesi paprika” baqgħet għaddejja b'mod kontinwu. Il-prodott għad għandu reputazzjoni għolja sal-ġuranata tal-lum, tant li fl-2006, f'Debrecen, ingħata l-premju prinċipali fil-fiera agrikola u ta' ġardinaġġ “Farmer Expo”, li fiha kienu rappreżentati 300 ditta Ungeriża u barranija. Fl-2007, il-bżaru ħelu maħsub għall-konsum frisk rebaħ il-“Magyar Termék Nagydíj” (il-Premju tal-Aħjar Prodott ta' Kwalità fl-Ungerija).

Għadd kbir ta' dokumenti storiċi jiċċertifikaw ir-rabta bejn ir-reputazzjoni tas-“Szentesi paprika” u ż-żona ġeografika li ilha għaddejja għal sekli sħaħ. L-ewwel dehra tal-bżaru ħelu fl-Ungerija tmur lura għax-xitwa tal-1875-76 meta l-“ġardinara Bulgari” marru jgħixu f'Úsztató major, fir-reġjun ta' Szegvár. Skont iċ-ċensiment agrikolu l-kbir tal-1895, 92,74 % tal-produzzjoni totali ta' bżar fl-Ungerija kienet tinsab fix-Xlokk tal-pajjiż, fiż-żona ta' Szentes. Il-ġardinara kienu jikru l-art magħmula miċ-ċernożem u mill-ħamrija alluvjali tar-reġjun mill-kontea ta' Csongrád li tkun rikka bil-ħumus u li tisħon malajr. Fejn kien ikun possibbli, kienu jagħżlu wkoll l-art li tinsab kemxejn f'niżla. Għat-tkabbir bikri kienu jużaw żerriegħa li diġà tkun nibtet u serer sħan. Kienu jużaw ukoll il-kultivazzjoni mħallta fi mxietel, eż. ikabbru l-bżar flimkien man-nebbieta tal-ħjar u dawn tal-aħħar iħalluhom hemm anke wara l-ħsad. Waqt il-ħsad, in-nebbieta li jiġu sseparati kienu jinġabru flimkien ma' ammont żgħir ta' ħamrija. Il-ġardinara introduċew ukoll l-irrigazzjoni regolari fuq skala kbira: għall-irrigazzjoni kienu jużaw ilma qiegħed imsaħħan jew ilma ġieri li gej minn flussi tal-ilma baxx u li jimxi bil-mod. Kellhom metodu uniku li bih kienu jieħdu u jiskulaw l-ilma. Matul dan il-perjodu, fiż-żona ta' Szentes, kienet tintuża l-mitħna tal-ilma li kienet adattata għal-livell varjabbli tal-ilma.

Għarfien lokali

Fir-reġjun ta' produzzjoni ta' Szentes il-wiċċ tal-ħamrija jżomm sew is-sħana. Peress li l-ħamrija li fiha titkabbar is-“Szentesi paprika” tassorbi aktar sħana milli tiġi rilaxxata permezz tar-radjazzjoni, mas-sebħ, il-provvista ta' sħana tal-ħamrija u tal-arja tal-wiċċ jitħalltu, u b'hekk tiżdied aktar it-temperatura. Il-mikroklima bbilanċjat prodott bil-provvista armonizzata ta' sħana u l-produzzjoni saqwija introdotta mill-“ġardinara Bulgari” jingħaqdu flimkien biex jipproduċu t-togħma eċċezzjonali tas-'Szentesi paprika', li għandha bżonn ta' ħafna sħana u ilma.

Flimkien mal-fatturi naturali jingħaqdu wkoll l-attivitajiet tal-bdiewa lokali u l-esperjenza prattika miksuba mill-produzzjoni infurzata (regolazzjoni tas-sħana, ventilazzjoni, dell, kura tal-pjanti) li jgħaddu minn ġenerazzjoni għall-oħra. Dan l-għarfien għen biex jikkumpensa għall-effetti negattivi tal-kundizzjonijiet meteoroloġiċi estremi tal-aħħar deċenni, biex jiggarantixxi u fejn huwa possibbli jippreżerva t-togħma u l-kulur tas-“Szentesi paprika” kif ukoll il-forma attraenti tagħha li hija karatteristika tad-diversi tipi ta' varjetajiet.

Fil-fatt, it-tekniki introdotti mill-“ġardinara Bulgari” matul madwar 150 sena ta' kultivazzjoni, ġew adattati għall-bżonnijiet tal-ġurnata. Il-fatturi essenzjali għat-tkabbir tal-bżar ġew ivvalutati mill-ġdid matul il-proċess ta' produzzjoni u ġew żviluppati metodi ġodda ta' produzzjoni. Sas-snin sittin, fost il-fatturi l-aktar importanti għall-produzzjoni tas-“Szentesi paprika” kien hemm il-kundizzjoni tajba tal-ħamrija, il-potenzjal tal-irrigazzjoni (ix-xmajjar Tisza u Körös u s-sistemi tal-kanali ta' irrigazzjoni), l-għadd ta' sigħat ta' xemx (potenzjal għat-tkabbir bikri) u t-tisħin fil-bidu tar-rebbiegħa. Il-perjodu li jmiss beda mill-aħħar tas-snin sittin sal-aħħar tas-snin tmenin. Il-produtturi tal-bżar bdew jużaw it-tisħin bikri għall-koltivazzjoni fis-serer billi jisfruttaw bl-aħjar mod l-ammont kbir ta' sigħat ta' xemx waqt ix-xhur tax-xitwa u tar-rebbiegħa. Mill-iskoperta tal-enerġija ġeotermali fir-reġjun li seħħet bejn is-snin sittin u s-snin tmenin, il-produzzjoni tas-“Szentesi paprika” ċċaqalqet mill-arja aperta għas-serer, fejn qed jiżdiedu dejjem aktar il-metodi ta' produzzjoni li mhumiex ibbażati fuq il-ħamrija.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

(l-Artikolu 5(7) tar-Regolament (3) (KE) Nru 510/2006)

Vidékfejlesztési Értesítő (Bullettin tal-Iżvilupp Rurali), 16 ta' Novembru 2011, Volum LXI, Nru 6, p. 317

http://elelmiszerlanc.kormany.hu/minosegpolitika


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  Mibdul permezz tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(3)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna Nru 2.


Top