Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R1413

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/1413 tal-24 ta' Awwissu 2016 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 432/2012 li jistabbilixxi lista ta' indikazzjonijiet permessi dwar is-saħħa li jsiru fuq l-ikel, barra dawk li jirreferu għat-tnaqqis fir-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2016/5371

    ĠU L 230, 25.8.2016, p. 8–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1413/oj

    25.8.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 230/8


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1413

    tal-24 ta' Awwissu 2016

    li jemenda r-Regolament (UE) Nru 432/2012 li jistabbilixxi lista ta' indikazzjonijiet permessi dwar is-saħħa li jsiru fuq l-ikel, barra dawk li jirreferu għat-tnaqqis fir-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 13(4) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 jistipula li l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa li jsiru fuq l-ikel huma pprojbiti sakemm ma jkunux awtorizzati mill-Kummissjoni skont dak ir-Regolament u jkunu inklużi f'lista ta' indikazzjonijiet permessi.

    (2)

    Skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (UE) Nru 432/2012 (2) li jistabbilixxi lista ta' indikazzjonijiet permessi dwar is-saħħa li jsiru fuq l-ikel, barra dawk li jirreferu għat-tnaqqis fir-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal.

    (3)

    Il-lista tal-indikazzjonijiet permessi dwar is-saħħa u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom hija stipulata fl-Anness tar-Regolament (UE) Nru 432/2012. Iż-żewġ indikazzjonijiet ġew awtorizzati għal sostituti tal-ikliet għall-kontroll tal-piż. Skont il-kundizzjonijiet ta' użu ta' dawk l-indikazzjonijiet, biex l-ikel ikollu dik l-indikazzjoni, irid jikkonforma mal-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva tal-Kummissjoni 96/8/KE (3).

    (4)

    Dawk l-indikazzjonijiet ġew inklużi fil-lista tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa permessi skont l-Opinjoni favorevoli tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn hawn 'il quddiem “l-Awtorità”) tal-2010 (il-Mistoqsija EFSA-Q-2008-2154, EFSA-Q-2008-2155 (4)) li kkonkludiet li ġiet stabbilita relazzjoni ta' kawża u effett bejn il-konsum ta' sostituti tal-ikliet minflok ikliet regolari u ż-żamma tal-piż tal-ġisem wara li jkun intilef il-piż kif ukoll bejn il-konsum ta' sostituti tal-ikliet minflok ikliet regolari fil-kuntest ta' dieti ristretti fl-enerġija u t-tnaqqis fil-piż tal-ġisem. L-Opinjoni tgħid li biex ikollu l-indikazzjonijiet, prodott tal-ikel għandu jkun fih massimu ta' 250 kcal għal kull porzjon u għandu jikkonforma mal-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 96/8/KE.

    (5)

    Id-Direttiva 96/8/KE tistipula r-rekwiżiti tal-kompożizzjoni għal ikel maħsub biex jintuża f'dieti ristretti fl-enerġija għat-tnaqqis fil-piż li jissostitwixxi għalkollox jew parzjalment id-dieta kollha ta' kuljum u jispeċifika dettalji obbligatorji li għandhom jidhru fuq it-tikketta ta' dawk il-prodotti. Tistipula li fir-rigward ta' prodotti li jiġu ppreżentati bħala sostituti ta' ikla waħda jew iktar mid-dieta ta' kuljum, l-isem li jinbiegħu bih ikun “sostituzzjoni ta' ikla għall-kontroll tal-piż”.

    (6)

    Ir-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) jirrevedi l-qafas legali applikabbli għall-ikel għal użi nutrizzjonali partikolari. Dan jistipula li d-Direttiva 96/8/KE m'għandhiex tapplika mill-20 ta' Lulju 2016 għal ikel ippreżentat bħala sostitut ta' ikla waħda jew iktar mid-dieta ta' kuljum, li fil-futur għandu jiġi regolat skont ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 u għandu jikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fih.

    (7)

    Għaldaqstant, ir-referenzi għad-Direttiva 96/8/KE rigward l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa li jistgħu jsiru fuq sostituti tal-ikliet għall-kontroll tal-piż jeħtieġ li jinbidlu billi jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet għall-użu ta' dawk l-indikazzjonijiet fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 432/2012.

    (8)

    L-Artikolu 13(4) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni, li wara li tikkonsulta lill-Awtorità, tadotta tibdil fil-lista ta' indikazzjonijiet dwar is-saħħa permessi abbażi ta' evidenza xjentifika ġeneralment aċċettata.

    (9)

    Meta jiġu introdotti adattamenti tekniċi neċessarji dwar l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa għal sostituti tal-ikliet għall-kontroll tal-piż għandhom jiġu kkunsidrati r-rekwiżiti fir-rigward tal-ammonti ta' vitamini u minerali fl-ikel stabbiliti fid-Direttiva 96/8/KE.

    (10)

    Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) jistabbilixxi regoli dwar l-għoti ta' informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi. Il-Parti A tal-Anness XIII tistipula valuri ta' referenza tan-nutrijenti għall-vitamini u l-minerali abbażi ta' pariri xjentifiċi reċenti.

    (11)

    Għaldaqstant, il-Kummissjoni talbet lill-Awtorità biex tagħti parir xjentifiku dwar jekk bidla fil-kundizzjonijiet ta' użu għall-indikazzjonijiet dwar sostitti tal-ikliet għall-kontroll tal-piż fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-vitamini u l-minerali tagħhom (30 % tal-valuri ta' referenza tan-nutrijent ta' vitamini u minerali stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 minflok it-30 % tal-valuri tal-vitamini u l-minerali stabbiliti fid-Direttiva 96/8/KE) taffettwax il-konklużjonijiet milħuqa fl-Opinjoni tal-Awtorità tal-2010 fir-rigward tal-prova xjentifika tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa relatati ma' sostituti tal-ikliet għall-kontroll tal-piż.

    (12)

    L-Awtorità adottat Opinjoni fit-28 ta' Ottubru 2015 (il-Mistoqsija EFSA-Q-2015-00579) (7) u kkonkludiet li d-differenzi fil-kompożizzjoni tal-mikronutrijenti ta' sostituti tal-ikliet li jirriżultaw minn bidla fil-kundizzjonijiet ta' użu mid-Direttiva 96/8/KE għar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 ma jaffettwawx il-prova xjentifika tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa relatati mas-sostituti tal-ikliet għall-kontroll tal-piż u t-tnaqqis fil-piż tal-ġisem u l-manutenzjoni tal-piż tal-ġisem wara li jintilef il-piż.

    (13)

    Il-valuri ta' referenza tan-nutrijenti għall-fluworidu, għall-kromju, għall-klorur u għall-molibdenu jinsabu fl-Anness XIII tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011. Id-Direttiva 96/8/KE ma teħtieġx iż-żieda ta' dawn il-mikronutijenti ma' sostituti tal-ikliet għall-kontroll tal-piż. Meta jitqies li l-effetti mistqarra tas-sostituti tal-ikliet għall-kontroll tal-piż huma relatati mal-kontenut ikkontrollat tal-enerġija u l-kontenut relattivament għoli ta' proteina u baxx ta' xaħam, m'hemmx bżonn li jkun stipulat li s-sostituti tal-ikliet għall-kontroll tal-piż jipprovdu mill-anqas 30 % tal-valuri ta' referenza tan-nutrijenti tal-fluworidu, tal-kromju, tal-klorur u tal-molibdenu għal kull ikla kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 1169/2011

    (14)

    L-Anness XIII tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 ma jistabbilixxix valur ta' referenza tan-nutrijent tas-sodju. Madankollu, meta jitqies l-użu maħsub tal-prodotti ta' sostituti tal-ikliet għall-kontroll tal-piż, ir-rekwiżit ta' 30 % tal-ammont ta' sodju għal kull ikla kif stabbilit fl-Anness I tad-Direttiva 96/8/KE għandu jibqa' jinżamm fil-kundizzjonijiet ta' użu ta' dawk l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa.

    (15)

    Il-valur ta' referenza tan-nutrijent tal-potassju huwa stabbilit għal 2000 milligramm fil-Parti A tal-Anness XIII tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011. Id-Direttiva 96/8/KE ma tistipulax li sostituti ta' ikla għall-kontroll tal-piż trid tipprovdi 30 % tal-valur tal-potassju, iżda tistabbilixxi ammont minimu ta' 500 milligramma għal kull ikla. Dan il-valur għandu jibqa' jinżamm.

    (16)

    Billi l-Opinjoni tal-Awtorità tal-2015 ikkonfermat il-konklużjonijiet tal-Opinjoni tagħha tal-2010 rigward il-kontenut tal-enerġija tal-prodotti kkonċernati, għandu jiġi stabbilit massimu ta' 250 kcal għal kull porzjon. Ir-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva 96/8/KE dwar ix-xaħam, il-proteina u l-aċidi amminiċi għandhom jinżammu.

    (17)

    Fir-rigward tad-dettalji obbligatorji li għandhom jidhru fuq it-tikketta ta' sostituti tal-ikliet għall-kontroll tal-piż, ir-rekwiżiti tal-informazzjoni dwar l-ikel inklużi fid-Direttiva 96/8/KE għandhom jinżammu fil-kundizzjonijiet ta' użu tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa rilevanti.

    (18)

    Biex l-operaturi tan-negozji tal-ikel ikunu jistgħu jadattaw għall-bidliet meħtieġa rigward il-kundizzjonijiet ta' użu tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa għal sostituti tal-ikliet għall-kontroll tal-piż, b'mod partikulari dwar il-kontenut ta' enerġija u l-kontenut ta' vitamini u minerali, għandu jingħata perjodu tranżizzjonali.

    (19)

    Għaldaqstant, ir-Regolament (UE) Nru 432/2012 għandu jiġi emendat skont dan.

    (20)

    Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness tar-Regolament (UE) Nru 432/2012 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Awwissu 2016.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 404, 30.12.2006, p. 9.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 432/2012 tas-16 ta' Mejju 2012 li jistabbilixxi lista ta' indikazzjonijiet permessi dwar is-saħħa li jsiru fuq l-ikel, barra dawk li jirreferu għat-tnaqqis fir-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal (ĠU L 136, 25.5.2012, p. 1).

    (3)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 96/8/KE tas-26 ta' Frar 1996 dwar ikel maħsub sabiex jintuża f'dieti ta' restrizzjoni ta' enerġija għat-tnaqqis fil-piż (ĠU L 55, 6.3.1996, p. 22).

    (4)  The EFSA Journal 2010; 8(2):1466.

    (5)  Ir-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar ikel maħsub għat-trabi u t-tfal żgħar, ikel għal skopijiet mediċi speċjali, u bħala sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 92/52/KEE, id-Direttivi tal-Kummissjoni 96/8/KE, 1999/21/KE, 2006/125/KE u 2006/141/KE, id-Direttiva 2009/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 41/2009 u (KE) Nru 953/2009 (ĠU L 181, 29.6.2013, p. 35).

    (6)  Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar l-għoti ta' informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18).

    (7)  The EFSA Journal 2015; 13(11): 4287.


    ANNESS

    Fl-Anness tar-Regolament (UE) Nru 432/2012, l-entrati għall-kategoriji ta' ikel “sostitut ta' ikla għall-kontroll tal-piż” jinbidlu b'dan li ġej:

    Nutrijent, sustanza, ikel jew kategorija tal-ikel

    Indikazzjoni

    Kundizzjonijiet għall-użu tal-indikazzjoni

    Kundizzjonijiet u/jew restrizzjonijiet tal-użu tal-ikel u/jew dikjarazzjoni jew twissija addizzjonali

    Numru tal-Ġurnal tal-EFSA

    Numru tad-dħul rilevanti fil-Lista Konsolidata ppreżentata lill-EFSA għall-valutazzjoni tagħha

    “Sostitut ta' ikla għall-kontroll tal-piż

    Is-sostituzzjoni ta' waħda mill-ikliet ewlenin ta' kuljum f'dieta ta' enerġija ristretta b'sostitut ta' ikla tikkontribwixxi għaż-żamma ta' piż wara li jintilef il-piż

    Biex tintwera l-indikazzjoni, prodott tal-ikel għandu jikkonforma mar-rekwiżiti li ġejjin:

    1.   Il-kontenut ta' enerġija

    Il-kontenut tal-enerġija m'għandux ikun anqas minn 200 kcal (840 kJ) u m'għandux jaqbeż il-250 kcal (1 046  kJ) għal kull ikla. (*)

    2.   Il-kontenut u l-kompożizzjoni ta' xaħam

    L-enerġija miksuba mix-xaħam m'għandhiex taqbeż it-30 % tat-total tal-kontenut ta' enerġija disponibbli tal-prodott.

    L-aċidu linoleniku (f'forma ta' gliċeridi) m'għandux ikun anqas minn 1 g.

    3.   Il-kontenut u l-kompożizzjoni ta' proteini

    Il-proteini li jinsabu fl-ikel m'għandhomx jipprovdu anqas minn 25 % u mhux aktar minn 50 % tat-total tal-kontenut ta' enerġija tal-prodott.

    L-indiċi kimiku tal-proteini għandu jkun daqs dak stabbilit mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa fir-rapport “Energy and protein requirements” (Rekwiżiti tal-enerġija u tal-proteini) Report of a Joint WHO/FAO/UNU Meeting. Geneva: World Health Organisation, 1985 (WHO Technical Report Series, 724):

    Mudell tar-rekwiżit tal-aċidu amminiku (g/100 g proteina)

    Ċistina + metjonina

    1,7

    Istidina

    1,6

    Isolewċina

    1,3

    Lewċina

    1,9

    Liżina

    1,6

    Fenilalanina + Tirożina

    1,9

    Treonina

    0,9

    Triptofan

    0,5

    Valina

    1,3

    L-“indiċi kimiku” għandu jfisser l-anqas fost ir-relattivitajiet bejn il-kwantità ta' kull wieħed mill-amminoaċidi essenzjali tal-proteina tat-test u l-kwantità ta' kull kull wieħed mill-amminoaċidi korrispondenti tal-proteina ta' referenza.

    Jekk l-indiċi kimiku jkun aktar baxx minn 100 % tal-proteina ta' referenza, il-livelli minimi ta' proteina għandhom jiġu miżjuda b'mod li jikkorrispondi. Fi kwalunkwe każ l-indiċi kimiku tal-proteini għandu jkun tal-anqas ugwali għal 80 % ta' dak tal-proteini ta' referenza.

    Fil-każijiet kollha, iż-żieda ta' amminoaċidi tista' ssir biss bil-għan li ttejjeb il-valur nutrittiv tal-proteini, u fil-proporzjonijiet meħtieġa għal dan l-iskop.

    4.   Vitamini u minerali

    L-ikel għandu jipprovdi mill-inqas 30 % tal-ammonti tal-valuri ta' referenza tan-nutrijent ta' vitamini u minerali għal kull ikla kif stabbilit fl-Anness XIII tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011. Dan ir-rekwiżit ma japplikax għall-fluworur, għall-kromju, għall-klorur u għall-molibdenu. L-ammont ta' sodju għal kull ikla pprovdut mill-ikel għandu jkun tal-anqas 172,5 mg. L-ammont ta' potassju għal kull ikla pprovdut mill-ikel għandu jkun tal-anqas 500 mg. (**)

    Biex tintwera l-indikazzjoni, għandu jingħata tagħrif lill-konsumaturi dwar l-importanza li wieħed jieħu ammont adegwat ta' fluwidu kuljum u dwar il-fatt li l-prodotti huma utili għall-użu maħsub biss bħala parti minn dieta ta' enerġija ristretta u li ikel ieħor għandu jkun parti meħtieġa ta' dieta bħal din.

    Biex jinkiseb l-effett mistqarr, ikla waħda prinċipali kuljum għandha tiġi sostitwita b'sostitut ta' ikla.

    2010; 8(2):1466

    2015; 13(11):4287

    1418

    Sostitut ta' ikla għall-kontroll tal-piż

    Is-sostituzzjoni ta' żewġ ikliet prinċipali kuljum waqt dieta ta' enerġija ristretta b'sostituti tal-ikel tikkontribwixxi għal tnaqqis fil-piż

    Biex tintwera l-indikazzjoni, prodott tal-ikel għandu jikkonforma mar-rekwiżiti li ġejjin:

    1.   Il-kontenut ta' enerġija

    Il-kontenut tal-enerġija m'għandux ikun anqas minn 200 kcal (840 kJ) u m'għandux jaqbeż il-250 kcal (1 046  kJ) għal kull ikla. (*)

    2.   Il-kontenut u l-kompożizzjoni ta' xaħam

    L-enerġija miksuba mix-xaħam m'għandhiex taqbeż it-30 % tat-total tal-kontenut ta' enerġija disponibbli tal-prodott.

    L-aċidu linoleniku (f'forma ta' gliċeridi) m'għandux ikun anqas minn 1 g.

    3.   Il-kontenut u l-kompożizzjoni ta' proteini

    Il-proteini li jinsabu fl-ikel m'għandhomx jipprovdu anqas minn 25 % u mhux aktar minn 50 % tat-total tal-kontenut ta' enerġija tal-prodott.

    L-indiċi kimiku tal-proteini għandu jkun daqs dak stabbilit mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa fir-rapport “Energy and protein requirements” (Rekwiżiti tal-enerġija u tal-proteini). Report of a Joint WHO/FAO/UNU Meeting. Geneva: World Health Organisation, 1985 (WHO Technical Report Series, 724):

    Mudell tar-rekwiżit tal-aċidu amminiku (g/100 g proteina)

    Ċistina + metjonina

    1,7

    Istidina

    1,6

    Isolewċina

    1,3

    Lewċina

    1,9

    Liżina

    1,6

    Fenilalanina + Tirożina

    1,9

    Treonina

    0,9

    Triptofan

    0,5

    Valina

    1,3

    L-“indiċi kimiku” għandu jfisser l-anqas fost ir-relattivitajiet bejn il-kwantità ta' kull wieħed mill-amminoaċidi essenzjali tal-proteina tat-test u l-kwantità ta' kull kull wieħed mill-amminoaċidi korrispondenti tal-proteina ta' referenza.

    Jekk l-indiċi kimiku huwa aktar baxx minn 100 % tal-proteina ta' referenza, il-livelli minimi ta' proteina għandhom jiġu miżjuda b'mod li jikkorrispondi. Fi kwalunkwe każ l-indiċi kimiku tal-proteini għandu jkun tal-anqas ugwali għal 80 % ta' dak tal-proteini ta' referenza.

    Fil-każijiet kollha, iż-żieda ta' amminoaċidi tista' ssir biss bil-għan li ttejjeb il-valur nutrittiv tal-proteini, u fil-proporzjonijiet meħtieġa għal dan l-iskop.

    4.   Vitamini u minerali

    L-ikel għandu jipprovdi mill-inqas 30 % tal-ammonti tal-valuri ta' referenza tan-nutrijent ta' vitamini u minerali għal kull ikla kif stabbiliti fl-Anness XIII għar- Regolament (UE) Nru 1169/2011. Dan ir-rekwiżit ma japplikax għall-fluworur, għall-kromju, għall-klorur u għall-molibdenu. L-ammont ta' sodju għal kull ikla pprovdut mill-ikel għandu jkun tal-anqas 172,5 mg. L-ammont ta' potassju għal kull ikla pprovdut mill-ikel għandu jkun tal-anqas 500 mg. (**)

    Biex tintwera l-indikazzjoni, għandu jingħata tagħrif lill-konsumaturi dwar l-importanza li wieħed jieħu ammont adegwat ta' fluwidu kuljum u dwar il-fatt li l-prodotti huma utili għall-użu maħsub biss bħala parti minn dieta ta' enerġija ristretta u li ikel ieħor għandu jkun parti meħtieġa ta' dieta bħal din.

    Biex jinkiseb l-effett mistqarr, żewġ ikliet prinċipali kuljum għandhom jiġu sostitwiti b'sostituti tal-ikel ta' kuljum.

    2010; 8(2):1466

    2015; 13(11):4287

    1417


    (*)  Mill-21 ta' Lulju 2016 sal-14 ta' Settembru 2019 il-kontenut ta' enerġija tal-ikel m'għandux ikun anqas minn 200 kcal (840 kJ) u m'għandux ikun aktar minn 400 kcal (1 680 kJ).

    (**)  Mill-21 ta' Lulju 2016 sal-14 ta' Settembru 2019 l-ikel għandu jipprovdi tal-anqas 30 % tal-ammonti ta' vitamini u minerali speċifikati fit-Tabella ta' hawn taħt għal kull ikla:

    Vitamina A

    (μg RE)

    700

    Vitamina D

    (μg)

    5

    Vitamina E

    (mg)

    10

    Vitamina Ċ

    (mg)

    45

    Tijamina

    (mg)

    1,1

    Riboflavina

    (mg)

    1,6

    Niaċina

    (mg-ne)

    18

    Vitamina B6

    (mg)

    1,5

    Folat

    (μg)

    200

    Vitamina B12

    (μg)

    1,4

    Bijotina

    (μg)

    15

    Aċidu pantoteniku

    (mg)

    3

    Kalċju

    (mg)

    700

    Fosforu

    (mg)

    550

    Ħadid

    (mg)

    16

    Żingu

    (mg)

    9,5

    Ram

    (mg)

    1,1

    Jodju

    (μg)

    130

    Selenju

    (μg)

    55

    Sodju

    (mg)

    575

    Manjeżju

    (mg)

    150

    Manganiż

    (mg)

    1

    Mill-21 ta' Lulju 2016 sal-14 ta' Settembru 2019, l-ammont ta' potassju għal kull ikla pprovdut mill-ikel għandu jkun tal-anqas 500 mg.”


    Top