EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D1861

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1861 tal-14 ta' Ottubru 2016 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/830/UE dwar kontribuzzjoni finanzjarja addizzjonali għall-programmi tal-Istati Membri għall-kontroll, l-ispezzjoni u s-sorveljanza tas-sajd għall-2012 (notifikata bid-dokument C(2016) 6477)

C/2016/6477

OJ L 284, 20.10.2016, p. 33–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2016/1861/oj

20.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 284/33


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1861

tal-14 ta' Ottubru 2016

li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/830/UE dwar kontribuzzjoni finanzjarja addizzjonali għall-programmi tal-Istati Membri għall-kontroll, l-ispezzjoni u s-sorveljanza tas-sajd għall-2012

(notifikata bid-dokument C(2016) 6477)

(It-testi bl-ilsien Bulgaru, Daniż, Finlandiż, Franċiż, Ġermaniż, Grieg, Ingliż, Latvjan, Litwan, Malti, Olandiż, Pollakk, Portugiż, Spanjol, Żvediż u Taljan biss huma awtentiċi)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 (UE) u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 129(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 861/2006 tat-22 ta' Mejju 2006 li jistabbilixxi miżuri finanzjarji tal-Unjoni għall-implimentazzjoni tal-politika komuni tas-sajd u fil-qasam tal-Liġi tal-Baħar (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 21 tiegħu,

Billi:

(1)

Bi qbil mal-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 861/2006, l-Istati Membri ppreżentaw il-programmi tagħhom għall-kontroll tas-sajd għall-2012 lill-Kummissjoni, u l-applikazzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għan-nefqa mġarrba biex jitwettqu l-proġetti li hemm f'dawn il-programmi.

(2)

Fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/830/UE (3), il-Kummissjoni ffissat l-ammont massimu u r-rata tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għal kull proġett fil-limiti stabbiliti bl-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 861/2006, u stabbiliet il-kundizzjonijiet li skonthom jistgħu jingħataw dawn il-kontribuzzjonijiet.

(3)

L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/830/UE jistipula li kull pagament li jintalab rimborż għalih għandu jsir mill-Istat Membru kkonċernat sat-30 ta' Ġunju 2016, u li l-pagamenti li jsiru wara dik id-data ma jkunux eliġibbli għar-rimborż.

(4)

Fl-ewwel sitt xhur tal-2016, bosta Stati Membri għarrfu lill-Kummissjoni li kienu sabu diffikultà biex jilħqu dik l-iskadenza minħabba l-kriżi finanzjarja u xi diffikultajiet tekniċi li nqalgħu.

(5)

Biex tiżgura li l-Istati Membri jkunu jistgħu jkomplu dawn il-proġetti u ma jagħtuhomx il-ġenb għax jieqaf ir-rimborż tal-Kummissjoni wara l-ewwel sitt xhur tal-2016, id-data tal-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/830/UE għandha tiġi estiża sal-31 ta' Marzu 2017 b'effett retroattiv mill-1 ta' Lulju 2016.

(6)

Għalhekk id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/830/UE għandha tiġi emendata skont dan.

(7)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni jaqblu mal-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/830/UE, l-ewwel sentenza tinbidel b'dan li ġej:

“Kull pagament li jintalab rimborż għalih għandu jsir mill-Istat Membru kkonċernat sal-31 ta' Marzu 2017.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Lulju 2016.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju, lir-Repubblika tal-Bulgarija, lir-Renju tad-Danimarka, lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, lill-Irlanda, lir-Repubblika Ellenika, lir-Renju ta' Spanja, lir-Repubblika Franċiża, lir-Repubblika Taljana, lir-Repubblika tal-Latvja, lir-Repubblika tal-Litwanja, lir-Repubblika ta' Malta, lir-Renju tan-Netherlands, lir-Repubblika tal-Awstrija, lir-Repubblika tal-Polonja, lir-Repubblika Portugiża, lir-Repubblika tal-Finlandja, lir-Renju tal-Iżvezja, u lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Ottubru 2016.

Għall-Kummissjoni

Karmenu VELLA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 149, 20.5.2014, p. 1

(2)  ĠU L 160, 14.6.2006, p. 1

(3)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/830/UE tas-7 ta' Diċembru 2012 dwar kontribuzzjoni finanzjarja addizzjonali għall-programmi tal-Istati Membri għall-kontroll, l-ispezzjoni u s-sorveljanza tas-sajd għall-2012 (ĠU L 356, 22.12.2012, p. 78).


Top