Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R0727

    Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 727/2008 ta’ l- 24 ta’ Lulju 2008 li jtemm ir-reviżjoni ta’ esportatur ġdid tar-Regolament (KE) Nru 130/2006 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ l-aċidu tartariku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

    ĠU L 200, 29.7.2008, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 27/01/2011

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/727/oj

    29.7.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 200/1


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 727/2008

    ta’ l-24 ta’ Lulju 2008

    li jtemm ir-reviżjoni ta’ esportatur ġdid tar-Regolament (KE) Nru 130/2006 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ l-aċidu tartariku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-ħarsien kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġetti ta’ dumping minn pajjiżi li m’humiex membri tal-Komunità Ewropea (1) (ir-“Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(4) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

    Billi:

    1.   IL-MIŻURI FIS-SEĦĦ

    (1)

    Bir-Regolament (KE) Nru 130/2006 (2), il-Kunsill impona dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ l-aċidu tartariku li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. (“RPĊ”) (“l-investigazzjoni oriġinali”) Il-miżuri fis-seħħ jikkonsistu f’rata tad-dazju ad valorem ta’ 34,9 %, bl-eċċezzjoni ta’ diversi kumpaniji msemmija espressament li huma soġġetti għal rati ta’ dazju individwali.

    (2)

    Bir-Regolament (KE) Nru 150/2008 (3), wara reviżjoni interim skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, il-Kunsill emenda l-ambitu tal-miżuri.

    2.   L-INVESTIGAZZJONI PREŻENTI

    2.1.   Talba għal reviżjoni

    (3)

    Wara l-impożizzjonji tal-miżuri ta’ anti-dumping definittiv, il-Kummissjoni rċeviet talba għal reviżjoni ta’ “esportatur ġdid” skond l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku. It-talba kienet ibbażata fuq it-talba li l-produttur esportatur, Fuyang Genebest Chemical Industry Co. Ltd (“l-applikant”),

    ma esportax aċidu tartariku qabel jew waqt il-perjodu ta’ investigazzjoni ta’ l-investigazzjoni oriġinali,

    ma kienx relatat ma’ ebda produtturi esportaturi soġġetti għall-miżuri imposti b’dan ir-Regolament (KE) 130/2006,

    kien beda jesporta l-aċidu tartariku lill-Komunità wara t-tmiem tal-perjodu ta’ l-investigazzjoni ta’ l-investigazzjoni oriġinali,

    jopera f’kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq kif definiti fl-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku jew alternattivament jitlob trattament individwali konformi ma’ l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku.

    2.2.   Il-bidu ta’ analiżi “esportatur ġdid”

    (4)

    Il-Kummissjoni eżaminat l-evidenza prima facie mressqa mill-applikant u qesitha biżżejjed biex tiġġustifika li jingħata bidu għal reviżjoni skond l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku. Wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv u wara li l-industrija Komunitarja kkonċernata ngħatat l-opportunità li tikkummenta, il-Kummissjoni bdiet, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1406/2007 (4), reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 130/2006 rigward l-applikant.

    (5)

    Skond l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1406/2007, ġie revokat id-dazju anti-dumping impost mir-Regolament (KE) Nru 130/2006 fuq importazzjonijiet ta’ aċidu tartariku prodotti mill-applikant. Fl-istess waqt, skond l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, l-awtoritajiet tad-dwana ngħataw direttiva biex jieħdu passi adegwati biex jirreġistraw l-importazzjonijiet ta’ l-aċidu tartariku prodotti mill-applikant.

    2.3.   Il-prodott ikkonċernat

    (6)

    Il-prodott ikkonċernat mir-reviżjoni kurrenti hu l-aċidu tartariku, l-istess bħal fl-investigazzjoni oriġinali, soġġett, madankollu, għal-limitazzjoni f’ambitu introdott mir-Regolament (KE) Nru 150/2008.

    2.4.   Il-partijiet ikkonċernati

    (7)

    Il-Kummissjoni uffiċjalmenti avżat lill-industrija Komunitarja, l-applikant u r-rappreżentanti tal-pajjiż esportatur li kien ingħata bidu ta’ din ir-reviżjoni. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jinstemgħu.

    (8)

    Il-Kummissjoni bagħtet formola ta’ talba għal trattament ta’ ekonomija tas-suq flimkien ma’ kwestjonarju lill-applikant u rċeviet risposta fl-iskadenzi stabbiliti għal dan il-għan.

    (9)

    Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat it-tagħrif kollu li tqis neċessarju għall-analiżi tagħha u wettqet żjara ta’ verifikazzjoni fl-istabbilimenti ta’ l-applikant

    2.5.   Perjodu għall-investigazzjoni tar-reviżjoni

    (10)

    L-investigazzjoni tad-dumping kopriet il-perjodu mill-1 ta’ April 2006 sat-30 ta’ Settembru 2007 (“perjodu ta’ investigazzjoni tar-reviżjoni” jew “PIR”).

    3.   IR-RIŻULTATI TA’ L-INVESTIGAZZJONI

    3.1.   Riżultati

    (11)

    Ir-risposta tal-kwestjonarju indikat għadd ta’ tranżazzjonijiet ta’ bejgħ ta’ l-esportazzjoni li kienu identiċi għat-tagħrif imressaq fl-applikazzjoni għar-reviżjoni u li kienu allegatament maħsuba għall-Komunità.

    (12)

    L-investigazzjoni uriet li l-applikant ma esportax il-prodott ikkonċernat direttament (definit fit-taqsima 2.3. hawn fuq) waqt il-PIR. It-transazzjonijiet ta’ l-esportazzjoni kienu saru minn kumpanija indipendenti fil-RPĊ, li lilha l-applikant ħarġilha fattura domestika. L-applikant seta’ jipprovdi formoli ta’ dikjarazzjoni tad-dwana biss li urew li l-oġġetti kienu esportati mill-RPĊ iżda li ma indikawx id-destinazzjoni ta’ l-esportazzjoni. Twettqet aktar investigazzjoni fl-istabbilimenti ta’ din il-kumpanija sabiex tinkiseb u tkun verifikata l-evidenza neċessarja ta’ l-esportazzjonijiet allegati lill-Komunità.

    (13)

    Il-verifika tad-dokumentazzjoni ta’ l-esportazzjoni ma wrietx li l-oġġetti kienu meħlusa għal ċirkolazzjoni libera fil-Komunità. L-oġġetti kienu nħattu f’żewġ portijiet tal-Komunità, iżda l-fatturi kienu indirizzati lil klijent li joqgħod f’pajjiż terz barra l-Komunità. Il-kumpanija kkonfermat li d-destinazzjoni finali ta’ l-oġġetti kienet barra l-Komunità, fejn kien joqgħod il-klijent finali.

    (14)

    L-istatistika ta’ l-Eurostat ta’ l-importazzjoni ta’ aċidu tartariku ġiet analizzata wkoll. L-analiżi ta’ l-istatistika ta’ l-importazzjoni kkonfermat li l-oġġetti esportati mill-applikant ma kinux meħlusa għal ċirkolazzjoni libera fi ħdan il-Komunità.

    3.2.   Konklużjoni

    (15)

    Fuq il-bażi tar-riżultati ta’ hawn fuq, ġie konkluż li l-applikant ma setax juri li ssodisfa l-kriterji minħabba li ġie kkunsidrat esportatur ġdid fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażi.

    (16)

    L-għan ta’ din ir-reviżjoni preżenti kien li jiġi ddeterminat il-marġni individwali tad-dumping ta’ l-applikant, li allegatament kien differenti mill-marġni residwu applikabbli fil-preżent fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mir-RPĊ. It-talba kienet l-aktar ibbażata fuq l-allegazzjoni li l-applikant kien beda jesporta l-aċidu tartariku lill-Komunità wara t-tmiem tal-perjodu ta’ investigazzjoni ta’ l-investigazzjoni oriġinali u li kellha esportazzjonijiet tali lill-Komunità matul il-PIR.

    (17)

    L-investigazzjoni kkonkludiet li, fin-nuqqas ta’ esportazzjonijiet lill-Komunità matul il-PIR, il-Kummissjoni ma setgħetx tistabbilixxi li l-marġni individwali tad-dumping ta’ l-applikant kien fil-fatt differenti mill-marġni residwu tad-dumping stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali. Għaldaqstant, it-talba li ressaq l-applikant ma għandhiex tintlaqa’, u r-reviżjoni ta’ “esporatur ġdid” għandha tintemm. B’konsegwenza, għandu jinżamm id-dazju residwu ta’ l-anti-dumping stabbilit matul l-investigazzjoni oriġinali, jiġifieri 34,9 %, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-applikant.

    4.   IMPOSTA RETROATTIVA TAD-DAZJU ANTIDUMPING

    (18)

    Fid-dawl tal-konklużjonijiet ta’ hawn fuq, id-dazju ta’ l-antidumping applikabbli għall-applikant għandu jiġi impost retroattivament fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat, li saru soġġetti għar-reġistrazzjoni skond l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1406/2007.

    5.   DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    (19)

    L-applikant, l-industrija tal-Komunità u r-rappreżentanti tal-pajjiż esportatur kienu informati bil-fatti essenzjali u l-konsiderazzjonijiet li jwasslu għall-konklużjonijiet ta’ hawn fuq u ngħataw opportunità biex jikkummentaw. Ma kien hemm l-ebda kummenti li kienu ta’ natura li jwasslu għal tibdil fil-konklużjonijiet t’hawn fuq.

    (20)

    Din ir-reviżjoni ma taffettwax id-data li fiha l-miżuri imposti mir-Regolament (KE) Nru 130/2006, kif emendati mir-Regolament (KE) Nru 150/2008, sejrin jiskadu skond l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1.   Ir-reviżjoni ta’ l-esportatur ġdid li bdiet bir-Regolament (KE) 1406/2007 tiġi b’dan mitmuma u d-dazju anti-dumping, li skond l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 130/2006, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 150/2008, japplika għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha” fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina hu b’dan impost fuq l-importazzjonijiet identifikati fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 1406/2007.

    2.   Id-dazju antidumping li, skond l-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 130/2006, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 150/2008, japplika għall-“kumpaniji l-oħra kollha” fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina b’dan huwa impost b’effett mill-1 ta’ Diċembru 2007 fuq importazzjonijiet ta’ aċidu tartariku li ġew irreġistrati skond l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1406/2007.

    3.   L-awtoritajiet tad-dwana b’dan qed jingħataw id-direttiva li jwaqqfu r-reġistrazzjoni li twettqet skond l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1406/2007.

    4.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieћor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet dwar id-dazji doganali li huma fis-seħħ.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 24 ta’ Lulju 2008.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    B. HORTEFEUX


    (1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2117/2005 (ĠU L 340, 23.12.2005, p. 17).

    (2)  ĠU L 23, 27.1.2006, p. 1.

    (3)  ĠU L 48, 22.2.2008, p. 1.

    (4)  ĠU L 312, 30.11.2007, p. 12


    Top