EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005R1889

Ir-Regolament (KE) Nru 1889/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 26 ta' Ottubru 2005 dwar kontrolli ta' flus kontanti deħlin fil-Komunità jew ħerġin mill-Komunità

ĠU L 309, 25.11.2005, p. 9–12 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 02/06/2021; Imħassar b' 32018R1672

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2005/1889/oj

25.11.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

9


IR-REGOLAMENT (KE) NRU 1889/2005 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-26 ta' Ottubru 2005

dwar kontrolli ta' flus kontanti deħlin fil-Komunità jew ħerġin mill-Komunità

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikoli 95 u 135 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Wieħed mill-kompiti tal-Komunità huwa li tippromwovi l-iżvilupp armonjuż, bilanċjat u sostenibbli ta' l-attivitajiet ekonomiċi fil-Komunità kollha billi tistabbilixxi suq komuni u unjoni ekonomika u monetarja. Għal dak l-għan is-suq intern jinkludi spazju mingħajr fruntieri interni li fih jiġi żgurat il-moviment liberu ta' merkanzija, persuni, servizzi u kapital.

(2)

L-introduzzjoni fis-sistema finanzjarja tar-rikavat ta' attivitajiet illegali u l-investiment ta' dan ir-rikavat wara l-“ħasil” (money laundering) tiegħu huma dannużi għall-iżvilupp ekonomiku san u sostenibbli. Għaldaqstant, id-Direttiva tal-Kunsill 91/308/KEE ta' l-10 ta' Ġunju 1991 dwar il-prevenzjoni ta' l-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus (3) introduċiet mekkaniżmu Komunitarju li jimpedixxi l-ħasil tal-flus billi jissorvelja t-transazzjonijiet li jsiru permezz ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u finanzjarji u ċerti tipi ta' professjonijiet. Billi hemm ir-riskju li l-applikazzjoni ta' dak il-mekkaniżmu jwassal għal żieda fil-movimenti ta' flus kontanti għal finijiet illeċiti, id-Direttiva 91/308/KEE għandha tiġi supplimentata b'sistema ta' kontroll fuq il-flus kontanti li jidħlu fil-Komunità jew joħorġu mill-Komunità.

(3)

Fil-preżent tali sistemi ta' kontroll huma applikati biss minn ftit Stati Membri, li jaġixxu skond il-liġi nazzjonali. Id-differenzi fil-liġijiet huma dannużi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern. L-elementi bażiċi għandhom għalhekk jiġu armonizzati fuq il-livell Komunitarju sabiex jiġi żgurat livell ekwivalenti ta' kontroll fuq movimenti ta' flus kontanti li jaqsmu l-fruntieri tal-Komunità. Tali armonizzazzjoni ma għandhiex, madankollu, tolqot il-possibbiltà għall-Istati Membri li japplikaw, skond id-dispożizzjonijiet eżistenti tat-Trattat, kontrolli nazzjonali fuq movimenti ta' flus kontanti fi ħdan il-Komunità.

(4)

Għandu jittieħed kont ukoll ta' attivitajiet kumplimentari mwettqa f'fora internazzjonali oħra, partikolarment tat-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja dwar il-Ħasil ta' Flus (FATF) li ġiet stabbilita mil-Laqgħa Għolja tal-G-7 li saret f'Pariġi fl-1989. Ir-Rakkomandazzjoni Speċjali IX tat-22 ta' Ottubru 2004 tal-FATF issejjaħ lill-gvernijiet sabiex jieħdu miżuri għall-iskoperta ta' movimenti fiżiċi ta' flus kontanti, inkluża xi sistema ta' dikjarazzjoni jew xi obbligu ieħor ta' żvelar ta' informazzjoni.

(5)

Għaldaqstant, il-flus kontanti li kwalunkwe persuna fiżika ġġorr meta tkun dieħla fil-Komunità jew ħierġa mill-Komunità għandhom ikunu suġġetti għall-prinċipju ta' dikjarazzjoni obbligatorja. Dan il-prinċipju għandu jippermetti lill-awtoritajiet tad-dwana jiġbru informazzjoni dwar tali movimenti ta' flus kontanti u, fejn xieraq, jittrasmettu tali informazzjoni lil awtoritajiet oħrajn. L-awtoritajiet tad-dwana huma preżenti fil-fruntieri tal-Komunità, fejn il-kontrolli huma l-iktar effettivi, u hemm diversi minnhom li diġà akkwistaw esperjenza prattika f'dan il-qasam. Għandu jsir użu mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 tat-13 ta' Marzu 1997 dwar għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi ta' l-Istati Membri u l-koperazzjoni bejn dawn ta' l-aħħar u l-Kummissjoni sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tal-liġi dwar materji doganali u agrikoli (4). Din l-assistenza reċiproka għandha tiżgura kemm l-applikazzjoni korretta ta' kontrolli tal-flus kontanti kif ukoll it-trasmissjoni ta' informazzjoni li tista' tgħin sabiex jinkisbu l-għanijiet tad-Direttiva 91/308/KEE.

(6)

Fid-dawl ta' l-għan preventiv u tal-karattru deterrent tiegħu, l-obbligu ta' dikjarazzjoni għandu jiġi sodisfatt meta persuna tidħol fil-Komunità jew toħroġ mill-Komunità. Madankollu, sabiex l-azzjoni ta' l-awtoritajiet tiġi ffukata fuq movimenti sinifikattivi ta' flus kontanti, biss dawk il-movimenti ta' 10 000 euro jew iżjed għandhom ikunu suġġetti għal tali obbligu. Għandu jiġi speċifikat ukoll li l-obbligu ta' dikjarazzjoni japplika għall-persuna fiżika li ġġorr il-flus kontanti, mingħajr ma jitqies jekk dik il-persuna hijiex jew le l-proprjetarju.

(7)

Għandu jsir użu minn standard komuni għall-informazzjoni li għandha tiġi provduta. Dan jippermetti lill-awtorijiet kompetenti jiskambjaw informazzjoni b'iktar faċilità.

(8)

Huwa kunsiljabbli li jiġu stabbiliti d-definizzjonijiet meħtieġa għall-interpretazzjoni uniformi ta' dan ir-Regolament.

(9)

L-informazzjoni miġbura mill-awtoritajiet kompetenti taħt dan ir-Regolament għandha tiġi mgħoddija lill-awtoritajiet msemmija fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 91/308/KEE.

(10)

Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (5) u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dik id-data (6) japplikaw għall-ipproċessar ta' “data” personali mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri skond dan ir-Regolament.

(11)

Fejn ikun hemm indikazzjonijiet li s-somom ta' flus kontanti huma konnessi ma' xi attività illegali, assoċjata mal-moviment ta' flus kontanti, kif imsemmi fid-Direttiva 91/308/KEE, l-informazzjoni miġbura skond dan ir-Regolament mill-awtoritajiet kompetenti tista' tiġi mgħoddija lill-awtoritajiet kompetenti fi Stati Membri oħra u/jew lill-Kummissjoni. B'mod simili, għandu jsir provvediment sabiex ċerta informazzjoni tiġi trasmessa kull meta jkun hemm indikazzjonijiet ta' movimenti ta' flus kontanti li jinvolvu somom iktar baxxi mil-limitu stabbilit f'dan ir-Regolament.

(12)

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jingħataw is-setgħat meħtieġa sabiex jeżerċitaw kontroll effettiv fuq il-movimenti ta' flus kontanti.

(13)

Is-setgħat ta' l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiġu supplimentati bl-obbligu ta' l-Istati Memrbi li jistabbilixxu pieni. Madankollu, il-pieni għandhom jiġu imposti biss fin-nuqqas li ssir dikjarazzjoni skond dan ir-Regolament.

(14)

Billi l-għan ta' dan ir-Regolament ma jistax jiġi miksub b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jista' għalhekk, minħabba l-iskala transnazzjonali tal-ħasil tal-flus fis-suq intern, jinkiseb aħjar fuq livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak il-għan.

(15)

Dan ir-regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u jikkonforma mal-prinċipji mħaddna fl-Artikolu 6(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u riflessi fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari fl-Artikolu 8 tiegħu,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Għan

1.   Dan ir-Regolament għandu jikkumplimenta d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/308/KEE dwar transazzjonijiet li jsiru permezz ta' istituzzjonijiet finanzjarji u ta' kreditu u ċerti professjonijiet billi jistabbilixxi regoli armonizzati għall-kontroll, mill-awtoritajiet kompetenti, ta' flus kontanti deħlin fil-Komunità jew ħerġin mill-Komunità.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika mingħajr preġudizzju għal miżuri nazzjonali għall-kontroll ta' movimenti ta' flus kontanti fil-Komunità fejn tali miżuri huma meħuda skond l-Artikolu 58 tat-Trattat.

Artikolu 2

Id-Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament:

1)

“awtoritajiet kompetenti” tfisser l-awtoritajiet tad-dwana ta' l-Istati Membri, jew kwalunkwe awtorità oħra, mogħtija s-setgħa mill-Istati Membri sabiex japplikaw dan ir-Regolament;

2)

“flus kontanti” tfisser:

(a)

strumenti negozjabbli għall-portatur inklużi strumenti monetarji f'forma għall-portatur bħal travellers cheques, strumenti negozjabbli (inklużi ċekkijiet, promissory notesmoney orders) li huma jew f'forma għall-portatur, imdawra mingħajr restrizzjoni, mogħtija lil prenditur fittizju, jew inkella f'tali forma li t-titoli tagħhom jiġu trasferiti ma' l-għoti tagħhom, u strumenti mhux kompleti (inklużi ċekkijiet, promissory notesmoney orders) iffirmati, iżda mingħajr l-isem tal-prenditur;

(b)

munita (biljetti ta' flus u muniti li jkunu fiċ-ċirkolazzjoni bħala mezz ta' skambju).

Artikolu 3

L-Obbligu ta' Dikjarazzjoni

1.   Kwalunkwe persuna fiżika dieħla fil-Komunità jew ħierġa mill-Komunità u li ġġorr flus kontanti ta' valur ta' 10 000 euro jew iżjed għandha tiddikjara dik is-somma lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru li minnu tidħol fil-Komunità jew toħroġ mill-Komunità skond dan ir-Regolament. L-obbligu ta' dikjarazzjoni ma jkunx ġie sodisfatt jekk l-informazzjoni provduta ma tkunx korretta jew ma tkunx kompleta.

2.   Id-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tikkontjeni dettalji dwar:

(a)

id-dikjarant, inklużi l-isem sħiħ, id-data u l-post tat-twelid u n-nazzjonalità;

(b)

il-proprjetarju tal-flus kontanti;

(ċ)

il-persuna intiża li tirċievi l-flus kontanti;

(d)

l-ammont u n-natura tal-flus kontanti;

(e)

il-provenjenza u l-użu intiż tal-flus kontanti;

(f)

ir-rotta tat-trasport;

(g)

il-mezz tat-trasport.

3.   L-informazzjoni għandha tiġi provduta bil-miktub, b'mod orali jew elettroniku, kif determinat mill-Istat Membru msemmi fil-paragrafu 1. Madankollu, fejn id-dikjarant hekk jitlob, għandu jkollu l-jedd li jipprovdi l-informazzjoni bil-miktub. Fejn tkun ġiet preżentata dikjarazzjoni bil-miktub, għandha tiġi mogħtija kopja ċertifikata lid-dikjarant jekk dan jitlobha.

Artikolu 4

Is-Setgħat ta' l-Awtoritajiet Kompetenti

1.   Sabiex tiġi vverifikata l-konformità ma' l-obbligu ta' dikjarazzjoni stabbilit fl-Artikolu 3, l-uffiċjali ta' l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiġu mogħtija s-setgħa, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-liġi nazzjonali, sabiex jikkontrollaw persuni fiżiċi, il-bagalji tagħhom u l-mezzi ta' trasport tagħhom.

2.   Fejn ikun hemm nuqqas ta' konformità ma' l-obbligu ta' dikjarazzjoni stabbilit fl-Artikolu 3, jistgħu jiġu miżmuma flus kontanti permezz ta' deċiżjoni amministrattiva skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-liġi nazzjonali.

Artikolu 5

Ir-Reġistrazzjoni u l-Ipproċessar ta' l-Informazzjoni

1.   L-informazzjoni miksuba taħt l-Artikolu 3 u/jew l-Artikolu 4 għandha tiġi reġistrata u proċessata mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru msemmi fl-Artikolu 3(1) u għandha tkun disponibbli għall-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 91/308/KEE ta' dak l-Istat Membru.

2.   Fejn jidher mill-kontrolli previsti fl-Artikolu 4 li persuna fiżika tkun dieħla fil-Komunità jew tkun ħierġa mill-Komunità b'somom ta' flus kontanti ta' ammonti anqas mil-limitu stabbilit fl-Artikolu 3 u fejn ikun hemm indikazzjonijiet ta' attivitajiet illegali assoċjati mal-moviment ta' flus kontanti, kif inhu msemmi fid-Direttiva 91/308/KEE, dik l-informazzjoni, l-isem sħiħ, id-data u l-post tat-twelid u ċ-ċittadinanza ta' dik il-persuna u d-dettalji tal-mezz ta' trasport użat jistgħu wkoll jiġu reġistrati u proċessati mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru msemmi fl-Artikolu 3(1) u jistgħu jkunu disponibbli għall-awtoritajiet msemmija fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 91/308/KEE ta' dak l-Istat Membru.

Artikolu 6

L-Iskambju ta' Informazzjoni

1.   Fejn ikun hemm indikazzjonijiet li s-somom ta' flus kontanti huma konnessi ma' xi attività illegali assoċjata mal-moviment ta' flus kontanti, kif imsemmi fid-Direttiva 91/308/KEE, l-informazzjoni miġbura permezz tad-dikjarazzjoni prevista fl-Artikolu 3 jew permezz tal-kontrolli previsti fl-Artikolu 4 jistgħu jiġu trasmessi lill-awtoritajiet kompetenti fi Stati Membri oħra.

Ir-Regolament (KE) Nru 515/97 għandu japplika mutatis mutandis.

2.   Fejn ikun hemm indikazzjonijiet li s-somom ta' flus kontanti jinvolvu r-rikavat ta' frodi jew ta' kwalunkwe attività illegali oħra li jagħmlu ħsara lill-interessi finanzjarji tal-Komunità, l-informazzjoni għandha tiġi trasmessa wkoll lill-Kummissjoni.

Artikolu 7

L-Iskambju ta' Informazzjoni ma' Pajjiżi Terzi

Fil-qafas ta' assistenza amministrattiva reċiproka, l-informazzjoni miksuba skond dan ir-Regolament tista' tiġi komunikata mill-Istati Membri jew mill-Kummissjoni lil pajjiż terz, suġġetta għall-kunsens ta' l-awtoritajiet kompetenti li kisbu l-informazzjoni skond l-Artikolu 3 u/jew l-Artikolu 4 u għall-konformità mad-dispożizzjonijiet pertinenti nazzjonali u Komunitarji dwar it-trasferiment ta' data personali lil pajjiżi terzi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar tali skambji ta' informazzjoni fejn dawn ikunu partikolarment pertinenti għall-implementazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 8

L-Obbligu ta' Segretezza Professjonali

Kull informazzjoni ta' natura kunfidenzjali jew li tkun provduta fuq bażi kunfidenzjali għandha tkun suġġetta għas-segretezza professjonali u ma għandhiex tiġi żvelata mill-awtoritajiet kompetenti mingħajr il-permess espliċitu tal-persuna jew ta' l-awtorità li tipprovdiha. Madankollu, l-komunikazzjoni ta' l-informazzjoni għandha tkun permessa meta l-awtoritajiet kompetenti jkunu obbligati li jagħmlu dan skond id-dispożizzjonijiet fis-seħħ, partikularment dawk konnessi ma' proċeduri legali. L-iżvelar jew il-komunikazzjoni ta' l-informazzjoni għandhom jikkonformaw b'mod sħiħ mad-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar il-protezzjoni tad-data, b'mod partikolari d-Direttiva 95/46/KE u r-Regolament (KE) Nru 45/2001.

Artikolu 9

Il-Pieni

1.   Kull Stat Membru għandu jintroduċi l-pieni li għandhom japplikaw fejn ikun hemm nuqqas ta' konformità ma' l-obbligu ta' dikjarazzjoni stabbilit fl-Artikolu 3. Tali pieni għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.   Sal-15 ta' Ġunju 2007, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-pieni applikabbli fil-każ ta' nuqqas ta' konformità ma' l-obbligu ta' dikjarazzjoni previst fl-Artikolu 3.

Artikolu 10

Il-Valutazzjoni

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament erba' snin wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.

Artikolu 11

Id-Dħul fis-Seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-15 ta' Ġunju 2007.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Maghmula fi Strasburgu, nhar is-26 ta' Ottubru 2005.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

D. ALEXANDER


(1)  ĠU C 227 E, ta' l-24.9.2002, p. 574.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Mejju 2003 (ĠU C 67 E, tas-17.3.2004, p. 259) Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tas-17 ta' Frar 2005 (ĠU C 144 E, ta' l-14.6.2005, p. 1) u Pożizzjoni tal-Parlament Europew tat-8 ta' Ġunju 2005. Deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2005.

(3)  ĠU L 166, tat-28.6.1991, p. 77. Direttiva kif emendata mid-Direttiva 2001/97/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 344, tat-28.12.2001, p. 76).

(4)  ĠU L 82, tat-22.3.1997, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 807/2003 (ĠU L 122, tas-16.5.2003, p. 36).

(5)  ĠU L 281, tat-23.11.1995, p. 31. Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, tal-31.10.2003, p. 1).

(6)  ĠU L 8, tat-12.1.2001, p. 1.


Top