EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31998L0058

Id-Direttiva tal-Kunsill 98/58/KE ta’ l-20 ta’ Lulju 1998 dwar il-ħarsien ta’ annimali miżmuma għal skopijiet ta’ biedja

OJ L 221, 8.8.1998, p. 23–27 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Czech: Chapter 03 Volume 023 P. 316 - 320
Special edition in Estonian: Chapter 03 Volume 023 P. 316 - 320
Special edition in Latvian: Chapter 03 Volume 023 P. 316 - 320
Special edition in Lithuanian: Chapter 03 Volume 023 P. 316 - 320
Special edition in Hungarian Chapter 03 Volume 023 P. 316 - 320
Special edition in Maltese: Chapter 03 Volume 023 P. 316 - 320
Special edition in Polish: Chapter 03 Volume 023 P. 316 - 320
Special edition in Slovak: Chapter 03 Volume 023 P. 316 - 320
Special edition in Slovene: Chapter 03 Volume 023 P. 316 - 320
Special edition in Bulgarian: Chapter 03 Volume 025 P. 60 - 64
Special edition in Romanian: Chapter 03 Volume 025 P. 60 - 64
Special edition in Croatian: Chapter 03 Volume 018 P. 79 - 83

In force: This act has been changed. Current consolidated version: 14/12/2019

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1998/58/oj

31998L0058

Id-Direttiva tal-Kunsill 98/58/KE ta’ l-20 ta’ Lulju 1998 dwar il-ħarsien ta’ annimali miżmuma għal skopijiet ta’ biedja

Official Journal L 221 , 08/08/1998 P. 0023 - 0027
CS.ES Chapter 3 Volume 23 P. 316 - 320
ET.ES Chapter 3 Volume 23 P. 316 - 320
HU.ES Chapter 3 Volume 23 P. 316 - 320
LT.ES Chapter 3 Volume 23 P. 316 - 320
LV.ES Chapter 3 Volume 23 P. 316 - 320
MT.ES Chapter 3 Volume 23 P. 316 - 320
PL.ES Chapter 3 Volume 23 P. 316 - 320
SK.ES Chapter 3 Volume 23 P. 316 - 320
SL.ES Chapter 3 Volume 23 P. 316 - 320


Id-Direttiva tal-Kunsill 98/58/KE

ta’ l-20 ta’ Lulju 1998

dwar il-ħarsien ta’ annimali miżmuma għal skopijiet ta’ biedja

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 43 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2];

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi l-Istati Membri kollha rratifikaw il-Konvenzjoni Ewropeja għall-Ħarsien ta’ Annimali Miżmuma għal Skopijiet ta’ Biedja (minhawn ’il quddiem imsejħa ‘il-Konvenzjoni’); billi l-Komunità approvat ukoll din il-Konvenzjoni permezz tad-Deċiżjoni Nru 78/923/KEE [4] u ddepożitat l-istrument ta’ approvazzjoni tagħha;

Billi l-Komunità, bħala Parti Kontraenti, trid tagħti effett lill-prinċipji mniżżla fil-Konvenzjoni;

Billi dawk il-prinċipji jinkludu d-disposizzjonijiet ta’ akkomodazzjoni, ikel, ilma u kura xierqa għall-ħtiġiet fiżjoloġiċi u etoloġiċi ta’ l-annimali, skond l-esperjenza stabbilita u l-għerf xjentifiku;

Billi huwa neċessarju wkoll li l-Komunità tagħmel disposizzjonijiet ulterjuri għall-applikazzjoni uniformi tal-Konvenzjoni u r-rakkomandazzjonijiet tagħha u għal regoli speċifiċi li jirrigwardaw l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva;

Billi l-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni tiegħu ta’ l-20 ta’ Frar 1987 dwar politika għall-benesseri ta’ l-annimali [5] sejjaħ lill-Kummissjoni sabiex tagħmel proposti għal regoli Komunitarji li jkopru aspetti ġenerali tat-trobbija ta’ annimali ħajjin;

Billi d-Dikjarazzjoni Nru 24 ta’ l-Att Finali tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea ssejjaħ lill-Istituzzjonijiet Ewropej u lill-Istati Membri, meta jkunu qegħdin jabbozzaw u jimplimentaw leġislazzjoni Komunitarja, b’mod partikolari dwar il-politika agrikola komuni, sabiex jagħtu importanza lir-rekwiżiti ta’ benesseri ta’ l-annimali;

Billi d-differenzi li jistgħu jxekklu l-kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni jinterferixxu fit-tmexxija ta’ l-organizzazzjoni tas-suq ta’ l-annimali;

Billi għaldaqstant jeħtieġ li jiġu stabbiliti standards minimi komuni għall-ħarsien ta’ annimali miżmuma għal skopijiet ta’ biedja sabiex jiġi żgurat żvilupp razzjonali ta’ produzzjoni u sabiex tiġi faċilitata l-organizzazzjoni tas-suq ta’ l-annimali; billi għal dawn il-finijiet huwa xieraq li jiġu meqjusa d-disposizzjonijiet dwar benesseri ta’ l-annimali li diġà huma mniżżla fir-regoli Komunitarji;

Billi għandu jsir eżami komparattiv tad-disposizzjonijiet dwar il-benesseri ta’ l-annimali applikabbli fil-Komunità u f’ċerti pajjiżi mhux membri flimkien ma’ valutazzjoni tagħhom bl-għan li tiġi determinata x-xorta ta’ inizjattivi Komunitarji futuri mmirati lejn l-eliminazzjoni ta’ tfixkil fil-kompetizzjoni,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

1. Din id-Direttiva tipprovdi standards minimi għall-ħarsien ta’ annimali mrobbija jew miżmuma għal skopijiet ta’ biedja.

2. M’għandhiex tapplika għal:

(a) Annimali selvaġġi;

(b) Annimali intenzjonati għal użu f’kompetizzjonijiet, wirjiet, avvenimenti jew attivitajiet kulturali jew sportivi;

(ċ) annimali sperimentali jew tal-laboratorji;

(d) kull annimal mingħajr sinsla.

3. Din id-Direttiva għandha tgħodd mingħajr preġudizzju għal regoli speċifiċi Komunitarji mniżżla band’oħra, u b’mod partikolari għad-Direttivi 88/166/KEE [6], 91/629/KEE [7] u 91/630/KEE [8], li għandhom ikomplu jgħoddu.

Artikolu 2

Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1. 'Annimali': kull annimal (inkluż ħut, rettili jew amfibji) mrobbi jew miżmum għall-produzzjoni ta’ ikel, suf, ġlud jew pil jew għal skopijiet oħrajn ta’ biedja;

2. 'sid' jew 'min jieħu ħsieb': kull persuna jew persuni naturali jew ġuridika responsabbli jew li tieħu ħsieb l-annimali kemm jekk fuq bażi permanenti jew waħda temporanja;

3. 'awtorità kompetenti': l-awtorità kompetenti skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 2(6) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 tirrigwarda kontrolli veterinarji u żootekniċi applikabbli għall-kummerċ intra-Komunitarju ta’ ċerti annimali ħajjin u prodotti bl-għan li jingħaqad is-suq intern [9].

Artikolu 3

L-Istati Membri għandhom idaħħlu dawk id-disposizzjonijiet li jagħmlu ċert li s-sidien jew dawk li jieħdu ħsieb jieħdu l-passi raġonevoli kollha sabiex jiżguraw il-benesseri ta’ l-annimali taħt il-kura tagħhom u sabiex jagħmlu ċert li dawk l-annimali ma jiġu esposti għal ebda uġigħ, sofferenza jew korriment mingħajr bżonn.

Artikolu 4

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kondizzjonijiet li l-annimali (apparti minn ħut, rettili jew amfibji) jitrabbew jew jinżammu taħthom, jikkonformaw mad-disposizzjonijiet stipulati fl-Anness, u dan wara li tiġi meqjusa l-ispeċi u l-grad ta’ żvilupp, addattazzjoni u domestikazzjoni tagħhom, u l-ħtiġijiet fiżjoloġiċi u etoloġiċi tagħhom skond l-esperjenza stabbilita u l-għerf xjentifiku.

Artikolu 5

1. Il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Kunsill kull proposta li tista’ tkun meħtieġa għall-applikazzjoni uniformi tal-Konvenzjoni Ewropeja għall-Ħarsien ta’ Annimali Miżmuma għal Skopijiet ta’ Biedja u, fuq il-bażi ta’ valutazzjoni xjentifika, kull rakkomandazzjonijiet magħmula taħt din il-Konvenzjoni u kull regoli speċifiċi xierqa oħrajn.

2. Kif ukoll, kull ħames snin u għall-ewwel darba ħames snin wara d-data tal-bidu fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni, fuq il-bażi ta’ esperjenza akkwistata mill-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, b’mod partikolari fir-rigward tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 u żviluppi tekniċi u xjentifiċi, għandhom jissottomettu rapport lill-Kunsill, akkumpanjat minn proposti xierqa li jikkunsidraw l-konklużjonijiet tar-rapport.

3. Il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fir-rigward ta’ dawn il-proposti.

Artikolu 6

1. L-Istati Membri għandhom jagħmlu ċert li l-ispezzjonijiet jitwettqu mill-awtorità kompetenti sabiex tiġi kontrollata l-konformità mad-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva. Dawn l-ispezzjonijiet jistgħu jitwettqu fl-istess ħin meta jsiru kontrolli għal skopijiet oħrajn.

2. Minn data determinata skond il-proċedura provduta mill-paragrafu 3, l-Istati Membri għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni rapporti dwar l-ispezzjonijiet meħtieġa taħt il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tissottometti sommarji ta’ dawn ir-rapporti lill-Kumitat Veterinarju Permanenti.

3. Qabel l-1 ta’ Lulju 1999, il-Kummissjoni għandha, skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 9, tissottometti proposti għall-armonizzazzjoni ta’ dawn li ġejjin:

(a) l-ispezzjonijiet meħtieġa taħt il-paragrafu 1;

(b) il-format, il-kontenut u l-frekwenza tas-sottomissjoni tar-rapporti msemmija fil-paragrafu 2.

Artikolu 7

1. Kull meta tkun meħtieġa l-applikazzjoni uniformi tar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva, esperti veterinarji mill-Kummissjoni jistgħu, flimkien ma’ l-awtoritajiet kompetenti:

(a) jivverifikaw li l-Istati Membri jikkonformaw ma’ l-imsemmija rekwiżiti;

(b) jagħmlu kontrolli fuq il-post sabiex jagħmlu ċert li l-ispezzjonijiet jitwettqu skond din id-Direttiva.

2. Stat Membru li fit-territorju tiegħu ssir spezzjoni għandu jipprovdi l-esperti veterinarji mill-Kummissjoni flimkien ma’ kull assistenza li dawn jistgħu jeħtieġu għall-qadi ta’ dmirijiethom. L-eżitu tal-kontrolli li jsiru jridu jiġu diskussi ma’ l-awtorità kompetenti ta’ l-Istati Membri konċernati qabel ma jiġi abbozzat u ċirkolat rapport finali.

3. L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru konċernat għandhom jieħdu kull miżurà li jistgħu jkunu meħtieġa sabiex jittieħdu f’konsiderazzjoni r-risultati tal-kontrolli.

4. Regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati, jekk meħtieġa, skond il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 9.

Artikolu 8

1. Qabel it-30 ta’ Ġunju 1999 il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Kunsill rapport dwar:

- il-paragun bejn id-disposizzjonijiet dwar benesseri ta’ l-annimali fil-Komunità u f’pajjiżi li mhumiex membri li jissupplixxu lill-Komunità,

- il-possibbiltà li tinkiseb aċċettazzjoni internazzjonali iktar wiesgħa tal-prinċipji ta’ benesseri mniżżla f’din id-Direttiva, u

- il-possibbiltà li l-għanijiet Komunitarji fir-rigward tal-benesseri ta’ l-annimali jistgħu jiġu mxejjna minħabba kompetizzjoni minn pajjiżi mhux membri li ma japplikawx standards ekwivalenti.

2. Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi akkumpanjat minn kull proposti meħtieġa bl-għan li jiġi eliminat kull tfixkil fil-kompetizzjoni.

Artikolu 9

1. Meta tkun trid tiġi segwita l-proċedura stipulata f’dan l-Artikolu, il-kwistjoni għandha, mingħajr dewmien, tiġi riferuta lill-Kumitat Permanenti Veterinarju mwaqqaf mid-Deċisjoni 68/361/KEE [10] minhawn ’il quddiem imsejjaħ il-‘Kumitat’, mill-president tiegħu, jew fuq l-inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba tar-rappreżentant ta’ Stat Membru.

2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-Kumitat abbozz tal-miżuri li jridu jittieħdu. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fuq l-abbozz f'limitu taż-żmien li l-President tiegħu jippreskrivi skond l-urġenza tal-materja. L-opinjoni għandha tingħata bil-maġġoranza preskritta fl-Artikolu 148 (2) tat-Trattat fil-każ tad-deċiżjonijiet li l-Kunsill ikun meħtieġ li jadotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri ġewwa l-Komunità għandhom jitwieżnu fil-manjiera dikjarata f'dan l-Artikolu. Il-President ma għandux jivvota.

3. (a) Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri previsti jekk ikunu bi qbil ma' l-opinjoni tal-Kumitat.

(b) Jekk il-miżuri previsti ma humiex bi qbil ma' l-opinjoni tal-Kumitat, jew jekk ma tingħata l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Kunsill mingħajr dewmien proposta li jkollha x'taqsam mal-miżuri li jridu jittieħdu. Il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata.

Jekk, malli jiskadi l-perjodu ta’ tliet xhur mid-data ta’ meta tkun saret ir-referenza lill-Kunsill, il-Kunsill ma jkunx għadu aġixxa, il-miżuri proposti għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni, sakemm il-Kunsill ma jkunx iddeċieda kontra l-miżuri b’maġġoranza sempliċi.

Artikolu 10

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi, inklużi sanzjonijiet, meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1999, mingħajr ħsara għal kull deċiżjoni differenti li tista’ tittieħed mill-Kunsill fid-dawl tar-rapport msemmi fl-Artikolu 8. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan minnufih.

Meta Stat Membru jadotta dawn il-miżuri, (dawn il-miżuri) għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi għall-għamla ta’ din ir-referenza għandhom jiġu stipulati mill-Istati Membri.

2. Madanakollu, wara l-31 ta’ Diċembru 1999, l-Istati Membri jistgħu, waqt li jirrispettaw ir-regoli ġenerali mniżżla fit-Trattat, iżommu jew japplikaw fit-territorji tagħhom disposizzjonijiet għall-ħarsien ta’ annimali miżmuma għal skopijiet ta’ biedja li huma iktar strinġenti minn dawk previsti minn din id-Direttiva. Għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar miżuri ta’ din ix-xorta minnufih.

3. L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni t-testi tad-disposizzjonijiet ewliena tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam regolat minn din id-Direttiva.

Artikolu 11

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum meta tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 12

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussel, 20 ta’ Lulju 1998.

Għall-Kunsill

Il-President

W. Molterer

[1] ĠU C 156, tat-23. 6. 1992, p. 11.

[2] ĠU C 337, 21. 12. 1992, p. 225.

[3] ĠU C 332, tas-16. 12. 1992, p. 22.

[4] ĠU L 323, 17. 11. 1978, p. 12.

[5] ĠU C 76, tat-23. 3. 1987, p. 185.

[6] Id-Direttiva tal-Kunsill 88/166/KEE tas-7 ta’ Marzu 1998 li tikkonforma mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Każ 131-86, (annullament tad-Direttiva tal-Kunsill 86/113/KEE tal-25 ta’ Marzu 1986 tniżżel standards minimi għall-ħarsien ta’ tiġieġ li jbidu miżmuma f’gaġeġ) (ĠU L 74 19. 3. 1988, p. 83).

[7] Id-Direttiva tal-Kunsill 91/629/KEE tad-19 ta’ Novembru 1991 tniżżel standards minimi għall-ħarsien ta’ għoġiela (ĠU L 340, 11. 12. 1991, p. 28). Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 97/2/KE (ĠU L 25, 17.2.1996, p. 24).

[8] Id-Direttiva tal-Kunsill 91/630/KEE tad-19 ta’ Novembru 1991 tniżżel standards minimi għall-ħarsien tal-ħnieżer (ĠU L 340, 11. 12. 1991, p. 33).

[9] ĠU Nru L 224, 8. 18. 1990, p. 29. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 92/118/KEE (ĠU Nru L 62, 15. 3. 1993, p. 49).

[10] ĠU L 255, tat-18. 10. 1968, p. 23.

--------------------------------------------------

ANNESS

Ekwipaġġ

1. L-annimali għandhom ikunu taħt il-kura ta’ numru suffiċjenti ta’ impjegati li għandhom il-ħila, l-għerf u l-kompetenza professjonali xierqa.

Spezzjoni

2. L-annimali kollha miżmuma f’sistemi ta’ tagħmir fejn il-benesseri tagħhom jiddependi fuq l-attenzjoni frekwenti tal-bniedem iridu jiġu spezzjonati ta’ mill-inqas darba kuljum. Annimali f’sistemi oħrajn iridu jiġu spezzjonati f’intervalli li huma suffiċjenti sabiex tiġi evitata kull tip ta’ sofferenza.

3. Dawl adegwat (fiss jew li jista’ jiġi mċaqlaq) irid ikun disponibbli sabiex l-annimali jkunu jistgħu jiġu spezzjonati sew f’kull ħin.

4. Kull annimali li jidher li huwa marid jew imweġġa’ irid jingħata kura xierqa mingħajr dewmien u, jekk annimali ma jirrispondix għal din il-kura irid jinkiseb parir veterinarju kemm jista’ jkun malajr. Jekk dan ikun meħtieġ, annimali morda jew mweġġa’ għandhom jiġu iżolati f’akkomodazzjoni xierqa u, meta approprjat, għandhom jingħataw sodda niexfa u komda.

Żamma ta’ rekords

5. Is-sid jew dak li jieħu ħsieb l-annimali għandu jżomm rekord ta’ kull trattament mediku mogħti u tan-numru ta’ mwiet li jinstabu f’kull spezzjoni.

Meta jkun meħtieġ li tinżamm informazzjoni ekwivalenti għal skopijiet oħrajn, dan għandu jkun biżżejjed għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva.

6. Dawn ir-rekords għandhom jinżammu għal perjodu ta’ mill-inqas tliet snin u għandhom jitpoġġew għad-disposizzjonijiet ta’ l-awtorità kompetenti meta din tkun qiegħda twettaq spezzjoni jew meta mitluba għal xi raġuni oħra.

Libertà tal-moviment

7. Il-libertà tal-moviment ta’ annimali, wara li tiġi meqjusa l-ispeċi tiegħu skond l-esperjenza stabbilita u l-għerf xjentifiku, ma tistax tiġi ristretta b’tali mod li tikkawża tbatija jew korriment mingħajr bżonn.

Jekk annimal ikun kontinwament marbut jew maqful, irid jingħata l-ispazju xieraq għall-ħtiġijiet fiżjoloġiċi u etoloġiċi skond l-esperjenza u l-għerf xjenifiku stabbiliti.

Bini u akkomodazzjoni

8. Il-materjali li jridu jintużaw għall-kostruzzjoni ta’ akkomodazzjoni, u b’mod partikolari għall-kostruzzjoni ta’ gallinari jew tipi differenti ta’ maqjel, u apparat li l-annimali jistgħu jiġu f’kuntatt miegħu, ma jistax ikun ta’ ħsara għall-annimali u jrid ikun kapaċi jiġi mnaddaf u disinfettat sew.

9. L-akkomodazzjoni u l-armar għaż-żamma ta’ l-annimali għandhom jinbnew u jinżammu b’tali mod li ma jkunx hemm truf li jaqtgħu jew affarijiet ħerġin ’il barra li magħhom jistgħu iweġġgħu l-annimali.

10. Iċ-ċirkolazzjoni ta’ l-arja, il-livelli ta’ trab, it-temperatura, l-umdità ta’ l-arja relattiva u l-konċentrazzjonijiet ta’ gass iridu jinżammu taħt limiti li m’humiex ta’ ħsara għall-annimali.

11. Annimali miżmuma ġewwa bini ma jistgħux jinżammu la fi dlam permanenti u lanqas mingħajr perjodu xieraq ta’ mistrieħ minn dawl artifiċjali. Jekk id-dawl naturali disponibbli ma jkunx biżżejjed biex jissodisfa l-ħtiġijiet fiżjoloġiċi u etoloġiċi ta’ l-annimali, irid jiġi provdut dawl artifiċjali xieraq.

Annimali mhux miżmuma f’bini

12. Annimali mhux miżmuma ġewwa bini għandhom meta jkun meħtieġ u possibbli jingħataw ħarsien minn kondizzjonijiet ta’ temp ħażin, predaturi u riskji għas-saħħa tagħhom.

Apparat awtomatiku jew mekkanikku

13. Kull apparat awtomatiku jew mekkaniku essenzjali għas-saħħa u għall-benesseri ta’ l-annimali jrid jiġi spezzjonat ta’ mill-inqas darba kuljum. Jekk jinstabu xi difetti, dawn iridu jiġu rettifikati minnufih, jew jekk dan ikun impossibbli, iridu jittieħdu passi xierqa sabiex jiġu salvagwardati s-saħħa u l-benesseri ta’ l-annimali.

Jekk is-saħħa u l-benesseri ta’ l-annimali jkunu dipendenti fuq sistema artifiċjali ta’ ventilazzjoni, iridu jsiru provvedimenti għal sistema xierqa ta’ sostituzzjoni li tiggarantixxi tiġdid suffiċjenti ta’ l-arja sabiex tiġi priservata s-saħħa u l-benesseri ta’ l-annimali fil-każ li tfalli s-sistema, u trid tiġi provduta sistema ta’ allarm li tagħti twissija f’każ ta’ ħsara. Is-sistema ta’ allarm trid tiġi ttestjata regolarment.

Għalf, ilma u sustanzi oħrajn

14. L-annimali jridu jingħataw dieta sustanzjuża li hija xierqa għall-età u għall-ispeċi tagħhom u li tingħatalhom fi kwantità suffiċjenti sabiex dawn jinżammu b’saħħithom u sabiex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet ta’ nutriment tagħhom. Ebda annimal m’għandu jingħata ikel jew likwidu b’tali manjiera, u lanqas m’għandu dan l-ikel jew likwidu ikun fih xi sustanza, li tista’ tikkawża tbatija jew korriment bla bżonn.

15. L-annimali kollha jrid ikollhom aċċess għall-għalf f’intervalli xierqa għall-ħtiġijiet fiżjoloġiċi tagħhom.

16. L-annimali kollha jrid ikollhom aċċess għal provista xierqa ta’ ilma jew iridu jkunu jistgħu jissodisfaw l-ħtiġijiet tagħhom ta’ konsum ta’ fluwidi tagħhom permezz ta’ mezzi oħrajn.

17. L-apparat minn fejn l-animali jieklu u jixorbu jrid ikun iddisinjat, mibni u mpoġġi b’tali mod sabiex tiġi minimizzata l-kontaminazzjoni ta’ l-ikel u l-ilma u l-effetti danneġġanti ta’ kompetizzjoni bejn l-annimali.

18. Ebda sustanza oħra, bl-eċċezzjoni ta’ dawk mogħtija għal skopijiet terapewtiċi jew profilattiċi, jew għal skopijiet ta’ trattament zootekniku kif definit fl-Artikolu 1(2)(ċ) tad-Direttiva 96/22/KEE [1], ma tistax tiġi amminsitrata lil annimal kemm-il darba ma jirriżultax minn studji xjentifiċi tal-benesseri ta’ l-annimali jew mill-esperjenza stabbilita li l-effett ta’ dik is-sustanza m’huwiex ta’ detriment għas-saħħa jew benesseri ta’ l-annimali.

Mutilazzjonijiet

19. Waqt li tkun għadha pendenti l-adozzjoni ta’ disposizzjonijiet speċifiċi dwar mutilazzjonijiet skond il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 5, u mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 91/630/KEE, għandhom japplikaw id-disposizzjonijiet nazzjonali relevanti skond ir-regoli ġenerali tat-Trattat.

Proċeduri ta’ trobbija

20. Ma jistgħux jiġu prattikati trobbija jew proċeduri ta’ trobbija naturali jew artifiċjali li jikkawżaw jew li aktarx jistgħu jikkawżaw tbatija jew korriment lil xi wieħed mill-annimali konċernati.

Din id-disposizzjoni ma twaqqafx l-użu ta’ ċerti proċeduri li aktarx jistgħu jikkawżaw tbatija jew korriment minimu jew momentarju, jew li jistgħu jirrikjedu intervenzjonijiet li ma jikkawżawx korriment permanenti, meta dawn ikunu permissibbli taħt id-disposizzjonijiet nazzjonali.

21. Ebda annimal m’għandu jinżamm għal skopijiet ta’ biedja ħlief jekk wieħed jista’ raġonevolment jistenna, fuq il-bażi tal-ġenotip jew fenotip tiegħu, li dan jista’ jinżamm mingħajr effett detrimentali għas-saħħa jew benesseri tiegħu.

[1] Direttiva tal-Kunsill 96/22/KE tad-29 ta’ April 1996 dwar il-projbizzjoni fuq l-użu fil-biedja ta’ merħliet ta’ ċerti sustanzi li jagħmlu azzjoni ormonali jew tirostatika u ta’ beta-agonisti (ĠU L 125, 23. 5. 1996, p. 3).

--------------------------------------------------

Top