Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31971L0118

    Id-Direttiva tal-Kunsill tal-15 ta' Frar 1971 dwar problemi tas-saħħa li jaffettwaw il-kummerċ tal-laħam frisk tat-tjur

    ĠU L 55, 8.3.1971, p. 23–39 (DE, FR, IT, NL)
    Edizzjoni Speċjali bl-Ingliż: Serje I Volum 1971(I) P. 106 - 122

    Edizzjoni(jiet) speċjali oħra (DA, EL, ES, PT, FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2005; Imħassar b' 32004L0041

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1971/118/oj

    31971L0118



    Official Journal L 055 , 08/03/1971 P. 0023 - 0039
    Finnish special edition: Chapter 3 Volume 3 P. 0144
    Danish special edition: Series I Chapter 1971(I) P. 0097
    Swedish special edition: Chapter 3 Volume 3 P. 0144
    English special edition: Series I Chapter 1971(I) P. 0106
    Greek special edition: Chapter 03 Volume 6 P. 0116
    Spanish special edition: Chapter 03 Volume 4 P. 0131
    Portuguese special edition Chapter 03 Volume 4 P. 0131


    Id-Direttiva tal-Kunsill

    tal-15 ta' Frar 1971

    dwar problemi tas-saħħa li jaffettwaw il-kummerċ tal-laħam frisk tat-tjur

    (71/118/KEE)

    IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 43 u 100 tiegħu;

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni;

    Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew [1];

    Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali;

    Billi r-Regolament tal-Kunsill Nru 123/67/KEE [2] tat-13 ta' Ġunju 1967 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-laħam tat-tjur stabbilixxa suq wieħed għal dak is-settur;

    Billi, sa kemm il-kummerċ jibqa’ jkun imfixkel b'differenzi bejn il-ħtiġiet tas-saħħa ta’ l-Istati Membri rigward il-laħam tat-tjur, l-implimentazzjoni ta' dak ir-Regolament ma jkollhiex l-effett mixieq;

    Billi sabiex ikunu eliminati dawk id-differenzi, id-disposizzjonijiet tas-saħħa ta' l-Istati Membri għandhom jitqarrbu;

    Billi disposizzjonijiet tal-Komunità għandhom ikunu adottati li, wara perjodu tranżitorju matul liema għandhom jikkonċernaw biss il-kummerċ intra-Komunitarju, għandhom japplikaw ukoll għall-laħam tat-tjur għal bejgħ fl-Istati Membri; billi, b'dankollu, din id-Direttiva m'għandhiex tapplika għall-laħam tat-tjur li, taħt ċerti kondizzjonijiet, jiġi kkonsenjat direttament lejn il-konsumatur mill-produttur;

    Billi l-iskop tat-tqarrib propost għandu jkun partikolarment sabiex jinnormalizza l-ħtiġiet ta’ l-iġene fir-rigward tal-laħam tat-tjur fil-biċċeriji u matul il-ħażna u t-trasportazzjoni; billi l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom jibqgħu responsabbli sabiex japprovaw biċċeriji li jilħqu l-ħtiġiet ta' l-iġene stabbbiliti f'din id-Direttiva u sabiex jassiguraw li l-kondizzjonijiet li jirregolaw din l-approvazzjoni jkunu mħarsa; billi għandhom isiru disposizzjonijiet għall-approvazzjoni ta' mħażen tal-kesħa mill-Istati Membri;

    Billi sabiex tkun assigurata l-ispezzjoni tas-saħħa approprjata, akkont għandu jittieħed tal-kondizzjonijiet partikolari li permezz tagħhom titwettaq, ċerti doveri għandhom ikunu fdati f'idejn assistenti kwalifikati li jaġixxu taħt ir-responsabbilità u s-sorveljanza ta' uffiċjal veterinarju;

    Billi ħtiġiet ta' normi minimi għal-livell teoretiku u prattiku tat-taħriġ ta' dawk l-assistenti u l-kondizzjonijiet l-oħra li huma essenzjali sabiex tkun assigurata l-kompetenza, l-onestà u l-imparzjalità tagħhom għandhom ikunu stabbiliti għall-Istati Membri kollha, imma hekk li ma tkunx eskluża l-possibbiltà ta' normalizzazzjoni progressiva tar-regolamenti u l-programmi relatati mat-taħriġ tagħhom;

    Billi, f'dak li jirrigwarda l-kummerċ intra-komunitarju, il-kwistjoni taċ-ċertifikat tas-saħħa magħmul minn uffiċjal veterinarju tal-pajjiż li jesporta huwa meqjus bħala l-aħjar mod sabiex ikunu assigurati l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż tad-destinazzjoni li l-konsenja tal-laħam tat-tjur tkun konformi mad-disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva; billi dan iċ-ċertifikat għandu jakkompanja l-konsenja tal-laħam tat-tjur lejn il-post tad-destinazzjoni;

    Billi l-Istati Membri għandhom ikollhom id-dritt li jipprojbixxu l-introduzzjoni tal-laħam tat-tjur fit-territorju tagħhom minn Stat Membru ieħor li jkun jidher li mhux tajjeb għall-konsum uman jew li ma jħarisx id-disposizzjonijiet tas-saħħa tal-Komunità;

    Billi, f'każijiet bħal dawn, il-kunsinnatarju għandu fuq talba tiegħu stess jew fuq talba tar-rappreżentant tiegħu jitħalla jieħu lura l-laħam sakemm ma jkunx hemm raġunijiet oħrajn fuq bażi tas-saħħa li jgħidu l-kontra;

    Billi, fil-każ ta' projbizzjoni jew restrizzjoni, ir-raġunijiet ta' dan għandhom jintqalu lill-kunsinnatarju jew lill-aġent tiegħu u wkoll, f'ċerti każi, lejn l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż ta' l-esportazzjoni;

    Billi, fil-każ ta' kwistjoni bejnu u bejn l-awtoritajiet ta' l-Istat Membru tad-destinazzjoni dwar il-ġustifikazzjoni tal-projbizzjoni jew tar-restrizzjoni, il-kunsinnatarju għandu jitħalla jikseb l-opinjoni ta' espert veterinarju li jagħżel hu minn numru mħejji mill-Kummissjoni;

    Billi kwistjonijiet bejn l-Istati Membri dwar jekk l-approvazzjoni ta' biċċeriji kinetx iġġustifikata għandha tkun deċiża permezz tal-proċedura ta' l-emerġenza fi ħdan il-Kumitat Veterinarju Permanenti stabbilit mill-Kunsill fil-15 ta' Ottubru 1968;

    Billi, f'ċerti oqsma li jippreżentaw problemi speċjali, id-disposizzjonijiet fl-Istati Membri ma jistgħux jitqarrbu sakemm ikun sar studju aktar dettaljat;

    Billi disposizzjonijiet dwar is-saħħa ta' l-annimali li jirrigwardaw il-kummerċ tat-tjur ħajjin u laħam frisk tat-tjur għandhom ikunu s-suġġett ta' Direttivi oħrajn tal-Komunità; billi sar evidenti li l-ewwel passi għandhom issa jittieħdu lejn it-tqarrib tad-disposizzjonijiet nazzjonali f'dan il-qasam billi jkunu stabbbiliti ċerti kondizzjonijiet li permezz tagħhom l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprojbixxu u jillimitaw l-introduzzjoni ta' laħam tat-tjur fit-territorju tagħhom għal raġunijiet ta' saħħa ta’ l-annimali u billi jipprovdu għal proċedura ta' l-emerġenza tal-Komunita' fi ħdan il-Kumitat Veterinarju Permanenti li permezz tiegħu miżuri meħuda minn Stat Membru jistgħu jiġu eżaminati b'kooperazzjoni mill-qrib mill-Istati Membri u l-Kummissjoni u, meta approprjat, emendati jew mħassra;

    ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

    TITOLU I Disposizzjonijiet ġenerali

    Artikolu 1

    1. Din id-Direttiva għandha tapplika għall-kummerċ ta' laħam frisk ta' annimali domestiċi ta’ l-ispeċi li ġejjin: tiġieġ, dundjani, farawni, papri u wiżż.

    2. Il-partijiet kollha ta' dawk l-annimali li huma tajbin għall-konsum mill-bniedem għandhom jitqiesu bħala laħam tat-tjur.

    3. Il-laħam tat-tjur kollu li ma jkunx għadda minn proċess ta' konservazzjoni għandu jitqies bħala laħam frisk; iżda, għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva, laħam tat-tjur imkessaħ jew iffriżat għandu jitqies bħala laħam frisk.

    Artikolu 2

    Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva:

    (a) karkassa tfisser il-ġisem sħiħ ta' tajra wara li jitneħħa d-demm, tiġi mnittfa u jitneħħew l-interjuri; iżda, it-tneħħija tal-kliewi, is-saqajn mit-tarsu jew tar-ras għandhom ikunu volontarji;

    (b) Partijiet mill-karkassa tfisser partijiet mill-karkassa kif imfissra taħt (a);

    (ċ) ir-raċanċ ifisser laħam frisk apparti minn dak tal-karkassa kif imfissra taħt (a), anke jekk imqabbad b'mod naturali mal-karkassa;

    (d) il-viskera tfisser ir-raċanċ li jibqa' mill-kavitajiet tas-sider, taż-żaqq u ta' bejn il-koxxox, inkluż il-kanal tan-nifs (trakea) u l-kanal ta' l-ikel )esofagu) u, fejn huwa approprjat, il-ħawsla;

    (e) l-ispezzjoni tas-saħħa ante mortem tfisser l-ispezzjoni tat-tjur ħajjin skond ir-rekwiżiti tal-Kapitolu III ta’ l-Anness I;

    (f) ispezzjoni tas-saħħa post mortem tfisser ispezzjoni tat-tjur maqtula fil-biċċeriji minnufih wara l-qtil, skond ir-rekwiżiti tal-Kapitolu V ta’ l-Anness I;

    (g) veterinarju uffiċjali jfisser il-veterinarju nominat mill-awtorità ċentrali kompetenti ta' l-Istat Membru;

    (h) assistent tfisser persuna mħarġa nominata uffiċjalment mill-awtorità ċentrali kompetenti ta' l-Istat Membru sabiex tassisti lill-veterinarju uffiċjali;

    (i) il-pajjiż li jesporta jfisser l-Istat Membru li minnhu jintbagħat il-laħam tat-tjur frisk lejn Stat Membru ieħor;

    (j) pajjiż tad-destinazzjoni jfisser l-Istat Membru li lejh jintbagħat il-laħam tat-tjur frisk minn Stat Membru ieħor.

    TITOLU II Disposizzjonijiet dwar il-kummerċ intra-Komunitarju u kummerċ fl-Istati Membri

    Artikolu 3

    1. Kull Stat Membru għandu jassigura li l-kummerċ ikun permess biss fil-laħam tat-tjur frisk li, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 11, jilħaq ir-rekwiżiti li ġejjin:

    (a) ikun ġie miksub minn biċċerija approvata u ssorveljata skond l-Artikolu 5 (1);

    (b) ikun ġej minn annimal spezzjonat ante mortem minn veterinarju uffiċjali jew minn assistenti skond l-Artikolu 4 u, wara din l-ispezzjoni, ikkunsidrat approprjat għall-qtil għall-kummerċ ta' laħam tat-tjur frisk;

    (ċ) ikun ġie ttrattat skond il-kondizzjonijiet sodisfaċenti ta' l-iġene in konformità mal-Kapitolu IV ta' l-Anness I;

    (d) ikun ġie spezzjonat post mortem minn veterinarju uffiċjali jew minn assistenti skond l-Artikolu 4 u nstab approprjat għall-konsum mill-bniedem skond il-Kapitolu VI ta’ l-Anness I;

    (e) ikun iġorr marka ta' saħħa skond ir-rekwiżiti tal-Kapitolu VII ta’ l-Anness I;

    (f) b'konformità mal-Kapitolu IX ta’ l-Anness I, ikun ġie maħżun wara spezzjoni post mortem skond kondizzjonijiet sodisfaċenti ta' iġene f'biċċeriji approvati u ssorveljati skond l-Artikolu 5 (1) jew fi mħażen kiesħa approvati u ssorveljati skond l-Artikolu 5 (4);

    (g) ikun ġie ppakkjat b'mod approprjat u ttrasportat f'kondizzjonijiet sodisfaċenti ta' l-iġene in konformità mar-rekwiżiti tal-Kapitoli X uXI ta’ l-Anness I.

    2. Dawn li ġejjin għandhom ikunu esklużi mill-kummerċ:

    (a) laħam tat-tjur frisk ittrattat bil-hydrogen peroxide (perossidu ta' l-ossiġenu) jew b'sostanzi oħrajn ta' bleach jew b'materji naturali jew artifiċjali li jagħtu l-kulur;

    (b) laħam tat-tjur frisk ittrattat b'antibijotiċi, preservattivi jew 'tenderisers';

    (ċ) laħam tat-tjur frisk ittrattat b'sostanzi li jagħtu t-togħma.

    3. B'dana kollu, jekk il-pajjiż tad-destinazzjoni hekk jippermetti, il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 m'għandhomx għalfejn ikunu sodisfatti fir-rigward ta' laħam intiż għal użu ieħor barra milli għall-konsum mill-bniedem; f'dak il-każ, il-pajjiż tad-destinazzjoni għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex ma jħallix li l-laħam jintuża għal skopijiet apparti minn dawk li għalihom kien intiż.

    4. Il-kondizzjonijiet tal-paragrafu 1 m'għandhomx japplikaw għal-laħam frisk tat-tjur li, f'każi iżolati, jkun fornut mill-produttur tagħhom direttament lejn il-konsumatur finali għall-konsum tiegħu apparti milli permezz ta' bejjiegħ tat-triq, bejgħ permezz ta' ordni bil-posta jew bejgħ f'suq.

    Artikolu 4

    1. Fit-twettieq ta' l-ispezzjonijiet ante mortem u post mortem u s-sorveljanza tal-kondizzjonijiet ta' l-iġene stabbiliti fil-Kapitoli II u IV ta’ l-Anness I, li għandhom ikunu mħarsa mill-biċċeriji, il-veterinarju uffiċjali jista’ jkun megħjun minn assistenti li jaħdum taħt is-sorveljanza u r-responsabbiltà tiegħu.

    2. Dawk il-persuni biss li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ l-Anness II jistgħu jaġixxu bħala assistenti. Il-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jistabbilixxi disposizzjonijiet aktar dettaljati fir-rigward tal-livell ta' taħriġ meħtieġ mill-assistenti permezz ta’ l-Anness II (1) (b) u (d) u (4).

    3. L-assistenti għandhom jgħinu lill-veterinarju uffiċjali jwettaq biss l-operazzjonijiet li ġejjin:

    - superviżjoni ta' l-applikazzjoni tar-regoli ta' l-iġene stabbiliti fil-Kapitoli II u IV ta’ l-Anness I;

    - jivverifika jekk fil-waqt ta’ l-ispezzjoni tas-saħħa ante mortem li l-ebda mis-sintomi msemmija fil- Kapitolu III (12) ta’ l-Anness I ma jkunu preżenti;

    - jara li fil-ħin ta’ l-ispezzjoni tas-saħħa post mortem il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu VI (28) ta’ l-Anness I ma jkunux preżenti.

    Artikolu 5

    1. L-awtorità ċentrali kompetenti ta’ l-Istat Membru li fuq it-territorju tiegħu tinsab il-biċċerija għandu jassigura li l-approvazzjoni li hemm provvediment dwarha fl-Artikolu 3 (1) (a) tingħata biss meta d-disposizzjonijiet tal-Kapitoli I u II ta’ l-Anness I ikunu mħarsa u basta li l-biċċerija tkun tista’ tissodisfa l-kondizzjonijiet l-oħrajn ta' dak l-Anness; għandha tassigura wkoll li l-konformità ma' dawk id-disposizzjonijiet tkun ivverifikata minn veterinarju uffiċjali u li dik l-approvazzjoni tkun irrevokata jekk wieħed jew aktar minnhom ma jkunx hemm aktar konformità magħhom.

    2. Il-biċċeriji approvati kollha għandhom ikunu rreġistrati fuq lista u kull waħda għandha tingħata numru ta' approvazzjoni veterinarja. Kull Stat Membru għandu jikkomunika l-lista tal-biċċeriji approvati u n-numri ta' l-approvazzjoni veterinarja lejn l-Istati Membri l-oħrja u lill-Kummissjoni u jinnotifikahom bi kwalunkwe tneħħija ta' l-approvazzjoni.

    3. Jekk Stat Membru jikkonsidra li l-kondizzjonijiet għall-approvazzjoni ma jkunux, jew m'għadhomx aktar, qed jiġu mħarsa mill-biċċerija fi Stat Membru ieħor, għandu jinforma lill-awtorità ċentrali kompetenti ta' dak l-Istat kif inhu approprjat. Dan ta' l-aħħar għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa u jinnotifika lill-awtorità ċentrali kompetenti ta’ l-Istat Membru l-ieħor bid-deċiżjonijiet meħuda u r-raġunijiet għal dawk id-deċiżjonijiet.

    Jekk dak l-Istat Membru jibża’ li l-miżuri meħtieġa ma jkunux ittieħdu jew m'humiex adegwati, jista' jirreferi din il-materja lejn il-Kummissjoni, li għandha tfittex l-opinjoni ta' wieħed jew aktar esperti veterinarji. L-Istati Membri jistgħu, fid-dawl ta' dik l-opinjoni, ikunu awtorizzati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 12 li jipprojbixxu proviżjonalment l-introduzzjoni fit-territorju tagħhom ta' laħam tat-tjur frisk minn dik il-biċċerija.

    Din l-awtorizzazzjoni tista' tkun irtirata, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 12, fid-dawl ta' opinjoni aktar ’il quddiem mogħtija minn wieħed jew aktar esperti veterinarji.

    L-esperti veterinarji għandhom ikunu ċittadini ta' Stat Membru apparti minn ta' dawk involuti fil-kwistjoni.

    Wara li jkunu kkonsultati l-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi regoli ġenerali għall-applikazzjoni ta' dan il-paragrafu, b'mod partikolari fir-rigward tan-nomini ta' l-esperti veterinarji u l-proċedura li għandha tkun segwita sabiex jingħataw opinjonijiet.

    4. Anke meta l-imħażen tas-silġ ikunu jinsabu ’l barra mill-biċċerija, dawn għandhom, fir-rigward tal-ħażna ta' laħam tat-tjur frisk, ikunu ssorveljati minn veterinarju uffiċjali.

    L-awtorità ċentrali kompetenti ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinstab il-maħżen tas-silġ għandu, fir-rigward tal-ħażna ta' laħam tat-tjur frisk, ikun responsabbli għall-approvazzjoni ta' dak il-maħżen u għat-tneħħija ta' dik l-approvazzjoni.

    Artikolu 6

    Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3 (2) u sakemm jidħlu fis-seħħ id-disposizzjonijiet tal-Komunità, din id-Direttiva m'għandhiex taffettwa d-disposizzjonijiet ta' l-Istati Membri dwar:

    (a) il-kondizzjonijiet ta' l-approvazzjoni ta' mħażen tas-silġ li hemm referenza dwarhom fl-Artikolu 5 (4) u għal xi tneħħija ta' din l-approvazzjoni;

    (b) it-trattament tat-tjur b'sostanzi li aktarx jagħmlu l-konsum tal-laħam tat-tjur frisk perikoluż jew ta' ħsara għas-saħħa tal-bniedem, u l-assorbenza mit-tjur ta' dawk is-sustanzi bħal ma huma antibijotiċi, oestroġeni, tirostati, tenderizzaturi, pestiċidi, erbiċidi jew sostanzi li jkun fihom l-arseniku jew l-antimonju;

    (ċ) iż-żieda ta' sostanzi barranin mal-laħam tat-tjur frisk u t-trattament permezz ta' jonizzanti u radjazzjoni ultraviolet.

    Artikolu 7

    Din id-Direttiva m'għandhiex taffettwa l-appelli permezz tal-leġislazzjoni kurrenti fl-Istati Membri u li hemm provvediment dwarhom f'din id-Direttiva għall-iskopijiet li jkunu kkontestati deċiżjonijiet ta’ l-awtoritajiet kompetenti.

    TITOLU III Disposizzjonijiet li jittrattaw biss dwar kummerċ intra-Komunitarju

    Artikolu 8

    Kull Stat Membru għandu jassigura li l-laħam tat-tjur frisk mibgħut minn Stat Membru ieħor jkun akkumpanjat matul it-trasport lejn il-pajjiż tad-destinazzjoni b'ċertifikat tas-saħħa skond il-ħtiġiet tal-Kapitolu VIII ta' l-Anness I.

    Artikolu 9

    1. Mingħajr preġudizzju għall-poteri li jirriżultaw mit-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 5 (3), Stat Membru jista' jipprojbixxi l-kummerċ fit-territorju tiegħu ta' laħam tat-tjur frisk li jkun ġej minn Stat Membru ieħor jekk fil-ħin ta’ l-ispezzjoni tas-saħħa li ssir fil-pajjiż ta' destinazzjoni, jinsab li:

    (a) il-laħam ma jkunx approprjat għall-konsum mill-bniedem, jew li

    (b) id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 3, 8 jew 14 ma jkunx hemm konformità magħhom.

    2. Deċiżjonijiet meħuda permezz tal-paragrafu 1 għandhom, fuq talba tal-kunsinnatarju jew tar-rappreżentant tiegħu, jawtorizzaw li l-laħam tat-tjur frisk jintbagħat lura basta li dan ma jkunx kontra il-konsiderazzjonijiet tas-saħħa. Fi kwalunkwe avvenimenti miżuri ta' sigurtà għandhom jittieħdu sabiex ikun evitat l-użu żbaljat ta' dan il-laħam.

    3. Dawn id-deċiżjonijiet għandhom ikunu kkomunikati lill-kunsinnatarju jew lir-rappreżentant tiegħu flimkien mar-raġunijiet għal dawn id-deċiżjonijiet. Dawn id-deċiżjonijiet irraġunati għandhom, fuq talba, ikunu kkomunikati bil-miktub lilu minnufih b'indikazzjoni ta' liema appelli hemm miftuħa kontrihom permezz tal-leġislazzjoni kurrenti u l-forom u l-limitu ta' żmien li fih jistgħu jinbdew.

    4. Billi dawn id-deċiżjonijiet huma bbażati fuq dijanjosi ta' mard li jittieħed jew li jinfetta, deterjorazzjoni perikoluża għas-saħħa tal-bniedem jew ksur serju ta' disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva, id-deċiżjonijiet u r-raġunijiet għal dan għandhom għalhekk wkoll ikunu kkomunikati minnufih lill-awtorità ċentrali kompetenti tal-pajjiż ta' l-esportazzjoni.

    Artikolu 10

    Kull Stat Membru għandu jippermetti lill-kunsinnatarji li l-laħam tat-tjur frisk tagħhom ma jkunx jista’, bis-saħħa ta' l-Artikolu 9 (1), li jkun ikkummerċjalizzat fit-territorju tiegħu, id-dritt li jiksbu l-opinjoni ta' espert veterinarju. Kull Stat Membu għandu jassigura li, qabel ma' jittieħdu miżuri oħrajn mill-awtoritajiet kompetenti bħal ma hi l-qerda tal-laħam, l-esperti veterinarji jrid ikollhom l-opportunità li jistabbilixxu jekk il-kondizzjonijiet ta’ l-Artikolu 9 (1) ikunu ġew imwettqa.

    L-espert veterinarju għandu jkun ċittadin ta' Stat Membru barra minn dak tal-pajjiż ta' l-esportazzjoni jew tal-pajjiż tad-destinazzjoni.

    Il-Kummissjoni, li taġixxi fuq il-proposta mill-Istati Membri, għandha toħloq bord ta' esperti veterinarji li jistgħu jingħataw l-istruzzjonijiet sabiex jiffformulaw opinjonijiet bħal dawn. Wara li tikkonsulta ma’ l-Istati Membri, għandha tistabbilixxi regoli ġenerali, li jridu jkunu applikati, b'mod partikolari fir-rigward tal-proċedura għall-formulazzjoni ta' dawk l-opinjonijiet.

    Artikolu 11

    1. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 2 u 4, id-disposizzjonijiet tas-saħħa ta’ l-annimali ta' l-Istati Membri dwar il-kummerċ tat-tjur ħajjin u tal-laħam tat-tjur għandha tkompli tapplika sa d-dħul fis-seħħ ta' xi disposizzjonijiet tal-Komunità.

    2. Stat Membru jista', jekk ikun hemm il-perikolu li jista’ jinfirex il-mard ta’ l-annimali bl-introduzzjoni tal-laħam tat-tjur frisk fit-territorju tiegħu minn Stat Membru ieħor, jieħu l-miżuri li ġejjin:

    (a) fil-każ li tfaqqa’ marda epiżootika fl-Istat Membr l-ieħor, projbizzjoni jew restrizzjoni temporanja għad-dħul ta' laħam tat-tjur frisk miż-żoni affettwati ta' dak l-Istat Membru;

    (b) jekk marda epiżootika tinfirex jew jekk tfaqqa’ marda oħra kontaġġjuża jew infettuża ta' l-annimali, temporanjament jipprojbixxi jew jirrestrinġi d-dħul tal-laħam tat-tjuri frisk mit-territorju kollu ta' dak l-Istat.

    3. Kull Stat Membru għandu minnufih jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bit-tfaqqigħ fit-territorju tiegħu ta’ xi marda bħal din bħal ma hemm referenza dwarha fil-paragrafu 2 u bil-miżuri meħuda sabiex tkun ikkontrollata. Għandu jinformahom wkoll minnufih bl-eliminazzjoni tal-marda.

    4. Miżuri meħuda minn Stati Membri permezz tal-paragrafu 2, u t-tneħħija ta' miżuri bħal dawn, għandha tkun ikkomunikata minnufih lill-Istati Membri l-oħra u lejn il-Kummissjoni flimkien ma' raġunijiet għal dan.

    Permezz tal-proċedura stabbbilita fl-Artikolu 12, deċiżjoni tista' tittieħed sabiex tħassar jew temenda dawk il-miżuri, b'mod partikolari sabiex ikunu kkoordinati ma' miżuri adottati mill-Istati Membri l-oħrajn.

    5. Jekk is-sitwazzjoni prevista fil-paragrafu 2 isseħħ u jekk jidher meħtieġ li l-Istati Membri l-oħrajn japplikaw il-miżuri meħuda permezz ta' l-istess paragrafu, emendat, meta meħtieġ, skond il-paragrafu 4, miżuri approprjati għandhom ikunu adottati permezz tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 12.

    Artikolu 12

    1. Meta l-proċedura stabbilita f'dan l-Artikolu għandha tintuża, kwistjonijiet għandhom ikunu rreferuti mill-President mingħajr telf ta' żmien, jew fuq iniżjattiva tiegħu stess jew fuq talba ta' Stat Membru, lejn il-Kumitat Permanenti tal-Veterinarji (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ 'il-Kumitat') stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-15 ta' Ottubru 1968.

    2. Fil-Kumitat, il-voti ta' l-Istati Membri għandhom jiġu peżati kif previst fl-Artikolu 148 (2) tat-Trattat. Il-President m’għandux jivvota.

    3. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti abbozz tal-miżuri li għandhom ikunu adottati. Il-Kumitat għandu jwassal l-opinjoni tiegħu fuq dawk il-miżuri fi żmien jumejn. L-opinjonijiet għandhom jingħataw b'maġġoranza ta' tnax-il vot.

    4. Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri u għandha tapplikahom minnufih meta jkunu skond l-opinjoni tal-Kumitat. Meta ma jkunux fi qbil ma’ l-opinjoni tal-Kumitat jew jekk l-ebda opinjoni ma tingħata, il-Kummissjoni għandha mingħajr dewmien tipproponi lill-Kunsill il-miżuri li għandhom jkunu adottati. Il-Kunsill għandu jadotta l-miżuri b'maġġoranza kkwalifikata.

    Jekk, fi żmien ħmistax-il ġurnata mid-data li fiha l-proposta tkun ġiet ippreżentata lilu, il-Kunsill ma jkunx adotta xi miżuri, il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri proposti u tapplikahom minnufih, għajr meta l-Kunsill ikun iddeċieda b'maġġoranza sempliċi kontra dawk il-miżuri.

    Artikolu 13

    Id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 12 għandhom jgħoddu għal tmintax-il xahar mid-data li fiha l-kwistjoni tkun ġiet l-ewwel darba rriferuta lill-Kumitat, jew permezz ta' l-Artikolu 12 (1) jew permezz ta' kwalunkwe regoli korrispondenti.

    Artikolu 14

    1. L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu l-ipproċessar Spinchiller ta' tkessiħ tat-tjur li jintuża bħalissa. Din il-projbizzjoni għandha jkollha effett biss mill-1 ta' Jannar 1976.

    2. Wara li tikkonsulta ma' l-Istati Membri fi ħdan il-Kumitat Veterinarju Permanenti, il-Kummissjoni għandha tissottometti lejn il-Kunsill qabel l-1 ta' Jannar 1972 rapport dwar jekk hemmx wieħed jew aktar proċessi alternattivi ta' tkessiħ.

    3. Id-data stabbilita fil-paragrafu 1 għandha tkun mibdula għall-1 ta' Jannar 1977 sakemm il-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, ma jsibx qabel l-1 ta' Jannar 1972 li wieħed jew aktar proċessi esplojtabbli industrijali ġodda, ikunu ġew skoperti.

    TITOLU IV Disposizzjoni Finali

    Artikolu 15

    Sad-dħul fis-seħħ tad-disposizzjonijiet tal-Komunità li jikkonċernaw l-importazzjoni ta' laħam tat-tjur frisk minn pajjżi terzi, Stati Membri għandhom japplikaw lil importazzjoni bħal din disposizzjonijiet li huma mill-anqas ekwivalenti għal dawk ta' din id-Direttiva.

    Artikolu 16

    Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 14, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva u l-Annessi tagħha:

    (a) fir-rigward ta' kummerċ intra-Komunitarju: fi żmien sentejn wara n-notifika ta' din id-Direttiva;

    (b) fir-rigward ta' laħam tat-tjur frisk prodott u kkumerċjalizzat fit-territorju tagħhom: fi żmien massimu ta' ħames snin wara n-notifika ta' din id-Direttiva.

    Għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan.

    Artikolu 17

    Din id-Direttiva hija indirizzata lil l-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussel, il-15 ta' Frar 1971.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. Cointat

    [1] ĠU Nru 109, 9.7.1964, p. 1721/64.

    [2] ĠU Nru 117, 19.6.1967, p. 2301/67.

    --------------------------------------------------

    ANNESS I

    Il-KAPITOLU I

    ĦTIĠIET TA' L-IĠJENE GĦALL-BIĊĊERIJI

    1. Biċċeriji għandhom ikollhom:

    (a) kamra jew spazju mogħtti li jkun kbir biżżejjed u faċli biex jitnaddaf u jkun iddiżinfettat, għall-ispezzjoni ante mortem tat-tjur;

    (b) kamra speċjali li tkun faċli biex titnaddaf u li tiġi ddiżinfettata, li tintuża biss għat-tjur li jbagħtu minn jew li hemm suspett li jkunu jbagħtu minn marda;

    (ċ) kamra tal-qtil kbira biżżejjed sabiex isir l-isturdament u jitneħħa d-demm min-naħa l-waħda, u għat-tnittif u biex jinstamtu min-naħa l-oħra, li jitwettqu f'postijiet separati. Kwalunkwe komunikazzjoni bejn il-kamra tal-qtil u l-kamra jew il-post li għalih hemm referenza f'(a) apparti mil-ftuħ dejjaq li minn jista' jgħaddu biss t-tjur għall-qatla, għandu jkollu bieb li jingħalaq awtomatikament;

    (d) kamra għall-evixxerazzjoni u l-preparazzjoni li tkun kbira biżżejjed sabiex l-evixxerazzjoni titwettaq f'post ’il bogħod biżżejjed mill-postijiet tax-xogħol l-oħrajn, jew separat minnhom permezz ta' diviżorji, hekk li tkun evitata l-kontaminazzjoni. Xi komunikazzjoni bejn l-kamra fejn issir l-evixxerazzjoni u l-preparazzjoni u l-kamra tal-qtil apparti minn ftuħ dejjaq li minnu jgħaddi biss it-tajr li jinqatel, għandu jkollu bieb li jingħalaq awtomatikament;

    (e) jekk ikun hemm bżonn, kamra tad-dispaċċ;

    (f) waħda jew aktar kmamar kbar biżżejjed sabiex ikessħu jew jiffriżaw;

    (g) kamra jew spazju sabiex jinġabar ir-rix sakemm dawn ma jitqisux bħala skart;

    (h) postijiet speċjali li jinqaflu rriżervati għall-ħażna separata tal-laħam tat-tjur li jkun inżamm għal tul ta' żmien u ta' laħam marid li jkun ġie ddikjarat li mhux tajjeb għall-konsum mill-bniedem u skart, meta dak il-laħam u l-iskart ma jitneħħiex kuljum mill-biċċerija;

    (i) kamra speċjali biss għat-trattament tekniku jew għall-qerda ta' laħam tat-tjur iddikjarat mhux tajjeb għall-konsum mill-bniedem permezz tal-paragrafu 28, laħam li permezz tal-paragrafu 29 ikun eskluż mill-użu għall-konsum mill-bniedem, u l-iskart u l-partijiet sekondarji wara l-qtil, intiżi għal skopijiet industrijali, jekk dan it-trattament tekniku jew din il-qerda ssir fuq il-post;

    (j) kmamar tat-tibdil, is-sinkijiet, doċċi u lavatorju bil-flaxing; dan ta' l-aħħar m'għandux ikun jinfetaħ direttament fuq il-kmamar tax-xogħol; is-sinkijiet għandhom ikollhom ilma ġiri sħun u kiesaħ, materjali għat-tindif u d-diżinfettazzjoni ta’ l-idejn, u xugamani ta’ l-idejn li jintremew; is-sinkijiet għandhom ikunu ħdejn il-lavatorji;

    (k) post speċjali mħejji għad-demel sakemm id-demel ma jitneħħix mill-ewwel b'mod iġeniku;

    (l) post u apparat approprjat għat-tindif u d-diżinfettazzjoni tal-gaġġeġ u l-vetturi;

    (m) kamra li tissakkar armata kif suppost għall-użu biss tas-servizz tal-veterinarju;

    (n) fil-kmamar tax-xogħol, apparat adekwat għat-tindif u d-diżinfezzjoni ta’ l-idejn u l-għodda; dan l-appart għandu jkun kemm jista' jkun ħdejn il-postijiet tax-xogħol; il-vitijiet m'għandhomx ikunu jitħaddmu bl-idejn; dawn il-faċilitajiet għandhom ikollhom ilma ġiri sħun u kiesaħ, prodotti tat-tindif u d-diżinfettazzjoni u xugamani ta’ l-idejn li jintremew; għat-tindif ta' strumenti t-temperatur ta’ l-ilma m'għandhiex tkun ta' anqas minn + 82 °Ċ;

    (o) faċilitajiet li jippermettu l-ispezzjonijiet mill-veterinarji previsti f'din id-Direttiva sabiex jitwettqu b'mod effiċjenti fi kwalunkwe ħin;

    (p) ħajt mad-dawra jew mezz ieħor ta' għeluq adwekwat;

    (q) mingħajr preġudizzju għal (a), (b), (ċ) u (d), separazzjoni adekwata tal-partijiet nodfa mill-partijiet ikkontaminati tal-bini;

    (r) fil-kmamar imsemmija f' (a) sa (j):

    - art li tirreżisti l-ilma li hija faċli li titnaddaf u tkun iddiżinfettata, kontra l-moffa, u mibnija b'mod li l-ilma jkun jista' jiskula faċilment;

    - ħitan lixxi b'passata jew żebgħa kulur ċar li tinħasel sa għoli ta' mill-anqas 2 metri, b'angoli u rkejjen mibruma;

    (s) ventilazzjoni approprjata u, jekk ikun hemm bżonn, estrazzjoni tal-fwar;

    (t) dawl approprjat naturali jew artifiċjali li ma jibdilx il-kuluri fil-kmamar intiżi għat-tjur ħajjin jew maqtula;

    (u) provvista approprjata, taħt pressjoni, ta' ilma tax-xorb biss; iżda, ilma li mhux tajjeb għax-xorb jista' jintuża f'każijiet eċċezzjonali għall-produzzjoni tal-fwar, basta li l-pajpijiet installati għal dan l-iskop ma jħallux dan l-ilma jintuża għal skopijiet oħrajn; ukoll, l-użu ta’ l-ilma mhux għax-xorb jista' jitħalla f'każijiet eċċezzjonali għall-apparat tat-tkessiħ. Kanen għall-ilma li mhux tajjeb għax-xorb għandhom jinżebgħu aħmar u m'għandhomx jgħaddu minn kmamar fejn hemm il-laħam;

    (v) provvista approprjata ta' ilma tax-xorb sħun taħt pressjoni;

    (w) sistema ta' tneħħija ta' l-ilma għall-iskart li jilħaq il-ħtiġiet ta' l-iġjene;

    (x) apparat approprjat għall-protezzjoni kontra pesti bħal ma huma l-insetti, l-annimali li jgermu, etċ.;

    (y) strumenti u apparat tax-xogħol u wkoll apparat li jiġi f'kuntatt ma' tjur matul il-ħażna, li ma jissaddux, u li huma faċli li jitnaddfu u jkunu ddiżinfettati;

    (z) kontenituri speċjali ta’ l-arja li ma jsaddux u li ma jħallux li jidħol l-ilma u li ma jistgħux ikunu sfurzati sabiex jinfetħu, għall-ġabra tal-laħam li jkun ġie ddikjarat mhux tajjeb għall-konsum mill-bniedem fi ħdan it-tifsira tal-paragrafu 28 tal-Kapitolu VI.

    IL-KAPITOLU II

    ĦTIĠIET TA' IĠJENE GĦALL-PERSONAL TAL-BIĊĊERIJI, BINI, APPARAT U STRUMENTI

    2. Indafa assoluta għandha tkun meħtieġa mill-personal, mill-bini, mill-apparat u mill-istrumenti.

    (a) Il-personal għandu b'mod partikolari jilbes ħwejjeġ tax-xogħol u kpiepel ta' kulur ċar nodfa u li jinħasslu faċilment. Il-personal li joqtlu l-annimali u li jaħdmu fuq u jqandlu l-laħam għandhom jaħslu u jiddiżinfettaw idejhom bosta drabi matul kull ġurnata tax-xogħol u kull darba li jerġgħu jibdew ix-xogħol. Persuni li ġew f'kuntatt ma’ annimali morda jew laħam infettat għandhom minnufih wara dan jaħslu jdejhom bir-reqqa u dirgħajhom b'ilma sħun u mbagħad jiddiżinfettawhom. It-tipjip huwa pprojbit fil-kmamar tax-xogħol u fl-imħażen;

    (b) Ebda klieb, qtates jew annimali oħra apparti mit-tjur intiżi għall-qatla kif definiti fl-Artikolu 1 (1) ma għandhom jidħlu fil-biċċeriji, għajr għall-annimali għat-tagħbija użat fil-biċċerija. Din il-projbizzjoni m'għandhiex tapplika għal fniek jew għasafar li m'humiex imsemmija fl-Artikolu 1 (1), li huma intenzjonati għall-qtil immedjat basta li ma jinżammux, ma jinqatlux, ma jkunux ippreparati jew maħżuna fl-istess ħin u fl-istess kmamar tat-tjur.

    Annimali li jgerrmu (rodents), insetti u pesti oħrajn għandhom jinqerdu b'mod sistematiku;

    (ċ) Il-kmamar imsemmija fil-kapitolu 1 (1) (a), (b), (ċ), (d) u (e) għandhom jitnaddfu u jkunu ddiżinfettati kif approprjat u fi kwalunkwe każ fl-aħħar tal-ġurnata tax-xogħol.

    (d) Il-gaġġeġ li jintużaw sabiex jitwasslu t-tjur għandhom ikun magħmulin minn materjal li ma jissaddadx, li huma faċli biex jitnaddfu u li jkunu ddisinfettati u li għandhom l-qiegħ li jirreżisti l-ilma. Għandhom jitnaddfu u jkunu ddiżinfettati kull darba li jkunu żvojtati;

    (e) L-apparat u l-istrumenti li jintużaw għall-qtil, il-ħidma fuq u l-ħażna tal-laħam għandhom jinżammu nodfa u fi stat tajjeb ta' użu. Għandhom jitnaddfu bir-reqqa u jkunu ddiżinfettati bosta drabi matul kull ġurnata tax-xogħol, fl-aħħar tal-ġurnata tax-xogħol u qabel ma jerġgħu jintużaw jekk ikunu ġew ikkontaminati, b'mod partikolari b'mikrobi tal-mard;

    (f) Kontenituri ta' laħam marid li mhux tajjeb għall-konsum mill-bniedem u għall-fdalijiet għandhom ikunu żvojtati wara l-użu u mnaddfa u ddiżinfettati kull darba li jkunu żvojtati.

    3. Bini, strumenti, apparat tax-xogħol u impjant użat għall-ħidma tal-qtil u għall-ħażna tal-laħam għandu jintuża biss għal dawk l-iskopijiet.

    4. Laħam tat-tjur u kontenituri għal dan m'għandhomx ikunu f'kuntatt dirett ma' l-art.

    5. Ir-rix għandu jittieħed lil hemm minnufih wara t-tnittif.

    6. L-użu ta' deterġenti, diżinfettanti u pestiċidi m'għandhomx jaffettwaw il-bontà tal-laħam għall-konsum.

    7. Persuni li jistgħu jniġġsu l-laħam għandhom ikunu pprojbiti milli joqtlu jew iqandluh, b'mod partikolari jekk

    (a) isofru minn jew hemm suspett li jsofru minn deni tat-tifu, paratifu A and B, enterite infettuża (salmonellosis), diżinterija, ħepatite infettuża, l-iskarlatina jew iġorru minn dan il-mard;

    (b) isofru jew hemm suspett li jsofru minn tuberkolożi li tittieħed jew infettuża;

    (ċ) isofru jew hemm suspett li jsofru minn mard tal-ġilda li jittieħed jew jinfettuż;

    (d) jeżerċitaw fl-istess waqt attività li tista' tikkawża mikrobi li jkunu trasmesssi lejn il-laħam;

    (e) libsin faxxa fuq idejhom, apparti minn garża li ma żżomx ilma u tkun tipproteġi ferita tas-sebgħa li ma tkunx infettata.

    8. Għandu jkun meħtieġ ċertifikat mediku minn kull persuna li taħdem fuq il-laħam tat-tjur. Dan għandu jiddikjara li ma hemm l-ebda impediment għal dan l-impieg; iċ-ċertifikat għandu jiġġedded kull sena u kull meta jintalab mill-veterinarju uffiċjali; għandu jkun dejjem disponibbli għal dan ta’ l-aħħar.

    IL-KAPITOLU III

    SPEZZJONI TAS-SAĦĦA ANTE MORTEM

    9. Tjur għall-qtil għandhom jgħaddu minn spezzjoni ante mortem fl-24 siegħa minn x'ħin jaslu fil-biċċerija. L-ispezzjoni għandha tkun irrepetuta eżatt qabel il-qtil jekk aktar minn 24 siegħa jkunu għaddew mill-ispezzjoni ante mortem.

    10. L-ispezzjoni ante mortem tista' tkun ristretta sabiex ikunu identifikati ġrieħi matul it-trasport jekk it-tjur ikun ġie spezzjonat fir-razzett ta’l-oriġini fl-aħħar 24 siegħa u nstab b'saħħtu. B'dankollu, l-identità tat-tjur għandha tkun ippruvata malli jaslu fil-biċċerija.

    Jekk l-ispezzjoni ante mortem fir-razzett tal-oriġini u fil-biċċerija ma jsirux mill-istess uffiċjal veterinarju, ċertifikati tas-saħħa li jiddikjaraw il-partikolaritajiet meħtieġa permezz ta' l-Anness III għandhom ikunu ma’ l-annimali.

    11. L-ispezzjoni ante mortem għandha ssir taħt dawl addattat.

    12. L-ispezzjoni għandha tiddetermina:

    (a) jekk it-tjur humiex qed isofru minn marda li tista' tittieħed mill-bnedmin jew mill-annimali, sew jekk turi sintomi u anki jekk il-kondizzjoni ġenerali tagħhom tkun tali li tindika li l-marda tista' sseħħ;

    (b) sew jekk juru sintomi tal-marda jew ta' xi ħsara li taffettwa l-kondizzjoni ġenerali li tagħmel il-laħam mhux tajjeb għall-konsum mill-bniedem.

    13. Tjur li jsofru minn pesta tat-tjur, marda ta' Newċastle, marda tar-rabbja, salmonella (salmonellosis), kolera jew 'ornithosis' għandhom ikunu ddikjarati li ma humiex tajbin għall-konsum mill-bniedem.

    14. Annimali ma jistgħux jinqatlu għall-konsum mill-bniedem bħala laħam frisk meta jkun stabbilit li:

    - mill-preżenza ta' tjur morda fil-biċċerija,

    - mill-informazzjoni tas-saħħa dwar l-oriġini tagħhom,

    ikunu ġew f'kuntatt ma' għasafar li jsofru minn pesta tat-tjur, marda ta' Newċastle, marda tar-rabbja, salmonella (salmonellosis), kolera jew 'ornithosis f'ċirkostanzi li l-marda setgħet għaddiet lilhom.

    15. It-tjur li għalihom hemm referenza fil-paragrafi 12, 13 jew 14 għandhom jinqatlu separatament u wara li jkunu nqattlu t-tjur l-oħra kollha.

    IL-KAPITOLU IV

    ĦTIĠIET TA' L-IĠJENE GĦALL-QTIL

    16. Tjur miġjuba fil-bini tal-biċċerija għandhom jinqatlu minnufih wara li jiġu sturduti.

    17. It-tneħħija tad-demm għandha tintemm u ssir b'tali mod li d-demm ma jistax jikkawża kontaminazzjoni barra mill-post tal-qtil.

    18. Tjur maqtula għandhom ikunu mnittfa minnufih u kompletament.

    19. It-tneħħija ta’ l-interjuri għandha ssir minnufih. Il-karkassa għandha tinfetaħ b'tali mod li l-kavitajiet u l-interjuri kollha jistgħu jkunu spezzjonati. Għal dan l-iskop, il-fwied, il-milsa u l-kanal tad-diġestjoni għandhom jitneħħew mill-karkassa b'tali mod li ma tkunx ikkontaminat u l-konnessjonijiet naturali ta' dawk l-interjuri jibqgħu sa l-ispezzjoni.

    20. Wara l-ispezzjoni l-interjuri li jkunu ġew imneħħija għandhom ikunu separati minnufih mill-karkassa, u l-partijiet li m'humiex tajbin għall-konsum mill-bniedem jitneħħew mill-ewwel.

    L-interjuri jew partijiet mill-interjuri li jibqgħu fil-karkassa għandhom, bl-eċċezzjoni tal-kliewi, jitneħħew kompletament, jekk huwa possibbli taħt kondizzjonijiet sodisfaċenti ta' iġjene.

    21. Huwa pprojbit li l-laħam tat-tjur jimtela bl-arja, li jkun imnaddaf b'xi ċarruta jew li timtela l-karkassa b'xi affarijiet oħrajn apparti mill-interjuri li jittiekel minn tjur maqtula fil-biċċerija.

    Partijiet mit-tjur u fdalijiet ta' laħam għandhom ikunu ppakkjati bil-manjera li hemm provvediment dwarha fil-paragrafu 35

    22. Huwa projbit li titqatta’ l-karkassa jew li jitneħħa jew li jkun ittrattat il-laħam tat-tjur qabel ma tintemm l-ispezzjoni. L-uffiċjal veterinajru jista' jippreskrivi kwalunkwe tqandil ieħor mitlub mill-ispezzjoni.

    23. Laħam li jinżamm u li jkun iddikjarat mhux tajjeb għall-konsum mill-bniedem skond il-paragrafu 28 jew li ma jitħalliex għall-konsum mill-bniedem skond il-paragrafu 29, rix u skart għandhom jitneħħew mill-aktar fis possibbli lejn il-kmamar jew lejn il-kontenituri li hemm provvediment dwarhom fil-paragrafu 1 (g), (h) u (i) u għandhom ikunu mqandla b'tali mod li l-kontaminazzjoni tinżamm fuq livell minimu.

    24. Wara spezzjoni u tneħħija ta’ l-interjuri, laħam tat-tjur frisk għandu jitnaddaf minnufih u jitkessaħ skond il-ħtiġiet ta' l-iġjene.

    IL-KAPITOLU V

    SPEZZJONI TAS-SAĦĦA POST MORTEM

    25. Il-partijiet kollha ta’ l-annimal għandhom ikunu spezzjonati minnufih wara l-qtil.

    26. L-ispezzjoni post mortem għandha ssir taħt dawl approprjat.

    27. L-ispezzjoni post mortem għandha tinkludi:

    (a) spezzjoni viżwali ta’ l-annimal maqtul,

    (b) meta meħtieġ, ħass bl-idejn u inċiżjoni ta' l-annimal maqtul,

    (ċ) investigazzjoni ta’ l-anomaliji fil-konsistenza, kulur, riħa u, fejn huwa approprjat, tat-togħma,

    (d) meta meħtieġ, testijiet tal-laboratorju.

    IL-KAPITOLU VI

    DEĊIJONI TAL-VETERINARJU UFFIĊJALI FL-ISPEZZJONI POST MORTEM

    28. 1. It-tjur għandhom ikunu ddikjarati totalment mhux tajbin għall-konsum mill-bniedem meta l-ispezzjoni turi dan li ġej:

    - mewt li tirriżulta minn kawża oħra li mhux qtil,

    - kontaminazzjoni ġenerali,

    - brix maġġuri u "eċċhymosis",

    - riħa, kulur u togħma mhux normali,

    - tħassir/tranġit,

    - konsistenza mhux normali,

    - "ċaċhexia",

    - "oedema",

    - "asċites",

    - suffejra,

    - mard infettuż,

    - "aspergillosis",

    - "toxoplasmosis",

    - parassittaġni estensiva tas-subċutaneju jew tal-muskoli,

    - tumuri malinni jew multipliċi,

    - "leuċosis",

    - ivvalenament.

    2. Partijiet ta' annimal maqtula li juru brix trawmatiċi lokalizzati li ma jaffettwaw is-saħħa tal-bqija tal-laħam għandhom ikunu dikjarati mhux tajbin għall-konsum mill-bniedem.

    29. L-interjuri li ġejjin huma esklużi mill-użu għall-konsum mill-bniedem: it-trakea, il-pulmuni, separati mill-karkassa skond il-paragrafu 20, il-kanal tan-nifs, il-ħawsla, l-imsaren u l-marrara.

    IL-KAPITOLU VII

    IMMARKAR TAS-SAĦĦA

    30. L-immarkar tas-saħħa għandu jsir taħt ir-responsabbiltà tal-veterinarju uffiċjali, li għandu jżomm u jmantni għal dak l-iskop:

    (a) l-istrumenti sabiex isir l-immarkar tas-saħħa fuq il-laħam, għandhom jingħataw lill-personal assistenti biss fil-ħin li fih ikun sejjer isir l-immarrkar u għal tul ta' żmien meħtieġ għal dan l-iskop;

    (b) it-tikketti u l-inkartar meta dawn diġà jkun fihom it-timbru jew il-marka prevista fil-paragrafu 31 u s-siġill li għalihom hemm referenza fil-paragrafu 31. Dawn it-tikketti, l-inkartar u s-siġilli għandhom jingħataw fin-numru meħtieġ lill-personal assistenti fil-ħin ta' meta għandhom jintużaw.

    31. L-immarkar tas-saħħa għandu jikkonsisti f'dan li ġej:

    (a) għal karkassi li ma jkunux ippakkjati, jitwaħħal siġill ma' kull waħda.

    Is-siġill għandu jkun tali li ma jistax jerġa’ jintuża; għandu jkun ta' materjal reżistenti li jilħaq il-ħtiġiet ta' l-iġjene u kbir biżżejjed għall-informazzjoni obligatorja segwenti sabiex tidher fuqu b'ittri li jinqraw perfettament:

    - fuq il-parti ta' fuq, l-ewwel żewġ ittri kbar tal-pajjiż li qiegħed jesporta,

    - fiċ-ċentru, in-numru ta' l-approvazzjoni tal-veterinarju tal-biċċerija,

    - fuq il-parti ta' isfel, wieħed mis-settijiet ta' inizjali li ġejjin: KEE, EEG, or EWG.

    L-ittri u l-figura għandhom ikunu għoljin 0 72 ċm;

    (b) għall-karkassi li huma ppakkjati u partijiet tal-karkasssi, marka stampata fuq l-inkartar, li għandu jkun magħluq b'tali mod li ma jistax jerġa' jintuża wara li jinfetaħ.

    L-inkartar għandu jkun ta' materjal b’saħħtu biżżejjed li jilħaq il-ħtiġiet kollha ta' l-iġjene; il-marka għandha tagħti l-istess informazzjoni bħal dik mitluba għas-siġill u għandha tkun stampata b'karattri ta' l-istess daqs;

    (ċ) għall-fdalijiet ta' laħam li m'humiex fil-karkassa, marka stampata li fuqha għandu jingħalaq b'timbru, kif deskritt taħt (b) jew timbru imbuzzat fuq it-tikketta li jkun kjarament viżibbli u mwaħħal b'mod sod fuq l-ippakkjar. It-tikketta għandha titwaħħal b'tali mod li tinqered meta jinfetaħ l-ippakkjar.

    It-timbru għandu jkun timbru tal-linka ovali wiesgħa 6 75 ċm u għoli 4 75 ċm. L-informazzjoni li ġejja għandha tidher fuqa b'karattri li jinqraw perfettament:

    - fuq il-parti ta' fuq, l-isem b'ittri kbar tal-pajjiż li qiegħed jesporta,

    - fiċ-ċentru, in-numru ta' l-approvazzjoni tal-veterinarju tal-biċċerija,

    - fuq il-parti ta' isfel, wieħed mis-settijiet ta' inizjali li ġejjin: KEE, EEG or EWG.

    L-ittri għandhom ikunu għoljin 0 78 ċm u l-figuri għandhom ikunu għoljin 1 71 ċm.

    IL-KAPITOLU VIII

    IĊ-ĊERTIFIKAT TAS-SAĦĦA

    32. Iċ-ċertifikat oriġinali tas-saħħa li għandu jakkompanja l-laħam tat-tjur frisk matul it-trasportazzjoni lejn il-pajjiż tad-destinazzjoni għandu jinħareġ minn uffiċjal veterinarju fil-ħin ta' tagħbija. Iċ-ċertifikat tas-saħħa għandu jikkorrispondi fl-għamla u fil-kontenut mal-mudel fl-Anness IV. Għandu jkun espress fil-lingwa tal-pajjiż tad-destinazzjoni u mill-anqas ikun fih l-informazzjoni speċifikata fil-mudel fl-Anness IV.

    IL-KAPITOLU IX

    IL-ĦANA

    33. Wara it-tkessiħ previst fil-paragrafu 24, il-laħam tat-tjur frisk għandu jinżamm f'temperatura li ma tistax fi kwalunkwe ħin teċċedi + 4 °Ċ.

    IL-KAPITOLU X

    L-IMBALLAĠĠ

    34. (a) Imballaġġ (per eżempju, kaxxi ta’ l-imballaġġ, kaxxi tal-kartun) għandhom jilħqu l-ħtiġiet kollha ta' l-iġjene, b'mod partikolari:

    - ma tistax taffettwa l-karattru organoleptiku tal-laħam,

    - ma tistax tittrasmetti lejn is-sostanzi li huma ta' ħsara għas-saħħa tal-bniedem,

    - trid tkun b'saħħitha biżżejjed sabiex tipproteġi l-laħam b'mod approprjat matul it-trasport u t-tqandil.

    b) L-imballaġġ jista' jerġa jintuża biss għal-laħam meta jkun magħmul minn materjal li ma jissaddadx li huwa faċli biex jitnaddaf u li l-ewwel ikun ġie mnaddaf u ddiżinfettat.

    35. Meta l-laħam tat-tjur frisk jitgeżwer fil-materjal ta' l-imballaġġ (per eżempju folja tal-plastik) li hija f'kuntatt dirett miegħu, dan għandu jsir skond il-ħtiġiet ta' l-iġjene.

    Dan l-imballaġġ għandu jkun trasparenti u mingħajr kulur u jilħaq ir-rekwiżiti tal-paragrafu 34 (a); ma jistgħux jerġgħu jintużaw sabiex ikun ippakkjat il-laħam.

    Partijiet tat-tjur jew fdalijiet separati mill-karkassa għandhom dejjem ikunu mgeżwra u ssiġillati b'mod sod f'materjal protettiv li jissodisfa l-kriterji ta' hawn fuq.

    IL-KAPITOLU XI

    IT-TRASPORT

    36. Il-laħam tat-tjur frisk għandu jkun ittrasportat f'vetturi jew f'kontenituri ddisinjati u mgħammra b'tali mod li t-temperatura speċifikata fil-Kapitolu IX tkun mantnuta matul it-trasport.

    37. Il-mezz tat-trasport tal-laħam tat-tjur frisk ma jistax jintuża sabiex iwassal annimali ħajjin jew kwalunkwe prodott li jista' jkun kontra jew li jniġġes il-laħam sa kemm ma jkunx, wara li jħott dawk il-prodotti, mnaddaf sewwa, iddisinfettat u, meta meħtieġ, titneħħa r-riħa.

    38. Laħam tat-tjur frisk jista' jiġi ttrasportat biss fl-istess ħin mas-sostanzi li jistgħu jaffettwawh jew jagħtuh ir-riħa jekk jittieħdu l-prekawzjonijiet approprjati.

    39. Laħam frisk m'għandux jiġi trasportat f'vetturi jew kontenituri li m'humiex nodfa jew iddiżinfettati.

    40. Il-veterinarju uffiċjali għandu jassigura li qabel ma ssir it-tagħbija l-vetturi tat-trasport u l-kontenituri u l-kondizzjonijiet tat-tagħbija jilħqu l-ħtiġiet ta' l-iġjene ta' dan il-Kapitolu.

    --------------------------------------------------

    ANNESS II

    ĦTIĠIET DWAR L-ASSISTENTI

    1. Dawn li ġejjin biss jistgħu jkunu aċċettati bħala assistenti: <il-persuni li

    (a) jipprovdu attestazzjoni minn awtorità kompetenti li huma ta' karattru tajjeb;

    (b) li għandhom edukazzjoni bażika adekwata;

    (ċ) huma fiżikament tajbin għall-impieg;

    (d) juru f'test l-abilità li għandhom għarfien tekniku adekwat.

    2. Mingħajr preġudizzju għall-Kapitolu II (7) u (8) ta’ l-Anness I, l-ebda persuna ma għandha tkun impjegata bħala assistent li:

    (a) teżerċita attività li tista' tinvolvi risku ta' infezzjoni tal-laħam tat-tjur frisk;

    (b) hija permezz ta' bejjiegħ tal-laħam, tieħu ħsieb biċċerija tat-tjur jew taħdem hemm fi kwalunkwe kapaċità, tinnegozja fit-tjur jew fl-għalf tat-tjur, hija konsulent fuq l-għalf tat-tjur, hija bidwi professjonali tat-tjur jew hija impjegata f'impriża agrikola.

    3. It-test li għalih hemm referenza fil-paragrafu 1 (d) għandu jkun organizzata mill-awtorità ċentrali kompetenti ta' l-Istat Membru jew mill-awtorità appuntata mill-Istat Membru. Kandidati biss li jippruvaw li kellhom tliet xhur ta' taħriġ prattiku taħt uffiċjal veterinarju għandhom ikunu eliġibbli għal dan it-test.

    4. It-test li għalih hemm referenza fil-paragrafu 3 għandu jikkonsisti f'parti teoretika u parti prattika u għandu jkopri is-suġġetti li ġejjin:

    (a) Parti teoretika:

    - għarfien bażiku ta’ l-anatomija u l-fiżjoloġija tat-tjur;

    - Għarfien bażiku tal-patoloġija anatomika tat-tjur;

    - għarfien bażiku ta' ndafa u b'mod partikolari ta' l-indafa industrijali;

    - metodi u proċedura għall-qtil, preparazzjoni, imballaġġ u trasport tat-tjur;

    - għarfien tal-liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi rrelatati mat-twettiq tax-xogħol tagħhom.

    (b) Parti prattika:

    - l-ispezzjoni u l-assessjar tat-tjur għall-qatla;

    - l-ispezzjoni u l-assessjar tat-tjur maqtula;

    - id-determinazzjoni ta' l-ispeċi ta’ l-annimal minn eżaminazzjoni tal-partijiet tipiċi ta’ l-annimal;

    - id-determinazzjoni ta' numru tal-partijiet tat-tjur maqtula li fihom ikunu seħħew tibdiliet, u kummenti dwar dan;

    - l-esperjenza ta' spezzjoni post mortem fuq linja ta' produzzjoni.

    --------------------------------------------------

    ANNESS III

    +++++ TIFF +++++

    --------------------------------------------------

    ANNESS IV

    +++++ TIFF +++++

    +++++ TIFF +++++

    --------------------------------------------------

    Top