EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02011D0344-20120720

Consolidated text: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tas- 17 ta’ Mejju 2011 dwar l-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Portugall (2011/344/UE)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2011/344/2012-07-20

2011D0344 — MT — 20.07.2012 — 005.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

tas-17 ta’ Mejju 2011

dwar l-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Portugall

(2011/344/UE)

(ĠU L 159, 17.6.2011, p.88)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL tat-2 ta’ Settembru 2011

  L 240

8

16.9.2011

►M2

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL tal-11 ta’ Ottubru 2011

  L 269

32

14.10.2011

►M3

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL tal-14 ta’ Diċembru 2011

  L 46

40

17.2.2012

►M4

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL tad-29 ta’ Marzu 2012

  L 115

21

27.4.2012

►M5

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL tal-10 ta’ Lulju 2012

  L 192

12

20.7.2012


Ikkoreġut b'

►C1

Rettifika, ĠU L 178, 10.7.2012, p. 15  (344/2011)




▼B

▼C1

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

tas-17 ta’ Mejju 2011

dwar l-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Portugall

▼B

(2011/344/UE)



IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta’ Mejju 2010 li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbilizzazzjoni finanzjarja ( 1 ), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(2) tiegħu.

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Portugall dan l-aħħar kien taħt pressjoni dejjem akbar fir-rigward tas-swieq finanzjarji, u dan ħoloq tħassib dejjem jiżdied dwar is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi tiegħu. Tabilħaqq, il-kriżi attwalikellha impatt drammatiku wkoll fuq il-finanzi pubbliċi, li finalment wasslet għal żieda kbira fil-firxiet tad-dejn sovran. Fost tnaqqis konsekuttiv fil-klassifikazzjoni ta’ aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu tal-bonds Portugiżi, il-pajjiż ma baqax f’pożizzjoni li jiffinanzja lilu nnifsu mill-ġdid b’rati kompatibbli ma’ sostenibbiltà fiskali fuq perijodu ta’ żmien twil. Fl-istess waqt, is-settur bankarju, li jiddependi ħafna mill-finanzjament estern, partikolarment fiż-żona euro, ġie maqtugħ dejjem aktar mill-finanzjament tas-swieq.

(2)

Fid-dawl ta’ dan it-taqlib ekonomiku u finanzjarju gravi kkawżat minn ċirkostanzi eċċezzjonali lilhinn mill-kontroll tal-gvern, il-Portugall talab uffiċjalment assistenza finanzjarja mill-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri li l-valuta tagħhom hija l-euro u l-Fond Monetarju Internazzjonali (“FMI”) fis-7 ta’ April 2011 bil-għan li jiġi appoġġat programm ta’ politika li jerġa’ jistabbilixxi l-fiduċja u li jippermetti li l-ekonomija terġa’ lura fit-triq li twassal għal tkabbir sostenibbli, u li tissalvagwardja l-istabbiltà finanzjarja fil-Portugall, iż-żona euro u l-Unjoni. Fit-3 ta’ Mejju 2011, intlaħaq ftehim bejn il-Gvern u l-missjoni konġunta tal-Kummissjoni/FMI/BĊE fir-rigward ta’ programm komprensiv ta’ politika fuq tliet snin għall-perijodu sa nofs l-2014, sabiex jiġi stipulat f’Memorandum ta’ Politika Ekonomika u Finanzjarja (“MPEF”) u Memorandum ta’ Qbil dwar Kundizzjonalità ta’ Politika Ekonomika Speċifika (“MtQ”). Dan il-progrmm ta’ politika kien appoġġat mill-akbar żewġ partiti fl-oppożizzjoni.

(3)

Dan l-abbozz tal-programm ta’ aġġustament ekonomiku u finanzjarju (“il-Programm”) ippreżentat mill-Portugall lill-Kummissjoni u lill-Kunsill għandu l-għan li jerġa’ jistabbilixxi l-fiduċja fis-settur tad-dejn sovran u f’dak bankarju u li jappoġġa t-tkabbir u l-impjiegi. Jipprevedi azzjoni komprensiva li tindirizza tliet kwistjonijiet. L-ewwel nett, riformi strutturali profondi u bi frontloading li jippermettu żieda fit-tkabbir potenzjali, li joħolqu l-impjiegi, u li jtejbu l-kompetittività (inkluż permezz ta’ devalwazzjoni fiskali). B’mod partikolari, il-Programm fih riformi tas-suq tax-xogħol, tas-sistema ġudizzjarja, tal-industriji tan-netwerks, u tas-setturi tad-djar u tas-servizzi, bil-għan li jissaħħaħ il-potenzjal għat-tkabbir tal-ekonomija, titjieb il-kompetittività u jiġi ffaċilitat l-aġġustament ekonomiku. It-tieni, strateġija ta’ konsolidazzjoni fiskali bbilanċjata u kredibbli, appoġġata minn miżuri fiskali strateġiċi u kontroll fiskali aħjar ta’ Sħubiji Pubbliċi Privati (“SPP”) u Impriżi tal-Istat (State-Owned Enterprises, “SOEs”), bil-għan li l-proporzjon ta’ dejn pubbliku gross mal-PDG jaqbad triq tan-niżla soda fuq perijodu ta’ żmien medju. L-awtoritajiet jimpenjaw ruħhom li jnaqqsu d-defiċit għal 3 % tal-PDG sal-2013. It-tielet, strateġija għas-settur finanzjarju bbażata fuq ir-rikapitalizzazzjoni u d-diżingranaġġ, bi sforzi biex is-settur finanzjarju jiġi ssalvagwardjat kontra d-diżingranaġġ diżordinat permezz ta’ mekkaniżmi bbażati fuq is-suq b’faċilitajiet ta’ riżerva.

(4)

Skont it-tbassir attwali tal-Kummissjoni għat-tkabbir nominali tal-PDG (-1,2 % fl-2011, -0,5 % fl-2012, 2,5 % fl-2013 u 3,9 % fl-2014), il-miri fiskali huma konsistenti ma’ triq li twassal għal proporzjon ta’ dejn mal-PDG ta’ 101,7 % fl-2011, 107,4 % fl-2012, 108,6 % fl-2013 u 107,6 % fl-2014. Il-proporzjon tad-dejn mal-PDG ikun għalhekk stabbilizzat fl-2013 u, minn hemm ‘il quddiem, jaqbad nieżel, dejjem jekk ikun hemm progress ulterjuri fit-tnaqqsis tad-defiċit. Id-dinamika tad-dejn hija affettwata minn diversi operazzjonijiet miżmuma barra mill-baġit, u jitbassar li dawn iżidu l-proporzjon tad-dejn mal-PDG b’1¾ punti perċentwali (“pps”) tal-PDG fl-2011 u b’¾ pps fis-sena bejn l-2012 u l-2014. Dawn jinkludu akkwiżizzjonijiet imdaqqsa ta’ assi finanzjarji, b’mod partikolari għar-rikapitalizzazzjoni ta’ banek u l-finanzjament possibbli tal-SOEs li jammontaw għal ½% tal-PDG fis-sena bejn l-2011 u l-2014. Min-naħa l-oħra, ir-rikavati mill-privatizzazzjoni li jammontaw għal madwar 3 % tal-PDG sas-sena 2013 ser jappoġġaw l-isforzi tat-tnaqqis tad-dejn.

(5)

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni, flimkien mal-Bank Ċentrali Ewropew (“BĊE”) u flimkien mal-FMI, hija li l-Portugall jeħtieġ finanzjament li jammonta għal EUR 78 biljun (78 000 miljun) tul il-perijodu minn Ġunju 2011 sa nofs 2014. Minkejja l-aġġustament fiskali sinifikanti, id-diskrepanza fil-finanzjament għad-dejn sovran jista’ jammonta għal EUR 63 biljun tul il-perijodu tal-Programm. Dan jippresupponi li ma jkunx hemm aċċess għas-suq tad-dejn fuq perijodu ta’ żmien medju u twil sal-ewwel nofs tal-2013. Wieħed jassumi li l-Portugall ser ikun jista’ jittrasferixxi parti mill-istokk eżistenti tiegħu ta’ dejn fuq perijodu ta’ żmien qasir, filwaqt li l-programm jipprovdi wkoll bafer ta’ finanzjamant f’każ ta’ devjazzjonijiet mhux mistennija mix-xenarju bażiku ta’ finanzjament tal-Kummissjoni. Il-Portugall huwa mħeġġeġ biex iżomm u jaġġusta l-operazzjonijiet tas-suq finanzjarju, waqt li jfittex li jiżviluppa l-aċċess għas-suq u l-kunfidenza. L-istrateġija tas-settur finanzjarju li tinsab fil-programm biex terġa’ tiġi stabbilita l-fiduċja fis-sistema bankarja Portugiża fuq bażi sostenibbli tesiġi li l-gruppi bankarji jkollhom il-proporzjon tal-kapital ewlieni tal-livell wieħed (core tier 1) tagħhom ekwivalenti għal 9 % sal-aħħar tal-2011 u għal 10 % sal-aħħar tal-2012 u li jibqgħu hekk wara dan. Il-programm fih skema ta’ appoġġ bankarju sa massimu ta’ EUR 12-il biljun biex jiġi pprovdut il-kapital meħtieġ f’każ li ma jkunux jistgħu jinstabu soluzzjonijiet tas-suq. Madankollu, il-ħtiġijiet reali tal-finanzjament jistgħu jkunu sostanzjalment inqas, b’mod partikolari jekk il-kondizzjonijiet tas-suq jitjiebu b’mod sinifikanti u ma jseħħ l-ebda telf bankarju gravi mhux mistenni matul il-perijodu tal-Programm.

(6)

Il-Programm ikun iffinanzjat permezz ta’ kontribuzzjonijiet minn sorsi esterni. L-assistenza tal-Unjoni lill-Portugall tilħaq massimu ta’ EUR 52 biljun skont il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilizzazzjoni Finanzjarja (“EFSM”) stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 407/2010 u minn kontribuzzjonijiet mill-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja. Barra minn hekk, il-Portugall talab self ta’ SDR 23,742 biljun (ekwivalenti għal EUR 26 biljun bir-rata tal-kambju tal-5 ta’ Mejju 2011) mill-FMI skont Faċilità ta’ Fond Estiża. L-appoġġ mill-EFSM jeħtieġ li jiġi pprovdut skont termini u kondizzjonijiet simili għal dawk tal-FMI. L-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għandha tkun amministrata mill-Kummissjoni.

(7)

Il-Kunsill għandu jirrevedi, fuq bażi regolari, il-politika ekonomika implimentata mill-Portugall.

(8)

Il-kondizzjonijiet speċifiċi tal-politika ekonomika miftiehma mal-Portugall għandha tiġi stipulata f’Memorandum ta’ Qbil dwar Kondizzjonalità tal-Politika Ekonomika Speċifika (il-“Memorandum ta’ Qbil”). It-termini finanzjarji dettaljati għandhom jiġu stipulati fi Ftehim dwar Faċilità ta’ Self.

(9)

Il-Kummissjoni, flimkien mal-BĊE, għandha tivverifika f’intervalli regolari li l-kondizzjonijijet ta’ politika ekonomika marbuta mal-assistenza jiġu sodisfatti, permezz ta’ missjonijiet u rappurtar regolari mill-awtoritajiet Portugiżi.

(10)

Tul l-implimentazzjoni tal-Programm, il-Kummissjoni għandha tipprovdi konsulenza politika u assistenza teknika addizzjonali f’oqsma speċifiċi.

(11)

L-operazzjonijiet li l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni tgħin fil-finanzjament tagħhom għandhom ikunu kompatibbli mal-politika tal-Unjoni u konformi mal-leġislazzjoni tal-Unjoni. Interventi b’appoġġ għall-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom jitwettqu skont ir-regoli tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni.

(12)

L-assistenza għandha tiġi pprovduta bil-għan li tiġi appoġġata l-implimentazzjoni effikaċi tal-Programm,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:



Artikolu 1

▼M2

1.  L-Unjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Portugall self ta’ ammont massimu ta’ EUR 26 biljun, b’maturità medja massima ta’ 12,5 snin. Kull wieħed mill-ħlasijiet individwali tas-self jista’ jkollu maturità ta’ mhux aktar minn 30 sena.

▼B

2.  L-assistenza finanzjarja għandha tkun disponibbli għal tliet snin li jibdew mill-ewwel jum wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.

▼M1

3.  L-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għandha ssir disponibbli mill-Kummissjoni lill-Portugall f’massimu ta’ 14-il ħlas parzjali. Ħlas parzjali jista’ jingħata f’porzjon wieħed jew iktar. Il-maturitajiet tal-porzjonijiet taħt l-ewwel u t-tieni ħlas parzjali jistgħu jkunu itwal mill-maturità medja massima msemmija fil-paragrafu 1. F’każijiet bħal dawn, il-maturitajiet ta’ porzjonijiet oħra għandhom jiġu ffissati sabiex il-maturità medja massima msemmija fil-paragrafu 1 tinkiseb ladarba l-porzjonijiet kollha jkunu ngħataw.

▼B

4.  L-ewwel ħlas parzjali għandu jiġi rilaxxat suġġett għad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar Faċilità ta’ Self u l-Memorandum ta’ Qbil. Kwalunkwe rilaxx ta’ self sussegwenti għandu jkun taħt kondizzjoni ta’ analiżi favorevoli mill-Kummissjoni, b’konsultazzjoni mal-BĊE, rigward il-konformità tal-Portugall mal-kondizzjonijiet ġenerali tal-politika ekonomika kif definit b’din id-Deċiżjoni u l-Memorandum ta’ Qbil.

▼M2

5.  Għal kull ħlas individwali, il-Portugall għandu jħallas l-ispiża tal-finanzjament tal-Unjoni.

▼B

6.  Barra minn hekk, l-ispejjeż imsemmija fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 407/2010 għandhom jitħallsu mill-Portugall.

7.  Jekk ikun meħtieġ sabiex jiġi ffinanzjat is-self, l-użu prudenti ta’ swaps tar-rata tal-imgħax ma’ kontropartijiet tal-ogħla kwalità ta’ kreditu u teħid bil-quddiem ta’ self għandhom ikunu permessi.

8.  Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar id-daqs u r-rilaxx ta’ ħlasijiet parzjali ulterjuri. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar id-daqs tal-partijiet.

Artikolu 2

1.  L-assistenza għandha tkun amministrata mill-Kummissjoni b’mod konsistenti mal-impenji tal-Portugall.

2.  Il-Kummissjoni, b’konsultazzjoni mal-BĊE, għandha taqbel mal-awtoritajiet Portugiżi dwar il-kondizzjonijiet speċifiċi tal-politika ekonomika marbutin mal-assistenza finanzjarja kif stabbilit fl-Artikolu 3. Dawk il-kondizzjonijiet għandhom jiġu stipulati f’Memorandum ta’ Qbil li għandu jiġi ffirmat mill-Kummissjoni u mill-awtoritajiet Portugiżi konsistenti mal-impenji msemmija fil-paragrafu 1. It-termini finanzjarji dettaljati għandhom jiġu stipulati fi Ftehim dwar Faċilità ta’ Self li għandu jiġi konkluż mal-Kummissjoni.

3.  Il-Kummissjoni, flimkien mal-BĊE, għandha tivverifika f’intervalli regolari (tal-inqas kull tliet xhur) li l-kondizzjonijiet tal-politika ekonomika marbutin mal-assistenza jiġu sodisfatti, u tirrapporta lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju qabel l-iżborż ta’ kull ħlas parzjali. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet Portugiżi għandhom jikkooperaw b’mod sħiħ mal-Kummissjoni u l-BĊE, u għandhom jagħmlulhom disponibbli kull tagħtrif meħtieġ. Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju mgħarraf dwar il-possibbiltà ta’ rifinanzjament tat-teħid ta’ self, jew ta’ tibdil fil-kondizzjonijiet finanzjarji.

4.  Il-Portugall għandu jadotta u jimplimenta miżuri addizzjonali ta’ konsolidazzjoni biex jiżgura l-istabbiltà makro-finanzjarja, f’każ li dawn il-miżuri jkunu meħtieġa matul il-programm ta’ assistenza. L-awtoritajiet Portugiżi għandhom jikkonsultaw lill-Kummissjoni u lill-BĊE minn qabel jekk jadottaw xi miżura addizzjonali bħal dawn.

Artikolu 3

1.  L-abbozz tal-programm ta’ aġġustament ekonomiku u finanzjarju (“il-Programm”) imħejji mill-awtoritajiet Portugiżi huwa b’dan approvat.

2.  L-iżborż ta’ kull ħlas parzjali wara l-ewwel wieħed għandu jsir abbażi ta’ implimentazzjoni sodisfaċenti tal-Programm u, partikolarment, il-kondizzjonijiet speċifiċi tal-politika ekonomika stipulati fil-Memorandum ta’ Qbil. Dawn għandhom jinkludu, inter alia, il-miżuri previsti fil-paragrafi 4 sa 8 ta’ dan l-Artikolu.

▼M3

3.  Id-defiċit tal-gvern ċentrali ma għandux jaqbeż il-massimu ta’ EUR 10 068 miljun (ekwivalenti għal 5,9 % tal-PDG fuq il-bażi tal-projezzjonijiet kurrenti) fl-2011, EUR 7 645 miljun (5 % tal-PDG) fl-2012 u 3,0 % tal-PDG sal-2013 b’konformità mar-rekwiżiti tal-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv. Għall-kalkolu ta’ dan id-defiċit, l-ispejjeż baġitarji possibbli tal-miżuri ta’ appoġġ tal-banek fil-kuntest tal-istrateġija tas-settur finanzjarju tal-Gvern Portugiż ma għandhomx jiġu kkunsidrati. Il-konsolidazzjoni għandha tinkiseb permezz ta’ miżuri permanenti ta’ kwalità għolja u minimizzazzjoni tal-impatt tal-konsolidazzjoni fuq gruppi vulnerabbli.

▼B

4.  Il-Portugall għandu jadotta l-miżuri speċifikati fil-paragrafi 5 sa 8 qabel it-tmiem tas-sena indikata, u d-dati ta’ skadenza preċiżi għas-snin 2011-2014 għandhom jkunu speċifikati fil-Memorandum ta’ Qbil. Il-Portugall għandu jkun lest li jieħu miżuri addizzjonali ta’ konsolidazzjoni biex inaqqas id-defiċit taħt it-3 % tal-PDG sal-2013 f’każ ta’ devjazzjonijet mill-miri.

5.  Il-Portugall għandu jadotta l-miżuri li ġejjin qabel tmiem l-2011, f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet fil-Memorandum ta’ Qbil:

▼M3

(a) Il-mira tad-defiċit fiskali għall-2011 għandha tiġi milħuqa permezz ta’ miżura eċċezzjonali. L-assi ottenuti b’riżultat tat-trasferiment tal-fondi tal-pensjonijiet tal-banek għas-sistema tas-sigurtà soċjali tal-Istat ma għandhomx jintużaw fi kwalunkwe mod li jkun detrimentali għas-sostenibbiltà fuq terminu ta’ żmien twil tal-finanzi pubbliċi Portugiżi.

(b) Il-Portugall għandu jadotta miżuri sabiex isaħħaħ il-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi. Il-Portugall għandu jimplimenta l-miżuri mogħtija fil-Liġi Qafas Baġitarja l-ġdida, inkluż l-istabbilment ta’ qafas baġitarju ta’ terminu medju u l-istabbilment ta’ Kunsill Fiskali indipendenti. Il-qafas baġitarju fil-livelli lokali u reġjonali għandu jissaħħaħ b’mod konsiderevoli, b’mod partikolari billi jipproponi l-għażliet ewlenin għall-allinjament tal-liġijiet finanzjarji rispettivi mar-rekwiżiti tal-Liġi Qafas Baġitarja. Il-Portugall għandu jżid ir-rapportar u l-monitoraġġ tal-finanzi pubbliċi u jirrinforza r-regoli u l-proċeduri ta’ eżekuzzjoni baġitarja. Il-Gvern Portugiż għandu jħejji strateġija għall-validazzjoni u s-saldu ta’ arretrati li se tippreżenta mappa direzzjonali li tistabbilixxi kif u meta se jiġu stabilizzati l-istokkijiet ta’ arretrati u tesplora għażliet varji għas-saldu ta’ arretrati. Rigward is-Sħubiji Pubbliċi-Privati (“PPPs”), il-Gvern Portugiż m’għandux jidħol f’PPPs ġodda qabel ma jiġu disponibbli r-riżultati tal-istudji dwar PPPs eżistenti mbassra fil-Programm u r-riformi legali u istituzzjonali proposti.

▼M1

(c) Il-Portugall għandu jkompli jsaħħaħ il-funzjonament tas-suq tax-xogħol, b’mod partikolari billi jieħu miżuri li jirriformaw il-leġiżlazzjoni tal-protezzjoni tal-impjieg, l-issettjar tal-pagi u l-politiki attivi tas-suq tax-xogħol.

▼B

(d) Fis-settur tal-enerġija, il-Portugall għandu jieħu miżuri biex jiffaċilita d-dħul, jippromwovi l-istabbiliment tas-suq tal-gass Iberjan u jirrevedi l-appoġġ u l-iskemi ta’ kumpens għall-produzzjoni tal-elettriku. Għal industriji oħra tan-netwerk, b’mod partikolari t-trasport, is-servizzi ta’ telekomunikazzjoni u tal-posta, il-Portugall għandu jadotta miżuri addizzjonali biex jippromwovi l-kompetizzjoni u l-flessibilità.

▼M3

(e) Il-Portugall għandu jkompli jiftaħ l-ekonomija għall-kompetizzjoni. Il-Gvern Portugiż għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li l-Istat Portugiż jew kwalunkwe korp pubbliku ieħor ma jikkonkludix, f’kapaċità ta’ azzjonist, ftehimiet li jistgħu jxekklu l-moviment ħieles ta’ kapital jew li jistgħu jinfluwenzaw il-kontroll amministrattiv ta’ kumpaniji. Il-Liġi ta’ Privatizzazzjoni l-ġdida għandha tirrispetta wkoll il-prinċipji ta’ moviment ħieles ta’ kapital u ma tagħti jew tippermetti l-ebda drittijiet speċjali lill-Istat. Għandha ssir reviżjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni bil-għan li jitjiebu l-veloċità u l-effettività tal-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni.

▼B

(f) Il-Portugall għandu jtejjeb il-prattiki u r-regoli għall-akkwist pubbliku sabiex jikkontribwixxi għal ambjent kummerċjali aktar kompetittiv u għal infiq pubbliku aktar effiċjenti.

▼M1

(g) Il-Portugall għandu jadotta miżuri biex itejjeb l-effiċjenza u s-sostenibbiltà tal-SOEs fil-livell ċentrali, reġjonali u lokali. Il-Portugall għandu jipprepara dokument komprensiv ta’ strateġija tal-SOEs li janalizza l-istruttura tat-tariffi u l-provvista tas-servizz u pjan biex jissikka r-rekwiżiti tas-self mill-2012. Il-Portugall għandu jimplimenta l-pjanijiet kurrenti biex fl-SOEs tal-gvern ċentrali jitnaqqsu l-ispejjeż operattivi b’mill-inqas 15 % bħala medja barra mis-settur tas-saħħa u jipprepara pjan ekwivalenti għall-SOEs tal-gvern reġjonali u lokali.

▼M3

(h) Il-Portugall għandu jħejji arranġament finanzjarju mar-Reġjun Awtonomu ta’ Madeira (“RAM”) b’mod konsistenti mal-Programm. Sakemm jintlaħaq ftehim dwar dak l-arranġament u l-implimentazzjoni tiegħu fil-baġit RAM, il-Portugall għandu jagħmel monitoraġġ mill-qrib tal-eżekuzzjoni tal-baġit tar-RAM, għandu jżomm it-trasferimenti mill-Istat lill-gvern tar-RAM sospiżi u ma għandu jonora l-ebda dejn jew garanziji kummerċjali jew finanzjarji ġodda mill-gvern tar-RAM u s-SOEs tiegħu li mhumiex approvati mill-Ministeru tal-Finanzi.

▼M4

6.  Il-Portugall għandu jadotta l-miżuri li ġejjin matul l-2012, f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet fil-Memorandum ta’ Qbil:

▼M5

(a) Id-defiċit tal-gvern ġenerali ma għandux jaqbeż l-4,5 % tal-PDG fl-2012. Il-Portugall għandu jkompli jimmonitorja mill-qrib l-iżviluppi fiskali u jevalwa jekk humiex meħtieġa aġġustamenti ulterjuri ta’ politika sabiex tinkiseb il-mira tal-2012;

▼M4

(b) Il-Portugall għandu jimmira li jnaqqas in-nefqa fl-2012 b'EUR 6,8 biljun mill-inqas, inkluż tnaqqis fil-pagi u fl-impjiegi fis-settur pubbliku; tnaqqis fil-pensjonijiet; twettiq ta' riorganizzazzjoni komprensiva tal-amministrazzjoni ċentrali, eliminazzjoni ta’ sensji u ineffiċjenzi oħra; tnaqqis fit-trasferiment lejn SOEs; riorganizzazzjoni u tnaqqis fl-għadd ta’ muniċipalitajiet u parroċċi; tnaqqis fl-edukazzjoni u s-saħħa; trasferimenti aktar baxxi lejn l-awtoritajiet reġjonali u lokali; u tnaqqis fin-nefqa kapitali u f'infiq ieħor kif stabbilit fil-Programm;

(c) Min-naħa tad-dħul, il-Portugall għandu jimplimenta miżuri ta’ dħul li jammontaw għal total ta’ EUR 3 biljun, inkluż billi jitwessgħu l-bażijiet tal-VAT permezz ta’ tnaqqis tal-eżenzjonijiet u jiġu rranġati mill-ġdid il-listi ta’ prodotti u servizzi soġġetti għal rati mnaqqsa, intermedji u ogħla; żieda fit-taxxi tas-sisa; twessigħ tal-bażijiet ta’ taxxa korporattiva u dik fuq id-dħul personali billi jonqsu t-tnaqqis fit-taxxi u s-sistemi speċjali; tiġi żgurata l-konverġenza tat-tnaqqis fit-taxxa fuq id-dħul personali applikata għal dħul minn pensjonijiet u mix-xogħol; u tibdil fit-tassazzjoni tal-proprjetà billi l-eżenzjonijiet jitnaqqsu b’mod sostanzjali. Dawn il-miżuri għandhom jiġu kkumplimentati minn azzjoni ta’ ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa, frodi u informalità;

▼M5

(d) Il-Portugall għandu jkompli jadotta miżuri biex isaħħaħ l-amministrazzjoni tal-finanzi pubbliċi. Il-Portugall għandu jimplimenta l-miżuri previsti fil-Liġi Qafas Baġitarja l-ġdida, inkluż l-istabbiliment ta’ qafas baġitarju fuq terminu medju. L-oqfsa baġitarji lokali u reġjonali għandhom jissaħħu b’mod konsiderevoli, b’mod partikolari billi l-liġijiet finanzjarji rispettivi jiġu allinjati mar-rekwiżiti tal-Liġi Qafas Baġitarja. Il-Portugall għandu jżid ir-rapportar u l-monitoraġġ tal-finanzi pubbliċi u jsaħħaħ ir-regoli u l-proċeduri tal-eżekuzzjoni baġitarja. Il-Gvern Portuġiż għandu jsaħħaħ l-implimentazzjoni tal-istrateġija għall-validazzjoni u s-saldu tal-arretrati. Dik l-istrateġija tistabbilixxi l-kriterji ta’ prijoritizzazzjoni għall-ħlas tal-kredituri, kif ukoll arranġamenti ta’ governanza sabiex ikun żgurat proċess ġust u trasparenti ta’ saldu fis-setturi kollha. Il-Portugall għandu jimplimenta l-qafas legali u istituzzjonali l-ġdid tal-PPPs. Abbażi tar-riżultati ta’ studju dwar ir-rinegozjar tal-PPPs, il-gvern Portugiż għandu jirrinegozja l-kuntratti rilevanti. Il-Portugall għandu jadotta liġi li tirregola l-ħolqien u l-funzjonament tal-SOEs fil-livelli ċentrali, reġjonali u lokali;

(e) Il-Portugall għandu jirriorganizza u jnaqqas sinifikattivament l-għadd ta’ entitajiet tal-gvern lokali. Dawn il-bidliet għandhom isiru effettivi sal-bidu taċ-ċiklu tal-elezzjonijiet lokali li jmiss;

(f) Il-Portugall għandu jimmodernizza l-amministrazzjoni tal-introjti billi jlesti l-implimentazzjoni tal-Autoridade Tributária e Aduaneira, isaħħaħ ir-rabtiet mal-unitajiet tal-ġbir tad-dħul tas-Sigurtà Soċjali, u jnaqqas l-għadd ta’ uffiċċji muniċipali u jindirizza l-ostakli li jifdal fis-sistema tal-appell tat-taxxa;

▼M4

(g) Il-Portugall għandu jimplimenta l-arranġement finanzjarju mar-RA M;

▼M5

(h) Il-Portugall għandu jadotta miżuri biex itejjeb l-effiċjenza u s-sostenibbiltà tal-SOEs fil-livelli ċentrali, reġjonali u lokali. Il-Portugall għandu jimplimenta strateġija biex jirristruttura u jnaqqas id-dejn tal-SOEs, inkluża Parpública, u biex jiżgura kundizzjonijiet aħjar għall-finanzjament mis-suq. Il-Portugall għandu jimplimenta din l-istrateġija sabiex jilħaq bilanċ operattiv fil-livell settorjali sal-aħħar tal-2012;

(i) Il-Portugall għandu jkompli jimplimenta l-programm ta’ privatizzazzjoni. Il-bejgħ dirett tal-fergħa tal-assigurazzjoni ta’ Caixa Geral de Depósitos (CGD), Caixa Seguros, għandu jseħħ fl-2012. Il-proċess ta’ privatizzazzjoni tat-trasportatur bl-ajru nazzjonali TAP, l-operatur tal-ajruport ANA - Aeroportos de Portugal, tal-fergħa tal-merkanzija ta’ CP — Comboios de Portugal, CP Carga, u ta’ CTT — Correios de Portugal għandu jibda fl-2012 bil-ħsieb li jitlesta fl-2013;

▼M5 —————

▼M5

(k) Il-gvern Portugiż għandu jippreżenta abbozz ta’ leġiżlazzjoni lill-Parlament Portugiż sabiex jallinja l-pagamenti tat-terminazzjoni tal-impjieg mal-medja tal-Unjoni ta’ 8-12-il jum għal kull sena xogħol u sabiex joħloq fond ta’ kumpens għall-pagamenti tat-terminazzjoni tal-impjieg;

▼M5 —————

▼M4

(m) Il-Portugall għandu jippromwovi żviluppi fil-pagi li jkunu konsistenti mal-għanijiet ta’ trawwim tal-ħolqien tal-impjiegi u titjib fil-kompetittività tal-kumpaniji bil-għan li jiġu kkoreġuti l-iżbilanċi makroekonomiċi. Matul il-perjodu tal-Programm, kwalunkwe żieda fil-pagi minimi għandha ssir biss jekk din tkun ġustifikata mill-iżviluppi ekonomiċi u tas-suq tax-xogħol. Għandhom jittieħdu miżuri biex jiġu indirizzati d-dgħufiji fl-iskemi ta’ negozjar tal-pagi attwali, inkluża leġiżlazzjoni sabiex tiddefinixxi mill-ġdid il-kriterji u l-modalitajiet tal-estensjoni tal-ftehimiet kollettivi u biex jiġu faċilitati l-ftehimiet fil-livell tal-impriżi. Sakemm isir dan, l-applikazzjoni tal-estensjonijiet għandha tiġi sospiża;

(n) Il-politiki tas-suq tax-xogħol attiv għandhom jissaħħu wara analiżi ta’ prattiki attwali u l-istabbiliment ta’ pjan ta’ azzjoni miftiehem;

▼M5

(o) Il-Portugall għandu jimplimenta l-miżuri stabbiliti fil-pjan ta’ azzjoni tiegħu biex tittejjeb il-kwalità tal-edukazzjoni sekondarja u vokazzjonali u tat-taħriġ;

(p) Il-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja għandu jittejjeb billi jiġu implimentati l-miżuri proposti taħt il-Pjan Direzzjonali tar-Riforma Ġudizzjarja u bl-applikazzjoni ta’ miżuri mmirati biex progressivament jiġi eliminat ix-xogħol b’lura fil-qrati u biex jitrawmu riżoluzzjonijiet alternattivi ta’ disputi;

▼M4

(q) Il-Portugall għandu jkompli jiftaħ l-ekonomija tiegħu għall-kompetizzjoni. Il-Gvern Portuġiż għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li l-ostakli għal moviment liberu tal-kapital ma jinħolqux permezz tal-azzjoni tiegħu u b'mod partikolari sabiex l-Istat Portugiż jew kwalunkwe entità pubblika ma jikkonkludux, bħala azzjonisti, ftehimiet li jistgħu jfixklu l-moviment liberu tal-kapital jew jinfluwenzaw il-kontroll tal-maniġment tal-kumpaniji. Għandhom jiġu lliberalizzati s-servizzi professjonali billi jittejjeb il-qafas ta’ kwalifiki professjonali u billi jiġu eliminati restrizzjonijiet dwar il-professjonijiet irregolati. Fir-rigward tal-attivitajiet ta' kostruzzjoni u dawk immobiljari, il-Portugall għandu jagħmel ir-rekwiżiti għal fornituri transkonfinali anqas diffiċli filwaqt li jirrevedi l-ostakli għall-istabbiliment tal-fornituri tas-servizzi;

▼M5

(r) Il-qafas li jirrigwardja l-kompetizzjoni u r-regolamentazzjoni għandu jittejjeb. Il-Portugall għandu jsaħħaħ l-indipendenza u r-riżorsi tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali prinċipali; jimplimenta l-Liġi dwar il-Kompetizzjoni bil-għan li jtejjeb il-veloċità u l-effikaċja tal-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni; u jimmonitorja l-influss ta’ każijiet ġodda u jirapporta dwar il-funzjonament tal-qorti speċjalizzata għall-kompetizzjoni, regolamentazzjoni u superviżjoni;

▼M4

(s) Fis-settur tal-enerġija, il-Portugall għandu jieħu miżuri biex jiffaċilita d-dħul fis-suq, jippromwovi l-istabbiliment tas-suq tal-gass Iberjan u għandu jieħu passi ulterjuri lejn traspożizzjoni sħiħa tat-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija tal-UE. Il-Portugall għandu jieħu miżuri sabiex jirrevedi l-iskemi ta' appoġġ u ta' kumpens għall-produzzjoni tal-elettriku. Il-Portugall għandu jieħu miżuri sabiex inaqqas renti eċċessivi u jelimina d-dejn tariffarju sal-2020, filwaqt li jiffoka fuq skemi ta' kumpens għal garanzija ta' enerġija, sistema speċjali (tipi ta' enerġija rinnovvabli — eskluż dawk permessi taħt mekkaniżmi ta' offerti — u koġenerazzjoni), kif ukoll sistemi ordinarji (“CMECs” u “CAEs”);

(t) F'industriji oħra tan-netwerk, b’mod partikolari s-servizzi tat-trasport, telekomunikazzjoni u posta, il-Portugall għandu jadotta miżuri addizzjonali biex jippromwovi l-kompetizzjoni u l-flessibilità.

▼M5 —————

▼B

7.  Il-Portugall għandu jadotta l-miżuri li ġejjin matul l-2013, f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet fil-Memorandum ta’ Qbil:

▼M3

(a) Il-baġit tal-2013 għandu jinkludi miżuri ta’ konsolidazzjoni fiskali li jammontaw għal tal-anqas EUR 3, 4 biljun bil-għan li jitnaqqas id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika fi ħdan il-perjodu ta’ żmien stipulat fl-Artikolu 3(3).

(b) Il-baġit għandu jinkludi miżuri ta’ dħul li jinkludu b’mod partikolari l-aktar it-twessigħ ulterjuri tal-bażijiet tat-taxxa korporattiva u fuq id-dħul personali, taxxi tas-sisa ogħla u bidliet fit-tassazzjoni tal-propjetà, li jrendu kważi EUR 0,7 biljun ta’ dħul addizzjonali.

▼B

(c) Il-Portugalli għandu jikkompleta l-eliminazzjoni tax-xogħol pendenti fil-qrati.

▼M3

(d) Min-naħa tan-nefqa, il-baġit għandu jipprovdi għal tnaqqis ta’ minimalment EUR 2.7 biljun, inkluż tnaqqis tan-nefqiet fl-amministrazzjoni ċentrali, l-edukazzjoni u s-saħħa; trasferimenti għal awtoritajiet lokali u reġjonali; tnaqqis fl-għadd ta’ impjegati fis-settur pubbliku; u nefqiet aktar baxxi mis-SOEs.

(e) Il-Portugall għandu jtejjeb l-ambjent tan-negozju billi jnaqqas il-piż amministrattiv permezz tal-estensjoni tar-riformi ta’ simplifikazzjoni (Punti ta’ Kuntatt Uniku u proġetti li ma jeħtieġu l-ebda awtorizzazzjoni) għas-setturi kollha tal-ekonomija; u billi jnaqqas ir-restrizzjonijiet ta’ kreditu għall-impriżi żgħar u medji, anki permezz tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali ( 2 ).

▼M5

8.  Bil-għan li tiġi restawrata l-fiduċja fis-settur finanzjarju, il-Portugall għandu jirrikapitalizza b’mod adegwat is-settur bankarju tiegħu u jiżgura proċess ta’ deleveraging b’mod ordinat. F’dak ir-rigward, il-Portugall għandu jimplimenta l-istrateġija għas-settur bankarju Portugiż kif miftiehem mal-Kummissjoni, il-BĊE u l-IMF biex tiġi ppreżervata l-istabbiltà finanzjarja. B’mod partikolari, il-Portugall għandu:

(a) jagħti pariri lill-banek biex issaħħu l-istrutturi protettivi kollaterali tagħhom fuq bażi sostenibbli u jimmonitorjaw il-ħruġ tal-bonds tal-bank garantiti mill-gvern, li ġie awtorizzat sa EUR 35 biljun f’konformità mar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat;

(b) jiżgura li l-banek jilħqu l-mira tal-Programm tal-proporzjon Core Tier 1 ta’ 10 % l-aktar tard sal-aħħar tal-2012. Ir-rekwiżiti kapitali li jirriżultaw mill-evalwazzjoni tad-dejn sovran abbażi tal-prezzijiet tas-suq skont l-eżerċizzju ta’ rikapitalizzazzjoni fl-Unjoni kollha kkoordinat mill-Awtorità Bankarja Ewropea għandhom jintlaħqu f’Ġunju 2012 flimkien mal-implikazzjonijiet kapitali li jirriżultaw mill-programm speċjali ta’ spezzjonijiet fuq il-post u t-trasferiment ta’ fondi tal-pensjonijiet tal-banek fis-sistema ta’ sigurtà soċjali tal-Istat. Jekk il-banek ma jkunux jistgħu jilħqu l-livelli limiti tal-kapital meħtieġ sal-iskadenzi stabbiliti, għandha ssir disponibbli l-faċilità ta’ appoġġ għas-solvenza tal-banek li tammonta għal EUR 12-il biljun stabbilita taħt il-Programm;

(c) jiżgura develeraging ibbilanċjat u ordinat tas-settur bankarju, li jibqa’ kruċjali għall-eliminazzjoni ta’ żbilanċi fil-finanzjamenti fuq bażi permanenti. Il-pjanijiet ta’ finanzjament tal-banek għandhom l-għan li jnaqqsu l-proporzjon tas-self għad-depożiti għal valur indikattiv ta’ madwar 120 % sal-aħħar tal-Programm u potenzjalment li jnaqqsu d-dipendenza fuq il-finanzjament mill-Eurosistema sakemm idum il-Programm. Dawk il-pjanijiet ta’ finanzjament għandhom jiġu riveduti kull tliet xhur;

(d) jiżgura s-simplifikazzjoni ta’ CGD, li hija proprjetà tal-Istat, sabiex tiżdied il-bażi kapitali tal-fergħa ewlenija bankarja tagħha kif meħtieġ. Il-bejgħ tal-fergħat tal-assigurazzjoni u s-saħħa tagħha għandu jseħħ qabel tmiem l-2012, waqt li l-bejgħ tal-ishma azzjonistiċi mhux strateġiċi jinsab għaddej. Sa fejn dawn il-ħtiġijiet ma jkunux jistgħu jiġu sodisfatti minn sorsi interni tal-grupp sal-aħħar ta’ Ġunju 2012, il-CGD għandha tingħata appoġġ kapitali mill-gvern minn strutturi protettivi ta’ flus li mhumiex parti mill-faċilità ta’ appoġġ għas-solvenza bankarja;

(e) jottimizza l-proċess għall-irkupru tal-assi trasferiti mill-BPN għat-tliet vetturi bi skop speċjali li huma proprjetà tal-Istat permezz ta’ outsourcing lil parti terza professjonali tal-amministrazzjoni tal-assi, b’mandat li gradwalment tirkupra l-assi maż-żmien. Il-gvern Portugiż għandu jagħżel il-parti li tamministra l-assi permezz ta’ proċess kompetittiv ta’ tender u jinkludi inċentivi xierqa biex jottimizza l-irkupri fil-mandat;

(f) ilesti proposta għall-inkoraġġiment tad-diversifikazzjoni tal-alternattivi ta’ finanzjament għas-settur korporattiv sal-aħħar ta’ Lulju 2012;

(g) jimplimenta miżuri biex jikkonkludi l-istabbiliment ta’ Fond ta’ Riżoluzzjoni bil-ħsieb li jiġi żgurat li jkun kompletament operattiv sa Lulju 2012; jadotta l-avviżi superviżorji dwar il-pjanijiet ta’ rkupru sal-aħħar ta’ Lulju 2012 u jadotta r-regolament dwar il-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni sal-aħħar ta’ Ottubru 2012; u jadotta r-regoli applikabli għall-istabbiliment u l-operat ta’ banek tranżitorji f’konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni sal-aħħar ta’ Settembru 2012. Għandha tingħata prijorità lir-reviżjoni tal-irkupru u l-pjanijiet sussegwenti ta’ riżoluzzjoni tal-banek li huma ta’ importanza sistemika;

(h) jistabbilixxi qafas għall-istituzzjonijiet finanzjarji biex iwettqu ristrutturar tad-dejn barra mill-qorti għall-unitajiet domestiċi u l-SMEs.

▼M3

9.  Il-Kummissjoni għandha tipprovdi konsulenza u gwida kontinwi dwar ir-riformi fiskali, tas-suq finanzjarju u strutturali sabiex tiżgura l-implimentazzjoni mingħajr intoppi tal-kundizzjonalità tal-Programm, u sabiex tgħin fil-korrezzjoni tal-iżbilanċi b’mod sostenibbli. Fi ħdan il-qafas tal-assistenza li għandha tingħata lill-Portugall, flimkien mal-FMI u l-BĊE, għandha tirrevedi b’mod perjodiku l-effettività u l-impatt ekonomiku u soċjali tal-miżuri miftiehma, u għandha tirrakkomanda l-korrezzjonijiet meħtieġa bil-għan li jiġu żgurati t-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi, tiġi garantita l-konsolidazzjoni fiskali meħtieġa u jiġu minimizzati l-impatti soċjali negattivi, b’mod partikolari fuq l-aktar partijiet vulnerabbli tas-soċjetà Portugiża.

▼B

Artikolu 4

Il-Portugall għandu jiftaħ kont speċjali mal-Bank tal-Portugall għall-ġestjoni tal-assistenza finanzjarja tal-Unjoni.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Portugiża.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.



( 1 ) ĠU L 118, 12.5.2010, p. 1.

( 2 ) ĠU L 48, 23.2.2011, p. 1.

Top