Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2023/275/12

    Wiċċ nazzjonali ġdid tal-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni 2023/C 275/12

    PUB/2023/811

    ĠU C 275, 4.8.2023, p. 25–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    4.8.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 275/25


    Wiċċ nazzjonali ġdid tal-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni

    (2023/C 275/12)

    Image 1

    Wiċċ nazzjonali tal-munita kommemorattiva l-ġdida taż-żewġ euro, maħsuba biex titqiegħed fiċ-ċirkolazzjoni u maħruġa mill-Kroazja

    Il-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni għandhom status ta’ valuta legali fiż-Żona tal-Euro kollha. Bil-għan li tinforma lill-pubbliku u lill-partijiet kollha li jużaw il-muniti, il-Kummissjoni tippubblika deskrizzjoni tad-disinji tal-muniti l-ġodda kollha (1). F’konformità mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2009 (2), l-Istati Membri taż-Żona tal-Euro u l-pajjiżi li kkonkludew ftehim monetarju mal-Unjoni Ewropea li jipprevedi l-ħruġ ta’ muniti tal-euro, huma awtorizzati joħorġu muniti kommemorattivi tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni kemm-il darba jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet, b’mod partikolari li jintużaw il-muniti taż-żewġ euro biss. Dawn il-muniti għandhom l-istess karatteristiċi tekniċi bħall-muniti l-oħra taż-żewġ euro, iżda n-naħa nazzjonali tagħhom fiha disinn kommemorattiv li jkun simboliku ħafna f’termini nazzjonali jew Ewropej.

    Il-pajjiż emittenti: Il-Kroazja

    Is-suġġett tal-kommemorazzjoni: L-introduzzjoni tal-euro bħala l-munita uffiċjali tal-Kroazja fl-1 ta’ Jannar 2023

    Deskrizzjoni tad-disinn: Id-disinn fih l-iskrizzjonijiet tal-pajjiż emittenti “HRVATSKA” (il-Kroazja) u s-sena tal-ħruġ “2023.”, murija orizzontalment, kif ukoll il-kliem “ČLANICA EUROPODRUČJA” (membru taż-Żona tal-Euro), li huma miktuba tul it-tarf ta’ barra tal-qalba tal-munita. Dawn l-iskrizzjonijiet simbolikament jiffurmaw simbolu stilizzat tal-euro “€”. Il-motiv ċentrali l-ieħor tal-munita huwa s-simbolu distintiv u rikonoxxibbli tal-Kroazja, iċ-checkerboard Kroat, li jirrappreżenta parti mill-arma araldika tar-Repubblika tal-Kroazja.

    Iċ-ċirku ta’ barra tal-munita juri t-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

    L-għadd ta’ muniti li huwa stmat li se jinħarġu: 250 000

    Id-data tal-ħruġ: Settembru 2023.


    (1)  Ara ĠU C 373, 28.12.2001, p. 1 għall-uċuħ nazzjonali tal-muniti kollha li nħarġu fl-2002.

    (2)  Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-10 ta’ Frar 2009 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar il-linji gwida komuni għall-uċuħ nazzjonali u l-ħruġ ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 52).


    Top