Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62023TN0379

    Kawża T-379/23: Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Lulju 2023 – Çolakoğlu Metalurji vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 304, 28.8.2023, p. 27–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    28.8.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 304/27


    Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Lulju 2023 – Çolakoğlu Metalurji vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-379/23)

    (2023/C 304/34)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrent: Çolakoğlu Metalurji AŞ (İstanbul, it-Turkija) (rappreżentanti: J. Cornelis u F. Graafsma, avukati)

    Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/825 tas-17 ta’ April 2023 li jestendi d-dazju anti-dumping impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1408 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pjanċi u kojls tal-azzar inossidabbli llaminati bis-sħana li joriġinaw mill-Indoneżja għall-importazzjonijiet ta’ ċerti pjanċi u kojls tal-azzar inossidabbli llaminati bis-sħana kkonsenjati mit-Turkija, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Turkija kif ukoll jekk le (ĠU 2023, L 103, p. 12; iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”), u

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċeduri.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

    1.

    L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 13(1) u (2) tar-Regolament Bażiku, sa fejn il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ipproċessar ta’ ċangaturi tal-azzar inossidabbli fi pjanċi u kojls tal-azzar inossidabbli llaminati bis-sħana kien jikkostitwixxi “operazzjoni ta’ assemblaġġ” fis-sens tal-Artikolu 13(1)(d) u (2) tar-Regolament Bażiku.

    2.

    It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li, bl-impożizzjoni ta’ miżuri kontra ċ-ċirkomvenzjoni fuq l-importazzjonijiet ta’ pjanċi u kojls tal-azzar inossidabbli llaminati bis-sħana mmanifatturati fit-Turkija minn ċangaturi tal-azzar inossidabbli li joriġinaw mit-Turkija, liema prodotti ma jaqgħux fil-kamp tal-investigazzjoni u li huwa paċifiku li ma joħolqux ċirkomvenzjoni tal-miżura oriġinali, il-Kummissjoni:

    kisret l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Bażiku, interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 13(4) tar-Regolament Bażiku, u wettqet żball ta’ evalwazzjoni billi ma eskludietx dawn il-prodotti jew, sussidjarjament, billi ma tatx lir-rikorrenti eżenzjoni minn dawn il-prodotti;

    kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità, u

    kisret id-drittijiet fundamentali proċedurali tar-rikorrenti u għamlet użu ħażin mill-poter tagħha billi estendiet/imponiet miżuri fuq dawn il-prodotti permezz tal-istrument kontra ċ-ċirkomvenzjoni, minflok ma wettqet investigazzjoni antidumping “normali”.


    Top