EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022TN0489

Kawża T-489/22: Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Awwissu 2022 – Cathay Pacific Airways vs Il-Kummissjoni

ĠU C 359, 19.9.2022, p. 96–97 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.9.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 359/96


Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Awwissu 2022 – Cathay Pacific Airways vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-489/22)

(2022/C 359/118)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Cathay Pacific Airways Ltd (Ħong Kong, iċ-Ċina) (rappreżentanti: M. Rees u E. Estellon, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

skont l-Artikoli 268 u 340 TFUE, tikkundanna lill-Unjoni Ewropea (irrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea) tħallas:

kumpens finanzjarju li jikkorrispondi għall-interessi moratorji fuq is-somma ta’ EUR 10 080 000 bir-rata tal-interessi tal-BĊE għat-tranżazzjonijiet tagħha ta’ finanzjament mill-ġdid fl-1 ta’ Marzu 2017 (jiġifieri 0,0 punt perċentwali), miżjud b’rata ta’ 3,5 punti perċentwali fis-sena, għall-perijodu bejn il-21 ta’ Ġunju 2017 u l-14 ta’ Lulju 2022 li jirriżulta f’ammont ta’ EUR 1 758 488,24 jew, fin-nuqqas ta’ dan, bir-rata tal-interessi jew fl-ammont li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis xieraq; u

interessi komposti fuq l-ammont ta’ interessi moratorji taħt is-subparagrafu preċedenti għall-perijodu bejn il-15 ta’ Lulju 2022 (jew, fin-nuqqas ta’ dan, mid-data li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis xierqa) u d-data tal-ħlas attwali mill-Kummissjoni Ewropea tal-ammont mitlub f’dak is-subparagrafu preċedenti bir-rata tal-interessi tal-BĊE għat-tranżazzjonijiet tagħha ta’ finanzjament mill-ġdid, miżjuda b’rata tal-interessi ta’ 3,5 punti perċentwali fis-sena jew, fin-nuqqas ta’ dan, bir-rata tal-interessi jew fl-ammont li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis xieraq;

barra minn hekk jew sussidjarjament, skont l-Artikolu 263 TFUE, tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ares(2022)5454770 tad-29 ta’ Lulju 2022 u tordnalha tagħmel dan bl-istess ammonti mitluba fil-punt preċedenti;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea tħallas l-ispejjeż kollha tar-rikorrenti fil-kawża preżenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur mid-deċiżjoni kkontestata tal-Artikolu 266 TFUE.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur mid-deċiżjoni kkontestata tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni Nru 1268/2012 (1) interpretat skont l-Artikolu 266 TFUE.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-bżonn ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata minħabba li ma hijiex suffiċjentement motivata.


(1)  Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU 2012, L 362, p. 1).


Top