Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022TN0423

    Kawża T-423/22: Rikors ippreżentat fis-6 ta’ Lulju 2022 – Max Heinr. Sutor vs SRB

    ĠU C 359, 19.9.2022, p. 80–81 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    19.9.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 359/80


    Rikors ippreżentat fis-6 ta’ Lulju 2022 – Max Heinr. Sutor vs SRB

    (Kawża T-423/22)

    (2022/C 359/98)

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Partijiet

    Rikorrent: Max Heinr. Sutor OHG (Hamburg, il-Germanja) (rappreżentanti: A. Glos, M. Rätz, T. Kreft u H.-U. Klöppel, avukati)

    Konvenut: Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB)

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni tal-11 ta’ April 2022 dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante tal-2022 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB/ES/2022/18), sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti;

    tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż tal-kawża.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-motivi li ġejjin.

    1.

    L-ewwel motiv: ksur tal-Artikolu 5(1)(e) tar-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/63 (1) peress li l-konvenut ma eskludiex il-fondi tal-klijenti miżmuma fuq bażi fiduċjarja mir-rikorrenti mill-kalkolu tal-imposta bankarja għall-2022. L-Artikolu 5(1)(e) tar-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/63 japplika għal dawn il-fondi ta’ klijenti protetti mill-insolvenza, sa fejn dawn jissodisfaw ir-rekwiżiti fattwali skont il-kliem ċar tal-istandard.

    2.

    It-tieni motiv: ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 (2) moqri flimkien mal-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59/UE (3), sa fejn id-deċiżjoni tistabbilixxi imposta bankarja diversi drabi ogħla biss abbażi tal-passiv fiduċjarju mingħajr riskju muri mir-rikorrenti fil-karta tal-bilanċ tagħha. Id-deċiżjoni la hija xierqa u lanqas neċessarja sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija mill-imposta bankarja u l-iżvantaġġi kkawżati mid-deċiżjoni ma humiex proporzjonati fil-kuntest tal-għanijiet imfittxija.

    3.

    It-tielet motiv: ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, peress li d-deċiżjoni tittratta lir-rikorrenti b’mod mhux ugwali, mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva, meta mqabbla mal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li l-istandards ta’ kontabbiltà nazzjonali tagħhom ma jeżiġux li jintwera l-passiv fiduċjarju jew li jippreparaw il-kontijiet tagħhom skont l-IFRS (International Financial Reporting Standards), kif ukoll mal-impriżi tal-investiment li ma humiex awtorizzati jaġixxu wkoll bħala istituzzjoni ta’ kreditu u li jiġġestixxu l-fondi tal-klijenti tagħhom.

    4.

    Ir-raba’ motiv: ksur tal-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), sa fejn l-inklużjoni tal-passiv fiduċjarju mingħajr riskju fil-bażi ta’ evalwazzjoni twassal għal żieda sinjifikattiva fl-imposta bankarja tar-rikorrenti għas-sena 2022.

    5.

    Il-ħames motiv: ksur tal-Artikolu 49 TFUE moqri flimkien mal-Artikolu 54 TFUE, sa fejn id-deċiżjoni tirrestrinġi l-libertà tar-rikorrenti li teżerċita l-attività professjonali tagħha fl-Istat Membru fejn għandha s-sede prinċipali tagħha, sa fejn din ir-restrizzjoni hija sproporzjonata u sa fejn ir-rikorrenti hija suġġetta għal diskriminazzjoni meta mqabbla mal-impriżi tal-investiment ta’ Stati Membri oħra li huma awtorizzati jaġixxu wkoll bħala stabbiliment ta’ kreditu.

    6.

    Is-sitt motiv: ksur tad-dritt ta’ smigħ skont l-Artikolu 41(1) u (2)(a) tal-Karta, sa fejn il-konvenut impona fuq ir-rikorrenti terminu għal konsultazzjoni insuffiċjenti, ta’ ħdax-il jum ta’ xogħol biss, sabiex teżamina l-abbozz ta’ deċiżjoni u tagħmel osservazzjonijiet fl-ambitu tal-konsultazzjoni.

    7.

    Is-seba’ motiv: Ksur tal-Artikolu 41(1) u (2)(c) tal-Karta kif ukoll tal-Artikolu 296(2) TFUE, sa fejn il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma tippermettix lir-rikorrenti tivverifika b’mod xieraq l-ammont tal-kontribuzzjoni tagħha.

    8.

    It-tmien motiv: ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġuridika effettiva previst fl-Artikolu 47(1) tal-Karta, sa fejn in-nuqqas ta’ motivazzjoni ma jippermettix lir-rikorrenti tifhem jew tikkontesta korrettament ir-regolarità tad-deċiżjoni.

    9.

    Id-disa’ motiv (sussidjarjament): nullità tal-bażi ta’ evalwazzjoni prevista fl-Artikolu 14(2), fil-punt 11 tal-Artikolu 3, moqrija flimkien mal-Artikolu 5(1)(e) u mal-punt 2 tal-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/63, fil-każ li din tiġi interpretata fis-sens li l-passiv fiduċjarju ta’ impriżi tal-investiment li huma awtorizzati jaġixxu wkoll bħala istituzzjoni ta’ kreditu għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-imposta bankarja, minħabba ksur tal-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59/UE kif ukoll tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, tal-Artikolu 16 tal-Karta u tal-Artikolu 49 TFUE moqrija flimkien mal-Artikolu 54 TFUE.


    (1)  Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/63 tal-21 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 11, p. 44, rettifika fil-ĠU 2017, L 156, p. 38).

    (2)  Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1).

    (3)  Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190).


    Top