Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CN0664

    Kawża C-664/22: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio (l-Italja) fil-21 ta’ Ottubru 2022 – Google Ireland Limited vs Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni

    ĠU C 63, 20.2.2023, p. 14–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    20.2.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 63/14


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio (l-Italja) fil-21 ta’ Ottubru 2022 – Google Ireland Limited vs Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni

    (Kawża C-664/22)

    (2023/C 63/20)

    Lingwa tal-kawża: it-Taljan

    Qorti tar-rinviju

    Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrent: Google Ireland Limited

    Konvenut: Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni

    Domandi preliminari

    1.

    Id-dritt tal-Unjoni jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawk tal-Artikolu 1(515), (516) u (517) tal-legge 30 dicembre 2020, n. 178 (il-Liġi Nru 178 tat-30 ta’ Diċembru 2020), li jimponu fuq operaturi stabbiliti f’pajjiż Ewropew ieħor, iżda li joperaw fl-Italja, oneri addizzjonali ta’ natura amministrattiva u pekunjarja, bħall-obbligu ta’ reġistrazzjoni f’reġistru speċifiku u l-ħlas ta’ kontribuzzjoni finanzjarja? B’mod partikolari, tali dispożizzjoni nazzjonali tmur kontra l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (1), li tipprovdi li fornitur ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni – f’dan il-każ Google Ireland Limited – huwa suġġett esklużivament għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fih huwa stabbilit?

    2.

    Id-dritt tal-Unjoni jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawk tal-Artikolu 1(515), (516) u (517) tal-Liġi Nru 178 tat-30 ta’ Diċembru 2020, li jimponu fuq operaturi stabbiliti f’pajjiż Ewropew ieħor oneri addizzjonali ta’ natura amministrattiva u pekunjarja? B’mod partikolari, il-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi previst fl-Artikolu 56 TFUE, kif ukoll il-prinċipji analogi li jirriżultaw mid-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (2) u mid-Direttiva 2000/31/KE, jipprekludu miżura nazzjonali li, għall-eżerċizzju tal-istess attività, timponi fuq l-intermedjarji li joperaw fl-Italja, iżda li ma humiex stabbiliti hemmhekk, oneri addizzjonali meta mqabbla ma’ dawk previsti fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom?

    3.

    Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari d-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (3), kien jimponi fuq l-Istat Taljan l-obbligu li jikkomunika lill-Kummissjoni l-introduzzjoni tal-obbligu ta’ reġistrazzjoni fir-ROC, impost fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online u ta’ magni tat-tiftix online? B’mod partikolari, it-tieni inċiż tal-Artikolu 3(4)(b) tad-Direttiva 2000/31 għandu jiġi interpretat fis-sens li individwu, stabbilit fi Stat Membru li ma huwiex l-Italja, jista’ jopponi l-applikazzjoni fil-konfront tiegħu ta’ miżuri adottati mill-leġiżlatur Taljan (fl-Artikolu 1(515), (516) u (517) tal-Liġi Nru 178 tat-30 ta’ Diċembru 2020), li jistgħu jirrestrinġu l-moviment liberu ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni, meta tali miżuri ma jkunux ġew ikkomunikati konformement ma din id-dispożizzjoni?

    4.

    Ir-Regolament (UE) 2019/1150 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-promozzjoni tal-korrettezza u tat-trasparenza għall-utenti kummerċjali tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online (4) u, b’mod partikolari, l-Artikolu 15 tiegħu, kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità, jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru jew miżura adottata minn awtorità nazzjonali indipendenti li timponi fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online li joperaw fi Stat Membru obbligu ta’ reġistrazzjoni fir-reġistru tal-operaturi tal-komunikazzjoni (ROC), segwit minn sensiela ta’ obbligi formali u proċedurali, obbligi ta’ kontribuzzjoni u projbizzjonijiet li jsiru profitti ogħla minn ċertu ammont?


    (1)  ĠU 2000, L 178, p. 1.

    (2)  ĠU 2006, L 376, p. 36.

    (3)  ĠU 2015, L 241, p. 1.

    (4)  ĠU 2019, L 186, p. 57.


    Top