Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CN0436

    Kawża C-436/22: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Castilla y León (Spanja) fl-1 ta’ Lulju 2022 – Asociación para la Conservación y Estudio del Lobo Ibérico (ASCEL) vs Administración de la Comunidad Autónoma de Castilla y León

    ĠU C 359, 19.9.2022, p. 45–46 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    19.9.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 359/45


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Castilla y León (Spanja) fl-1 ta’ Lulju 2022 – Asociación para la Conservación y Estudio del Lobo Ibérico (ASCEL) vs Administración de la Comunidad Autónoma de Castilla y León

    (Kawża C-436/22)

    (2022/C 359/54)

    Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

    Qorti tar-rinviju

    Tribunal Superior de Justicia de Castilla y León

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrent: Asociación para la Conservación y Estudio del Lobo Ibérico (ASCEL)

    Konvenut: Administración de la Comunidad Autónoma de Castilla y León

    Domandi preliminari

    Sa fejn kull miżura meħuda minn Stat Membru abbażi tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-habitat”) għandu jkollha bħala għan, skont l-Artikolu 2(2) tal-imsemmija direttiva, li jiġu żgurati ż-żamma jew l-istabbiliment mill-ġdid, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-ispeċi ta’ annimali ta’ interess Komunitarju, bħalma huwa l-lupu (canis lupus),

    1)

    id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(2), kif ukoll tal-Artikoli 4, 11, 12, 14, 16 u 17 tad-Direttiva dwar il-habitat jipprekludu li, skont liġi ta’ komunità awtonoma (il-Ley 4/1996 de Caza de Castilla y León (il-Liġi Nru 4/1996 ta’ Castilla y León dwar il-Kaċċa), tat-12 ta’ Lulju 1996, u sussegwentement il-Ley 4/2021 de Caza y de Gestión Sostenible de los Recursos Cinegéticos de Castilla y León (il-Liġi Nru 4/2021 ta’ Castilla y León dwar il-Kaċċa u l-Ġestjoni Sostenibbli tar-Riżorsi tal-Kaċċa), tal-1 ta’ Lulju 2021), il-lupu huwa identifikat bħala speċi li tista’ tkun is-suġġett tal-kaċċa, b’tali mod li l-isfruttament lokali tal-lupu fit-territorji miftuħa għall-kaċċa kien ġie awtorizzat matul l-istaġuni 2019/2020, 2020/2021 u 2021/2022, u dan filwaqt li, skont ir-rapport għall-perijodu ta’ sitt snin bejn l-2013 u l-2018, li r-Renju ta’ Spanja bagħat lill-Kummissjoni Ewropea fl-2019, l-istat ta’ konservazzjoni tal-lupu huwa “sfavorevoli u inadegwat”, li wassal lill-Istat (l-Istat Membru, Artikolu 4 tad-Direttiva dwar il-habitat) sabiex jinkludi l-popolazzjonijiet Spanjoli kollha tal-lupu fil-lista tal-ispeċi selvaġġi li huma s-suġġett ta’ sistema ta’ protezzjoni speċjali u fir-reġistru Spanjol ta’ speċi mhedda, b’mod li ta protezzjoni stretta anki lill-popolazzjoni li jinsabu fit-Tramuntana tax-xmara Duero?

    2)

    huwa kompatibbli ma’ dan l-għan li l-lupu jingħata protezzjoni differenti skont jekk jinsabx fit-Tramuntana jew fin-Nofsinhar tax-xmara Duero, meta jittieħdu inkunsiderazzjoni (i) il-fatt li, minn perspettiva xjentifika, din id-distinzjoni llum il-ġurnata titqies li hija inadegwata, (ii) l-evalwazzjoni sfavorevoli tal-istat ta’ konservazzjoni tal-lupu fit-tliet reġjuni fejn jinsab fi Spanja, jiġifieri fir-reġjun tal-Alpi, tal-Atlantiku u tal-Mediterran, matul il-perijodu bejn l-2013 u l-2018, (iii) il-fatt li din hija speċi li tgawdi minn protezzjoni stretta prattikament fl-Istati Membri kollha u, b’mod partikolari, fil-Portugall, li miegħu huwa kondiviż wieħed minn dawn ir-reġjuni, u (iv) il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-firxa naturali u l-portata territorjali li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat l-istat ta’ konservazzjoni tal-lupu, u dan filwaqt li jitqies li jkun iktar konformi mad-Direttiva dwar il-habitat u li ma jkunx hemm ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(3) tagħha jekk il-lupu jiġi inkluż fl-Annessi II u IV mingħajr ma ssir distinzjoni bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar tax-xmara Duero, b’tali mod li l-qbid u l-qtil tal-lupu jkunu possibbli biss meta ma jkun hemm ebda soluzzjoni sodisfaċenti oħra fis-sens tal-Artikolu 16 u konformement mar-rekwiżiti ta’ dan l-artikolu?

    Fil-każ li jitqies li din id-distinzjoni hija ġġustifikata,

    3)

    il-kelma “sfruttament” li tinsab fl-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-habitat tinkludi l-isfruttament fil-kuntest tal-kaċċa tal-lupu fid-dawl tal-importanza partikolari ta’ din l-ispeċi (li għandha prijorità fiż-żoni territorjali l-oħra), u fid-dawl tal-fatt li l-kaċċa għal-lupu kienet awtorizzata sal-lum il-ġurnata u tal-fatt li ġie kkonstatat li s-sitwazzjoni tiegħu għall-perijodu bejn l-2013 u l-2018 kienet sfavorevoli?

    4)

    l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-habitat jipprekludi l-identifikazzjoni, permezz ta’ leġiżlazzjoni, tal-lupu fit-Tramuntana tax-xmara Duero bħala speċi li tista’ tkun is-suġġett tal-kaċċa (Artikolu 7 u Anness I tal-Liġi Nru 4/1996 ta’ Castilla y León dwar il-Kaċċa, tat-12 ta’ Lulju 1996, u Artikolu 6 u Anness I tal-Liġi Nru 4/2021 ta’ Castilla y León dwar il-Kaċċa u l-Ġestjoni Sostenibbli tar-Riżorsi tal-Kaċċa, tal-1 ta’ Lulju 2021), kif ukoll l-adozzjoni ta’ pjan ta’ sfruttament lokali tal-lupu fit-territorji territorji miftuħa għall-kaċċa li jinsabu fit-Tramuntana tax-xmara Duero fir-rigward tal-istaġuni 2019/2020, 2020/2021 u 2021/2022 mingħajr ma tkun ippreżentata d-data li tippermetti li jiġi evalwat jekk is-sorveljanza prevista fl-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva kinitx ġiet implimentata, mingħajr it-twettiq, sa mill-2012/2013, ta’ ċensimenti u mingħajr ma tingħata informazzjoni suffiċjenti, oġġettiva, xjentifika u aġġornata fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-lupu fil-fajl li fuqu kienet ibbażata l-adozzjoni tal-pjan ta’ sfruttament lokali, u dan filwaqt li, għall-perijodu bejn l-2013 u l-2018, fit-tliet reġjuni fejn il-lupu jinsab fi Spanja, jiġifieri fir-reġjun tal-Alpi, tal-Atlantiku u tal-Mediterran, l-evalwazzjoni tal-istat ta’ konservazzjoni tiegħu hija sfavorevoli?

    5)

    skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 4, 11 u 17 tad-Direttiva dwar il-habitat, ir-rapporti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat l-istat ta’ konservazzjoni tal-lupu (il-livelli ta’ popolazzjoni attwali u reali, it-tqassim ġeografiku attwali, ir-rata ta’ riproduzzjoni, eċċ), jiġu stabbiliti mill-Istat Membru kull sitt snin jew, jekk ikun meħtieġ, f’perijodu iqsar, permezz ta’ kumitat xjentifiku bħalma huwa dak maħluq permezz tar-Real Decreto 139/2011 (id-Digriet Irjali Nru 139/2011), fid-dawl tal-fatt li l-popolazzjonijiet tal-ispeċi kkonċernata jinsabu fit-territorju ta’ diversi komunitajiet awtonomi u tal-ħtieġa li jiġu evalwati “fuq livell ikbar” il-miżuri li jikkonċernaw popolazzjoni lokali, konformement mas-sentenza tal-10 ta’ Ottubru 2019, Luonnonsuojeluyhdistys Tapiola (2)?


    (1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102.

    (2)  C-674/17, EU:C:2019:851.


    Top