EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CN0394

Kawża C-394/22: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-hof van beroep te Antwerpen (il-Belgju) fil-15 ta’ Ġunju 2022 – Oilchart International NV vs O.W. Bunker (Netherlands) BV, ING Bank NV

ĠU C 359, 19.9.2022, p. 32–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.9.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 359/32


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-hof van beroep te Antwerpen (il-Belgju) fil-15 ta’ Ġunju 2022 – Oilchart International NV vs O.W. Bunker (Netherlands) BV, ING Bank NV

(Kawża C-394/22)

(2022/C 359/37)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Hof van beroep te Antwerpen

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Oilchart International NV

Konvenuti: O.W. Bunker (Netherlands) BV, ING Bank NV

Domandi preliminari

1)

L-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 (Brussell Ibis) tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (1) moqri flimkien mal-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar proċedimenti ta’ falliment (2) għandu jiġi interpretat fis-sens li taqa’ wkoll taħt il-kunċett ta’ “falliment, proċedimenti relatati mal-istralċ ta’ kumpanniji insolventi jew ta’ persuni ġuridiċi oħra, arranġamenti ġudizzjarji, ftehimiet u proċedimenti analogu” li jinsab fl-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012 proċedura li fiha l-azzjoni hija ppreżentata fiċ-ċitazzjoni bħala sempliċi riċevibbli tan-negozju, mingħajr ma tirreferi għall-istat ta’ falliment diġà miftuħ preċedenti tal-konvenut, filwaqt li l-vera bażi legali ta’ din l-azzjoni tirriżulta mid-dispożizzjonijiet derogatorji speċifiċi tad-dritt tal-falliment Olandiż (l-Artikolu 25(2) tal-Wet van 30 september 1983 op het faillissement en de surséance van betaling (il-Liġi Olandiża tat-30 ta’ Settembru 1893 dwar il-falliment u s-sospensjoni tal-ħlas, il-Pajjiżi l-Baxxi, iktar ’il quddiem in-“NFW”) u li fiha:

hemm lok li jiġi deċiż jekk tali azzjoni għandhiex titqies bħala azzjoni li tista’ tiġi vverifikata (Artikolu 26 moqri flimkien mal-Artikolu 110 tan-NFW) jew bħala azzjoni li ma tistax tiġi vverifikata (Artikolu 25(2) tan-NFW);

il-kwistjoni jekk dawn iż-żewġ azzjonijiet jistgħux jinbdew fl-istess waqt u jekk azzjoni ma tidhirx li teskludi l-oħra, fid-dawl tal-konsegwenzi legali speċifiċi li jirriżultaw minn kull waħda minnhom (b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-possibbiltà li jintalab il-ħlas ta’ garanzija bankarja maħruġa wara l-falliment) tidher li hija deċiża skont ir-regoli speċifiċi tad-dritt Olandiż tal-falliment?

Kif ukoll

2)

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 25(2) tan-NFW jistgħu jitqiesu bħala konformi mal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000, sa fejn din id-dispożizzjoni leġiżlattiva tippermetti li tiġi ppreżentata tali azzjoni (Artikolu 25(2) tan-NFW) quddiem il-qorti ta’ Stat Membru ieħor minflok ma tiġi ppreżentata quddiem il-qorti tal-insolvenza tal-Istat Membru ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ falliment?


(1)  ĠU 2012, L 351, p. 1.

(2)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191.


Top