Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CN0331

    Kawża C-331/22: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado Contencioso-Administrativo n° 17 de Barcelona (Spanja) fis-17 ta’ Mejju 2022 – KT vs Departamento de Justicia de la Generalitat de Catalunya

    ĠU C 359, 19.9.2022, p. 23–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    19.9.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 359/23


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado Contencioso-Administrativo no 17 de Barcelona (Spanja) fis-17 ta’ Mejju 2022 – KT vs Departamento de Justicia de la Generalitat de Catalunya

    (Kawża C-331/22)

    (2022/C 359/25)

    Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

    Qorti tar-rinviju

    Juzgado Contencioso-Administrativo no 17 de Barcelona

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrent: KT

    Konvenut: Departamento de Justicia de la Generalitat de Catalunya

    Domandi preliminari

    1.

    Il-Ley 20/2021 (il-Liġi 20/2021) tipprevedi bħala unika miżura ta’ sanzjoni l-organizzazzjoni ta’ proċeduri ta’ selezzjoni kif ukoll kumpens esklużivament favur il-vittmi tal-abbuż li ma jgħaddux minn dawn il-kompetizzjonijiet. Din il-liġi tmur kontra l-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (1), għaliex hija ma tissanzjonax l-abbużi li seħħew fir-rigward ta’ impjegati temporanji tas-settur pubbliku li ma għaddewx minn dawn il-proċeduri ta’ selezzjoni, meta s-sanzjoni hija dejjem indispensabbli u meta l-fatt li persuna tgħaddi minn din il-kompetizzjoni ma jikkostitwixxix miżura ta’ sanzjoni li tosserva r-rekwiżiti tad-Direttiva, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fid-digriet tagħha tat-2 ta’ Ġunju 2021, SUSH u CGT Sanidad de Madrid (2)?

    2.

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda preċedenti, u jekk il-Liġi 20/2021 ma tipprevedix miżuri effettivi oħra sabiex tissanzjona l-użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi jew l-estensjoni abbużiva ta’ kuntratt temporanju, il-fatt li l-Liġi tonqos milli tipprevedi l-konverżjoni f’kuntratt għal żmien indeterminat ta’ sensiela ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat jew l-estensjoni abbużiva ta’ kuntratt temporanju jmur kontra l-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas tad-Direttiva 1999/70, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fid-digriet tagħha tat-30 ta’ Settembru 2020, Câmara Municipal de Gondomar (3)?

    3.

    It-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) stabbilixxiet fis-sentenzi tagħha 1425/2018 u 1426/2018, tas-26 ta’ Settembru 2018, il-ġurisprudenza, ikkonfermata permezz tas-sentenza tagħha 1534/2021 tal-20 ta’ Diċembru 2021, li tgħid li l-miżura li għandha tiġi adottata f’sitwazzjoni ta’ abbuż ta’ kuntratti temporanji tista’ tkun limitata għas-sempliċi fatt li l-impjegat tas-settur pubbliku vittma ta’ abbuż fl-iskema ta’ prekarjetà jinżamm fil-pożizzjoni tiegħu, sakemm l-amministrazzjoni li timpjegah tistabbilixxi jekk teżistix neċessità strutturali u sakemm hija torganizza l-proċeduri ta’ selezzjoni korrispondenti – miftuħa għall-kandidati li ma kinux is-suġġett ta’ dan l-abbuż ta’ kuntratti temporanji – sabiex timla l-pożizzjoni b’uffiċjali tas-settur pubbliku permanenti jew ta’ karriera. Din il-ġurisprudenza tmur kontra l-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas tad-Direttiva 1999/70 meta l-organizzazzjoni ta’ proċedura ta’ selezzjoni miftuħa u l-fatt li wieħed jgħaddi minn din il-kompetizzjoni ma hijiex miżura ta’ sanzjoni li tosserva r-rekwiżiti tad-Direttiva, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fid-digriet tagħha tat-2 ta’ Ġunju 2021, SUSH u CGT Sanidad de Madrid?

    4.

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda preċedenti u jekk il-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) ma tipprevedix miżuri effettivi oħra sabiex tissanzjona l-użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi jew l-estensjoni abbużiva ta’ kuntratt temporanju, il-fatt li din il-ġurisprudenza ma tipprevedix il-konverżjoni f’kuntratt għal żmien indeterminat ta’ sensiela ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat jew l-estensjoni abbużiva ta’ kuntratt temporanju jmur kontra l-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas tad-Direttiva 1999/70, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fid-digriet tagħha tat-30 ta’ Settembru 2020, Câmara Municipal de Gondomar (C-135/20)?

    5.

    Jekk il-leġiżlazzjoni adottata sabiex tittrasponi l-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas tad-Direttiva 1999/70 tikser id-dritt Komunitarju billi ma tipprevedi l-ebda miżura ta’ sanzjoni speċifika li tista’ tiżgura l-osservanza tal-għanijiet ta’ din in-norma Komunitarja u li ttemm il-prekarjetà tal-impjegati tas-settur pubbliku,

    f’tali sitwazzjoni, l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali għandhom jaċċettaw li jibdlu r-relazzjoni temporanja abbuża f’relazzjoni permanenti differenti minn dik ta’ uffiċjal ta’ karriera, iżda li tiżgura l-istabbiltà tal-impjieg lill-vittma tal-abbuż sabiex jiġi evitat li dan l-abbuż jibqa’ mhux issanzjonat u li jiġu ppreġudikati l-għanijiet tal-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas, anki jekk din il-konverżjoni ma hijiex prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, sakemm din ir-relazzjoni temporanja tkun ġiet ippreċeduta minn proċedura ta’ selezzjoni permezz ta’ kompetizzjoni pubblika u b’osservanza tal-prinċipji ta’ ugwaljanza, ta’ mertu u ta’ kapaċità?


    (1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368.

    (2)  C-103/19, EU:C:2021:460.

    (3)  C-135/20, EU:C:2020:760.


    Top