Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CN0159

    Kawża C-159/22: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Madrid (Spanja) fit-3 ta’ Marzu 2022 – IK vs Agencia Madrileña de Atención Social de la Comunidad de Madrid

    ĠU C 359, 19.9.2022, p. 19–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    19.9.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 359/19


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Madrid (Spanja) fit-3 ta’ Marzu 2022 – IK vs Agencia Madrileña de Atención Social de la Comunidad de Madrid

    (Kawża C-159/22)

    (2022/C 359/20)

    Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

    Qorti tar-rinviju

    Tribunal Superior de Justicia de Madrid

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrent: IK

    Konvenut: Agencia Madrileña de Atención Social de la Comunidad de Madrid

    Domandi preliminari

    A)

    Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi biss kumpens b’rata fissa u oġġettiv (ta’ 20 jum ta’ salarju għal kull sena xogħol, bil-limitu ta’ sena salarju), iżda ma tipprevedi ebda kumpens addizzjonali li jippermetti l-kumpens sħiħ għad-dannu mġarrab fil-każ li dan l-ammont jinqabeż, tista’ titqies bħala li tinkludi miżuri dissważivi biżżejjed għall-użu ta’ kuntratti jew tat-tiġdid ta’ kuntratti temporanji suċċessivi bi ksur tal-Klawżola 5 tal-Ftehim Qafas, konformi mar-rekwiżiti dwar il-kumpens għad-dannu mġarrab mill-ħaddiem permezz tar-restitutio in integrum, stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tas-7 ta’ Marzu 2018, Santoro (C-494/16) (1) u tat-8 ta’ Mejju 2019, Rossato u Conservatorio di Musica F.A. Bonporti (C-494/17) (2)?

    B)

    Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi biss kumpens dovut max-xoljiment tal-kuntratt minħabba li timtela l-pożizzjoni, iżda ma tipprevedi ebda kumpens meta l-kuntratt huwa fis-seħħ, bħala alternattiva għal li jiġi ddikjarat bħala għal żmien indeterminat, tista’ titqies bħala li tinkludi miżuri dissważivi biżżejjed għall-użu ta’ kuntratti jew tat-tiġdid ta’ kuntratti temporanji suċċessivi bi ksur tal-Klawżola 5 tal-Ftehim Qafas, konformi mar-rekwiżiti dwar il-kumpens għad-dannu mġarrab mill-ħaddiem stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha tas-7 ta’ Marzu 2018, Santoro (C-494/16) u tat-8 ta’ Mejju 2019, Rossato u Conservatorio di Musica F.A. Bonporti (C-494/17)? Meta tilwima tirrigwarda biss il-permanenza tal-ħaddiem iżda l-kuntratt ma jkunx ġie xolt, hemm lok li jingħata kumpens għad-dannu kkawżat mit-temporanjetà, bħala alternattiva għad-dikjarazzjoni ta’ permanenza?

    C)

    Leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ titqies bħala li tinkludi miżuri dissważivi biżżejjed, fil-konfront tal-amministrazzjoni pubbliċi u entitajiet tas-settur pubbliku, għall-użu ta’ kuntratti jew ta’ tiġdid ta’ kuntratti temporanji suċċessivi bi ksur tal-Klawżola 5 tal-Ftehim Qafas, intiżi sabiex jiġi evitat u ssanzjonat l-użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat min-naħa tal-entità li timpjega fil-konfront ta’ ħaddiema oħra u fil-futur, konformi mar-rekwiżiti stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha tas-7 ta’ Marzu 2018, Santoro (C-494/16) u tat-8 ta’ Mejju 2019, Rossato u Conservatorio di Musica F.A. Bonporti (C-494/17), meta dawn il-miżuri huma dispożizzjonijiet legali introdotti mill-2017 (disposición adicional 34.a de la Ley 3/2017, de 27 de junio, de Presupuestos Generales del Estado para el año 2017 (id-dispożizzjoni addizzjonali Nru 34 tal-Liġi 3/2017 tas-27 ta’ Ġunju 2017 dwar il-baġit ġenerali tal-Istat għall-2017) u d-disposición adicional 43.a de la Ley 6/2018, de 3 de julio, de Presupuestos Generales del Estado para el año 2018 (il-Liġi 6/2018 tat-3 ta’ Lulju 2018 dwar il-baġit ġenerali tal-Istat għall-2018)) li jipprevedu li l-“atti irregolari” jagħtu lok għal responsabbiltà, iżda jidentifikaw din ir-responsabbiltà biss permezz ta’ riferiment ġeneriku għal leġiżlazzjoni li ma tispeċifikahomx, u mingħajr l-eżistenza ta’ xi każ speċifiku ta’ rekwiżit ta’ responsabbiltà, fil-kuntest ta’ eluf ta’ deċiżjonijiet li jiddikjaraw li ħaddiema għandhom kuntratti għal żmien indeterminat mhux permanenti minħabba ksur tad-dispożizzjonijiet dwar kuntratti temporanji?

    D)

    Fil-każ li jitqies li ma jeżistux mezzi dissważivi biżżejjed fil-leġiżlazzjoni Spanjola, il-konsegwenza tal-ksur tal-Klawżola 5 tal-Ftehim Qafas anness mad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (3) minn persuna pubblika li timpjega għandha tkun li l-kuntratt jitqies bħala kuntratt mhux permanenti għal żmien indeterminat jew il-ħaddiem għandu jiġi rrikonoxxut bħala permanenti totalment, mingħajr kwalifiki?

    E)

    Il-konverżjoni tal-kuntratt f’kuntratt permanenti, skont il-Ftehim Qafas anness mad-Direttiva 1999/70 u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpretaha, għandha ssir, skont il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjon, anki jekk din titqies kuntrarja għall-Artikoli 23(2) u 103(3) tal-Kostituzzjoni Spanjola, jekk dawn ir-regoli kostituzzjonali jiġu interpretati fis-sens li jimponu li kandidat jista’ jaċċedi għal kwalunkwe impjieg fis-servizz pubbliku, inkluż fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ xogħol, biss wara li jkun ipparteċipa b’suċċess fi proċedura kompetittiva ta’ selezzjoni li fiha japplikaw il-prinċipji ta’ ugwaljanza, ta’ mertu, ta’ kompetenza u ta’ pubbliċità? Peress li interpretazzjoni oħra hija possibbli, li hija dik segwita mit-Tribunal Constitucional ((il-Qorti Kostituzzjonali, Spanja)), il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi għandu jiġi applikat għar-regoli kostituzzjonali tal-Istat, b’mod li jkun obbligatorju li tintgħażel l-interpretazzjoni li tagħmilhom kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, f’dan il-każ filwaqt li huwa mifhum li l-Artikoli 23(2) u 103(3) tal-Kostituzzjoni ma jeħtiġux l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ ugwaljanza, ta’ mertu u ta’ kompetenza għall-proċeduri ta’ għażla tal-membri tal-persunal?

    F)

    Il-konverżjoni tal-kuntratt f’kuntratt permanenti skont il-Ftehim Qafas anness mad-Direttiva 1999/70 u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpretaha, tista’ ma tiġix applikata jekk, qabel din il-konverżjoni tiġi ddekretata ġudizzjarjament, jiġi stabbilit proċess ta’ konsolidazzjoni jew ta’ stabilizzazzjoni tal-impjieg temporanju permezz ta’ liġi, li għandu jiġi żviluppat fis-snin li ġejjin, u li jinvolvi t-tnedija ta’ sejħiet pubbliċi sabiex il-pożizzjoni okkupata mill-ħaddiem timtela, fid-dawl tal-fatt li f’din il-proċedura għandha tiġi żgurata “l-osservanza tal-prinċipji ta’ kompetizzjoni ħielsa, ta’ ugwaljanza, ta’ mertu, ta’ kompetenza u ta’ pubbliċità” u għalhekk il-ħaddiem li kien is-suġġett tal-użu suċċessiv ta’ kuntratti jew ta’ tiġdid ta’ kuntratti temporanji jista’ għalhekk jagħmel il-pożizzjoni tiegħu permanenti, imma wkoll ma jagħmilx dan jekk din tingħata lil persuna oħra, f’liema każ il-kuntratt tiegħu jiġi xolt flimkien ma’ kumpens li jikkorrispondi għal 20 jum salarju għal kull sena xogħol sal-limitu ta’ sena salarju?


    (1)  EU:C:2018:166.

    (2)  EU:C:2019:387.

    (3)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368.


    Top