Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021TN0434

Kawża T-434/21: Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Lulju 2021 – TO vs EEA

ĠU C 349, 30.8.2021, pp. 48–49 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

30.8.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 349/48


Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Lulju 2021 – TO vs EEA

(Kawża T-434/21)

(2021/C 349/64)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: TO (rappreżentant: É. Boigelot, avukat)

Konvenuta: L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA)

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara u tiddeċiedi,

l-annullament tad-deċiżjoni tal-EEA tal-21 ta’ Settembru 2020, fis-sens li din, wara li ddeċidiet li tilqa’ t-talba sabiex tikseb ir-rimbors tal-allowance tal-installazzjoni li kienet tnaqqset b’mod żbaljat mill-EEA matul il-ħlas tas-somom dovuti minħabba s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-11 ta’ Ġunju 2019 fil-Kawża T-462/17, madankollu ddeċidiet – u huwa f’dan is-sens li d-deċiżjoni hija kkontestata – li tirrifjuta li timplimenta t-talbiet l-oħra li r-rikorrenti għamlet b’mod partikolari fil-messaġġ elettroniku tagħha tas-16 ta’ Settembru preċedenti li d-deċiżjoni kkontestata tirreferi espressament għaliha u li kienet tikkonsisti fil-kisba, flimkien mar-rimbors tal-allowance tal-installazzjoni mnaqqsa debitament,

tal-bilanċ sinjifikattiv – iżda li ma kienx stabbilit minħabba n-nuqqas ta’ rendikont iddettaljat – li għadu dovut, flimkien mal-interessi fuq l-allowance ta’ tkeċċija mit-22 ta’ Settembru 2016, u mid-data tal-għoti tas-sentenza dwar l-ammont tal-multi sad-data tal-ħlas effettiv,

ta’ rendikont iddettaljat tas-somom dovuti bħala prinċipju, interessi u spejjeż anċillari u ta’ somom diġà mħallsa lir-rikorrenti li għandhom jiġu paċuti bħala prijorità fuq l-interessi u l-ispejjeż anċillari u, sussegwentement, fuq il-kapital, u

tad-danni u l-interessi dovuti minħabba t-twettiq ta’ nuqqas amministrattiv u li kien jikkonsisti, minn naħa, fil-ksur tal-kunfidenzjalità mogħtija mill-Qorti Ġenerali lir-rikorrenti peress li ġiet informata, permezz tad-dikjarazzjoni tar-remunerazzjoni ta’ Awwissu 2019 li turi l-ammonti mħallsa fi kreditu u debitu, il-persuna l-ġdida li timpjega lir-rikorrenti bit-tilwima mal-EEA, u min-naħa l-oħra, minħabba r-rifjut ta’ komunikazzjoni tal-iskambju ta’ korrispondenza li seħħet mal-avukat tagħha ta’ dak iż-żmien kemm qabel kif ukoll wara l-għoti tas-sentenza ċċitata iktar ’il fuq;

l-annullament tad-deċiżjoni meħuda mill-EEA, fl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li għalhekk tirrifjuta milli teżegwixxi s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-11 ta’ Ġunju 2019 fil-Kawża T-462/17 kif ikkontestata iktar ’il fuq, bħala prinċipju, bl-interessi u l-ispejjeż anċillari;

li s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-11 ta’ Ġunju 2019 fil-Kawża T-462/17 tiġi eżegwita bħala prinċipju, bl-interessi u l-ispejjeż anċillari, kif ukoll il-kumpens tad-dannu kollu li sostniet u li ser issostni bħala riżultat tat-teħid u tal-implimentazzjoni ta’ din id-deċiżjoni kkontestata, sa fejn l-EEA tħallasha:

is-somma li tikkorrispondi għall-allowance ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg li hija ġiet ikkundannata tħallasha, kif ukoll l-allowance tal-installazzjoni mnaqqsa sa EUR 2 950 sakemm ma kinitx, minħabba impossibbiltà, diġà rrimborsata, flimkien mal-interessi mit-22 ta’ Settembru 2016;

somma ta’ EUR 20 000 bħala kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa għad-dannu sostnut minħabba l-iżvelar lil terzi tad-data personali tagħha kif ukoll minħabba ksur tar-regoli tal-kunfidenzjalità, b’mod partikolari fil-konfront tal-persuna li timpjegaha bħalissa;

somma ta’ EUR 20 000 bħala kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa għad-dannu sostnut minħabba r-rifjut li tikkomunikalha l-iskambju ta’ korrispondenza li seħħet mal-avukat tagħha kemm qabel kif ukoll wara l-għoti tas-sentenza;

il-kundanna tal-konvenuta għall-ispejjeż kollha, konformement mal-Artikolu 134 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 266 TFUE, kif ukoll tal-prinċipji ta’ bona fide u ta’ amministrazzjoni tajba, minħabba li l-EEA ma ħaditx il-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali favur ir-rikorrenti.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u ksur tad-dmir ta’ premura.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur ġdid tad-data personali tar-rikorrenti, li jikkostitwixxi ċirkustanza aggravanti meta mqabbel mal-ewwel sentenza bi ksur tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta u tal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 26, p. 102, rettifika fil-ĠU 2013, L 298, p. 50).


Top