EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021TN0302

Kawża T-302/21: Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Mejju 2021 – ABOCA et vs Il-Kummissjoni

ĠU C 289, 19.7.2021, p. 45–46 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 289/45


Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Mejju 2021 – ABOCA et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-302/21)

(2021/C 289/61)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: ABOCA SpA Società Agricola (Sansepolcro, l-Italja), Coswell SpA (Funo di Argelato, l-Italja), Associação portuguesa de suplementos alimentares (Apard) (Lisbona, il-Portugall) (rappreżentanti: B. Kelly, Solicitor, K. Ewert, avukat, D. Scannell, u C. Thomas, Barrister)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2021/468 tat-18 ta’ Marzu 2021 li jemenda l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 rigward l-ispeċijiet botaniċi li fihom derivati tal-idrossiantraċen (1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ikkontestat”), kompletament jew (alternattivament) parzjalment, u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipproċedi taħt ir-Regolament (KE) 1925/2006 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament tal-Additivi”) hija illegali:

L-użu fir-Regolament ikkontestat tal-kelma “preparazzjonijiet” jidher li jipprova jipprojbixxi l-użu ta’ ingredjenti ta’ pjanti sħaħ u estratti botaniċi naturali bħala ikel. Ir-Regolament tal-Additivi ma jagħtix lill-Kummissjoni s-setgħa li tipprojbixxi prodotti tal-ikel.

Il-Kummissjoni kellha ssegwi l-proċedura iktar stretta u t-test legali skont id-Direttiva 2002/46/KE.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li r-regolament ikkontestat huwa legalment inċert:

L-applikanti ma jistgħux jiddeterminaw jekk il-prodotti tagħhom humiex suġġetti għal skrutinju addizzjonali taħt l-Artikolu 1(2) tar-regolament ikkontestat peress li t-tifsira ta’ “preparazzjonijiet” fil-kuntest tar-Regolament tal-Additivi hija inċerta.

Ir-relazzjoni bejn iż-żewġ artikoli tar-Regolament tal-Additivi hija inċerta.

Fi kwalunkwe każ, ir-regolament ikkontestat jikser il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni billi għandu fil-mira l-prodotti tar-rikorrenti u mhux il-ħafna prodotti tal-ikel, li wkoll jinkludu derivati tal-idrossiantraċen fi kwantitajiet simili.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-analiżi tal-2017 tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) ma huwiex ta’ natura li jissodisfa t-test legali meħtieġ taħt ir-Regolament tal-Additivi:

It-test legali applikabbli jeżiġi effett dannuż identifikabbli fuq is-saħħa tal-bniedem sabiex is-sustanzi rilevanti jitqiegħdu fl-Anness tar-Regolament tal-Additivi.

Il-konklużjonijiet tal-EFSA ma identifikawx effett dannuż fuq is-saħħa tal-bniedem.

L-approċċ tal-Kummissjoni huwa sproporzjonat peress li ma jissodisfax it-test ta’ “ħtieġa” stabbilit fir-Regolament tal-Additivi.

Il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni data ppubblikata sa mill-2017, li turi li ma jirriżulta l-ebda effett dannuż fuq is-saħħa tal-bniedem mill-konsum tas-sustanzi rilevanti.


(1)  ĠU 2021, L 96, p. 6.


Top