Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021TN0227

    Kawża T-227/21: Rikors ippreżentat fit-28 ta’ April 2021 – Illumina vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 252, 28.6.2021, p. 27–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    28.6.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 252/27


    Rikors ippreżentat fit-28 ta’ April 2021 – Illumina vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-227/21)

    (2021/C 252/37)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrent: Illumina, Inc. (Wilmington, Delaware, l-Istati Uniti) (rappreżentanti: D. Beard, QC, u P. Chappatte, lawyer)

    Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tad-19 ta’ April 2021 (Każ COMP/M.10188), skont l-Artikolu 22(3) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (1), li permezz tagħha hija aċċettat it-talba għal rinviju tad-9 ta’ Marzu 2021 taħt l-Artikolu 22(1) tar-Regolament (KE) dwar il-Konċentrazzjonijiet magħmula mill-Awtorità għall-Kompetizzjoni (Franza) u ddikjarat ruħha kompetenti sabiex teżamina l-konċentrazzjoni bejn Illumina, Inc. u GRAIL, Inc. taħt ir-Regolament KE dwar il-Konċentrazzjonijieten;

    tannulla l-ħames deċiżjonijiet l-oħra tal-Kummissjoni indirizzati lill-Pajjiżi l-Baxxi, lill-Belġju, lill-Greċja, lill-Islanda u lin-Norveġja rispettivament, li jippermettu lill-imsemmija Stati Membri jingħaqdu mat-talba għal rinviju;

    tannulla t-talba għal rinviju;

    sa fejn huwa neċessarju, tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Marzu 2021 li permezz tagħha Illumina ġiet informata li l-Kummissjoni kienet irċeviet talba għal rinviju u li kellha l-konsegwenza legali, konformement mat-tieni sentenza tal-Artikolu 22(4) tar-Regolament KE dwar il-Konċentrazzjonijiet, li tipprojbixxi lil Illumina twettaq il-konċentrazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament KE dwar il-konċentrazzjonijiet;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li teżamina l-konċentrazzjoni ma taqax taħt il-kompetenza tagħha. B’mod partikolari, id-deċiżjoni:

    tiddefinixxi b’mod żbaljat l-għan tar-Regolament KE dwar il-Konċentrazzjonijiet;

    ma tirrikonoxxix li r-rinviji tal-kawżi taħt l-Artikolu 22 tar-Regolament KE dwar il-Konċentrazzjonijiet (u tal-Artikolu 9 tiegħu) huma eċċezzjoni u li s-setgħat għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv;

    hija vvizzjata bi żball f’dak li jirrigwarda l-kuntest leġiżlattiv tal-Artikolu 22 tar-Regolament KE dwar il-Konċentrazzjonijiet;

    tinterpreta b’mod żbaljat it-termini tal-Artikolu 22 tar-Regolament KE dwar il-Konċentrazzjonijiet;

    tinkludi interpretazzjoni tal-Kummissjoni li tmur kontra l-prinċipji ta’ sussidjarjetà, ta’ ċertezza legali u ta’ proporzjonalità.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li teżamina l-konċentrazzjoni hija invalida għaliex ir-rinviju intalab b’mod tardiv mill-Awtorità għall-Kompetizzjoni Franċiża u/jew fuq li d-deċiżjoni tippreġudika ċ-ċertezza legali u d-dritt għal amministrazzjoni tajba minħabba d-dewmien tal-Kummissjoni. B’mod partikolari:

    Il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “komunikazzjoni” msemmi fl-Artikolu 22(1) tar-Regolament KE dwar il-Konċentrazzjonijiet sabiex tiddetermina d-data li minnha t-terminu ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol beda jiddekorri u kienet żbaljata meta ma kkonkludietx li t-talba kienet saret b’mod tardiv, b’tali mod li ma kellhiex is-setgħa tadotta d-deċiżjoni.

    Barra minn hekk, jew b’mod sussidjarju, jekk u sa fejn huwa bl-ittra ta’ stedina skont l-Artikolu 22(5) tar-Regolament KE dwar il-Konċentrazzjonijiet li l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni kienet ġiet “mgħarrfa” lill-awtoritajiet Franċiżi (u/jew lil Stati Membri oħrajn), id-dewmien tal-Kummissjoni sabiex tibgħat l-ittra ta’ stedina kien kontra l-punċipju fundamentali ta’ ċertezza legali u l-obbligu li tittieħed azzjoni f’terminu raġonevoli skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li teżamina l-konċentrazzjoni tikkostitwixxi bidla fil-politika li tippreġudika l-aspettattivi leġittimi ta’ Illumina u ċ-ċertezza legali, peress li, fil-11 ta’ Settembru 2020, il-Kummissarju Vestager għamlet dikjarazzjoni preċiża u mingħajr kundizzjoni li kien ser ikun hemm bidla fil-politika tal-Kummissjoni rigward ir-rinviji tal-kawżi taħt l-Artikolu 22 wara l-pubblikazzjoni ta’ linji gwida ġodda. Issa, l-ittra ta’ stedina ntbagħtet qabel il-pubblikazzjoni tal-linji gwida l-ġodda, jiġifieri fi żmien fejn il-politika ddikjarata tal-Kummissjoni kienet li tiskoraġġixxi t-talbiet ta’ rinviji min-naħa tal-Istati Membri li ma kellhomx kompetenza bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom stess. Il-Kummissjoni segwiet, għaldaqstant, il-politika l-ġdida tagħha qabel il-pubblikazjoni tal-linji gwida l-ġodda tagħha li jikkonċernaw l-Artikolu 22, li jmur kontra l-aspettattivi leġittimi ta’ Illumnia u taċ-ċertezza legali.

    4.

    Ir-raba’ motiv ibbażat fuq li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ fatt u ta’ evalwazzjoni li jqiegħdu inkwistjoni l-bażi tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li teżamina l-konċentrazzjoni. B’mod partikolari:

    id-deċiżjoni u/jew it-talba huma illegali minħabba żbalji fattwali importanti li jivvizzjaw l-ittra ta’ stedina u t-talba ta rinviju u/jew proċedura inġusta/ksur tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża;

    il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat li hemm impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri għaliex ma kellhiex provi rilevanti;

    il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat li l-konċentrazzjoni thedded li taffettwa b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni peress li hija ma kellhiex provi rilevanti.


    (1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nruo139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet [Konċentrazzjonijiet]) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40).


    Top