Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CN0204

    Kawża C-204/21: Rikors ippreżentat fl-1 ta’ April 2021 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Polonja

    ĠU C 252, 28.6.2021, p. 9–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    28.6.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 252/9


    Rikors ippreżentat fl-1 ta’ April 2021 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Polonja

    (Kawża C-204/21)

    (2021/C 252/15)

    Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

    Partijiet

    Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: P.J.O. Van Nuffel, K. Herrmann, aġenti)

    Konvenut: Ir-Repubblika tal-Polonja

    Talbiet

    billi adottat u żammet fis-seħħ l-Artikolu 42a(1) u (2) kif ukoll l-Artikolu 55(4) tal-ustawa prawo o ustroju sądów powszechnych (il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Komuni) (iktar ’il quddiem il-“Liġi p.u.s.p.”), l-Artikolu 26(3) u l-Artikolu 29(2) u (3) tal-ustawa o Sądzie Najwyższym (il-Liġi dwar il-Qorti Suprema), l-Artikolu 5(1a) u (1b) tal-ustawa o sądach administracyjnych (il-Liġi dwar il-Qrati Amministrattivi) fil-verżjoni li tirriżulta mil-Liġi tal-20 ta’ Diċembru 2019 – Prawo o ustroju sądów powszechnych, ustawy o Sądzie Najwyższym oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Komuni, il-Liġi dwar il-Qorti Suprema kif ukoll liġijiet oħrajn) (iktar ’il quddiem il-“Liġi emendatorja”), kif ukoll l-Artikolu 8 tal-Liġi emendatorja, li jiddikjaraw inaċċettabbli li kull qorti nazzjonali teżamina l-osservanza tar-rekwiżiti tal-Unjoni ta’ qorti indipendenti u imparzjali stabbilita preċedentement permezz tal-liġi, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 6(1) KEDB kif ukoll l-Artikolu 267 TFUE u l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni.

    billi adottat u żammet fis-seħħ l-Artikolu 26(2) u (4) sa (6) u l-Artikolu 82(2) sa (5) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema fil-verżjoni li tirriżulta mil-Liġi emendatorja, kif ukoll l-Artikolu 10 tal-Liġi emendatorja, li jagħtu l-kompetenza esklużiva lill-Izba Kontroli Nadzwyczajnej i Spraw Publicznych Sądu Najwyższego (l-Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema) għall-eżami ta’ lmenti u kwistjonijiet ġuridiċi dwar in-nuqqas ta’ indipendenza ta’ qorti jew ta’ mħallef, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 267 TFUE u l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni;

    billi adottat u żammet fis-seħħ il-punti 2 u 3 tal-Artikolu 107(1) tal-Liġi p.u.s.p. u l-punti 1 sa 3 tal-Artikolu 72(1) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema fil-verżjoni li tirriżulta mil-Liġi emendatorja li jippermettu li jiġi kkwalifikat bħala offiża dixxiplinari l-eżami dwar l-issodisfar tar-rekwiżiti tal-Unjoni minn qorti indipendenti u imparzjali stabbilita preċedentement bis-saħħa tal-liġi, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha li jirriżultaw mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 267 TFUE;

    billi tat lill-Izba Dyscyplinarna Sądu Najwyższego (l-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), li l-indipendenza u l-imparzjalità tagħha ma humiex iggarantiti, is-setgħa li tiddeċiedi kawżi li għandhom impatt dirett fuq l-istatus u t-twettiq tal-funzjonijiet ta’ mħallfin u assistenti mħallfin (bħall-awtorizzazzjoni sabiex jitressqu proċeduri kriminali kontra mħallfin u assistenti mħallfin jew inkella awtorizzazzjoni biex dawn jiġu arrestati, kawżi fil-qasam tad-dritt tax-xogħol u tas-sigurtà soċjali li jirrigwardaw imħallfin tal-Qorti Suprema kif ukoll kawżi dwar l-irtirar ta’ mħallfin tal-Qorti Suprema), ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-tieni subparagrafu tal-artikolu 19(1) TUE;

    billi adottat u żammet fis-seħħ l-Artikolu 88a tal-Liġi dwar il-Qrati Komuni, l-Artikolu 45(3) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, u l-Artikolu 8(2) tal-Liġi dwar il-Qrati Amministrattivi, fil-verżjoni li tirriżulta mil-Liġi emendatorja, ir-Repubblika tal-Polonja kisret id-dritt ta’ rispett tal-ħajja privata u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali ggarantiti mill-Artikolu 7 u mill-Artikolu 8(1) tal-Karta tad-Drittjiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll l-Artikolu 6(1)(c) u (e), l-Artikolu 6(3) u l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data (1);

    tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-ħolqien tagħha, tal-kompożizzjoni tagħha u tal-kompetenzi mogħtija lilha, l-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema ma tikkostitiwixxix entità ġudizzjarja li tissodisfa l-kwalitajiet ta’ qorti indipendenti fis-sens tal-Artikolu 19(1) TUE moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta. Għaldaqstant, il-fatt li l-konjizzjoni tagħha tinżamm fil-każijiet li jirrigwardaw imħallfin nazzjonali oħra dwar l-istatus u l-kundizzjonijiet tal-eżekuzzjoni tal-funzjoni ta’ mħallef jikser l-indipendenza tagħhom u jmur kontra l-Artikolu 19(1) TFUE.

    Id-dispożizzjonijiet tal-Liġi emendatorja tal-20 ta’ Diċembru 2019 li jeskludu l-possibbiltà li l-qrati nazzjonali jeżaminaw l-issodisfar, minn kompożizzjonijiet li jiddeċiedu kawżi li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni, tar-rekwiżiti ta’ indipendenza u imparzjalità ta’ qorti li tkun ġiet stabbilita preċedentement bis-saħħa tal-liġi fis-sens tal-Artikolu 19(1) TUE moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta jiksru dawn id-dispożizzjonijiet u jmorru kontra l-mekkaniżmu tad-domandi preliminari stabbilit fl-Artikolu 267 TFUE. Għalhekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-qrati nazzjonali għandhom l-obbligu jiżguraw li l-kawżi dwar id-drittijiet tal-individwu li huwa jislet mid-dritt tal-Unjoni jiġu eżaminati minn qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel permezz tal-liġi. Il-klassifikazzjoni ta’ tali eżami bħala offiża dixxiplinari wkoll tikser id-dritt tal-Unjoni. Kull imħallef ta’ qorti nazzjonali li jaġixxi bħala qorti tad-dritt tal-Unjoni għandu jkollu l-possibbiltà jwettaq eżami ex officio jew fuq talba, dwar jekk kawżi li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni humiex eżaminati minn qorti indipendenti fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, mingħajr theddida li jinbdew proċeduri dixxiplinari kontra dawn l-imħallfin. Il-fatt li l-Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema tiġi fdata bil-ġurisdizzjoni esklużiva għall-eżami ta’ rikorsi intiżi biex imħallef jiġi eskluż minn kawża partikolari jew għad-determinazzjoni tal-ġudikatura adegwata, fuq il-bażi ta’ nuqqas ta’ imħallef jew qorti indipendenti, jipprekludi lil qrati nazzjonali oħra milli jissodisfaw l-obbligi msemmija hawn fuq u jagħmlu lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ dan ir-rekwiżit tal-Unjoni. Madankollu, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kull qorti nazzjonali tista’ tagħmel domandi preliminari fuq il-bażi tal-Artikolu 267 TFUE, u l-qrati li minnhom ma jkun hemm ebda rimedju ġudizzjarju huma obbligati jagħmlu dan fil-każ ta’ dubji ta’ interpretazzjoni.

    L-obbligu ta’ kull imħallef sabiex fi żmien 30 jum mill-ħatra tiegħu fil-funzjoni ta’ mħallef jagħti u jippubblika fil-Biuletyn Informacji Publicznej (il-Bullettin tal-Informazzjoni Pubblika), l-informazzjoni dwar is-sħubija tiegħu f’assoċjazzjonijiet jew għaqdiet u dwar il-funzjonijiet imwettqa minnu f’fondazzjonijiet li ma jwettqux attività ekonomika, u kif ukoll dwar l-appartenenza tiegħu għal partit politiku qabel il-ħatra fil-ġudikatura jikser id-dritt fundamentali ta’ mħallef għar-rispett tal-ħajja privata u d-data personali u d-dispożizzjonijiet tar-RĠPD.


    (1)  ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2.


    Top