This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62020TN0230
Case T-230/20: Action brought on 27 April 2020 — PNB Banka v ECB
Kawża T-230/20: Rikors ippreżentat fis-27 ta’ April 2020 – PNB Banka vs BĊE
Kawża T-230/20: Rikors ippreżentat fis-27 ta’ April 2020 – PNB Banka vs BĊE
ĠU C 209, 22.6.2020, p. 33–34
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
22.6.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 209/33 |
Rikors ippreżentat fis-27 ta’ April 2020 – PNB Banka vs BĊE
(Kawża T-230/20)
(2020/C 209/45)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: PNB Banka AS (Riga, il-Latvja) (rappreżentant: O. Behrends, avukat)
Konvenut: Il-Bank Ċentrali Ewropew
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
— |
tannulla d-deċiżjoni tal-BĊE tas-17 ta’ Frar 2020 dwar l-irtirar tal-liċenzja bankarja ta’ AS PNB Banka; |
— |
tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż. |
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tlettax-il motiv.
1. |
L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li t-test tad-deċiżjoni kkontestata fih informazzjoni proċedurali insuffiċjenti u qarrieqa. |
2. |
It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-BĊE b’mod żbaljat uża l-proċedura li tinvolvi żewġ stadji għad-deċiżjoni kkontestata (li tinvolvi proposta tal-awtorità nazzjonali kompetenti), skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(5) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 (1) u skont l-Artikolu 83 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (2), minkejja d-deċiżjoni ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid tal-BĊE tal-1 ta’ Marzu 2019 li permezz tagħha l-BĊE assuma s-superviżjoni diretta tar-rikorrenti. |
3. |
It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-proċedura quddiem l-awtorità nazzjonali kompetenti, il-Kummissjoni tas-Suq Finanzjarju u Kapitali (KSFK). |
4. |
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li kien sar proċeduralment impossibbli għall-BĊE li jadotta abbozz ta’ deċiżjoni ta’ rtirar ta’ liċenzja tat-12 ta’ Settembru 2019 fis-17 ta’ Frar 2020 minħabba d-dispożizzjoni proċedurali tal-Artikolu 83(1) tar-Regolament (UE) Nru 468/2014. |
5. |
Il-ħames motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata saret proċeduralment u sostanzjalment illegali minħabba l-irtirar de facto tal-liċenzja mill-BĊE permezz tal-evalwazzjoni preċedenti tal-falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ tal-15 ta’ Awwissu 2019. |
6. |
Is-sitt motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata hija illegali minħabba li hija bbażata fuq interferenza illegali mad-drittijiet ta’ rappreżentanza tar-rikorrenti li ċċaħadha mid-drittijiet proċedurali kollha tagħha. |
7. |
Is-seba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata hija illegali minħabba li hija bbażata fuq motivazzjoni insuffiċjenti. |
8. |
It-tmien motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ tar-rikorrenti. |
9. |
Id-disa’ motiv ibbażat fuq il-fatt li l-BĊE kien prekluż milli jibbaża ruħu fuq is-sentenza Latvjana ta’ insolvenza tat-12 ta’ Settembru 2019 minħabba li din is-sentenza kienet illegali u kienet ibbażata biss fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-BĊE tal-falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ. |
10. |
L-għaxar motiv ibbażat fuq il-fatt li l-BĊE b’mod żbaljat ibbaża ruħu fuq motivi oħra għad-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari ksur allegat tal-limiti għar-riskji l-kbar u tar-rekwiżiti regolatorji relatati mal-kapital, li ma kinux iġġustifikati u li l-KSFK ma kinitx ibbażat ruħha fuqhom fl-abbozz ta’ deċiżjoni tagħha. |
11. |
Il-ħdax-il motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata hija sostanzjalment illegali minħabba li r-rikorrenti kienet taħt il-kontroll esklużiv tal-KSFK, u għaldaqstant indirettament taħt dak tal-BĊE, mit-12 ta’ Settembru 2019. |
12. |
It-tnax-il motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata hija sproporzjonata. |
13. |
It-tlettax-il motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq l-iżbalji kollha tal-evalwazzjoni tal-falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ. |
(1) Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63).
(2) Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma’ awtoritajiet nazzjonali nominati (ĠU 2014, L 141, p. 1).