This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62020CN0364
Case C-364/20 P: Appeal brought on 4 August 2020 by Ernests Bernis, Oļegs Fiļs, OF Holding SIA and Cassandra Holding Company SIA against the order of the General Court (Tenth Chamber) delivered on 14 May 2020 in Case T-282/18, Bernis and Others v SRB
Kawża C-364/20 P: Appell ippreżentat fl-4 ta’ Awwissu 2020 minn Ernests Bernis, Oļegs Fiļs, OF Holding SIA u Cassandra Holding Company SIA mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (L-Għaxar Awla) fl-14 ta’ Mejju 2020 fil-Kawża T-282/18, Bernis et vs SRB
Kawża C-364/20 P: Appell ippreżentat fl-4 ta’ Awwissu 2020 minn Ernests Bernis, Oļegs Fiļs, OF Holding SIA u Cassandra Holding Company SIA mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (L-Għaxar Awla) fl-14 ta’ Mejju 2020 fil-Kawża T-282/18, Bernis et vs SRB
ĠU C 320, 28.9.2020, p. 13–14
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
28.9.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 320/13 |
Appell ippreżentat fl-4 ta’ Awwissu 2020 minn Ernests Bernis, Oļegs Fiļs, OF Holding SIA u Cassandra Holding Company SIA mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (L-Għaxar Awla) fl-14 ta’ Mejju 2020 fil-Kawża T-282/18, Bernis et vs SRB
(Kawża C-364/20 P)
(2020/C 320/17)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Ernests Bernis, Oļegs Fiļs, OF Holding SIA, Cassandra Holding Company SIA (rappreżentant: O.H. Behrends, Rechtsanwalt)
Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)
Talbiet
L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
— |
tannulla d-digriet tal-Qorti Ġenerali; |
— |
tiddikjara ammissibbli r-rikors għal annullament; |
— |
tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar ir-rikors għal annullament; |
— |
tikkundanna lill-BĊE għall-ispejjeż tal-appellanti u għall-ispejjeż ta’ dan l-appell. |
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw l-aggravji segwenti.
L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta bbażat ruħha fuq il-fatt li r-Regolament Nru 806/2014 (1) ma jinkludi ebda dispożizzjoni, fir-rigward ta’ ċirkustanzi bħal dawk f’din il-kawża, għall-istralċ ta’ istituzzjoni ta’ kreditu. L-appellanti jsostnu li dan l-aspett jikkonċerna l-legalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati ta’ SRB tat-23 ta’ Frar 2018 u għalhekk il-fondatezza filwaqt li l-ammissibbiltà tiddependi biss mill-mod li bih effettivament aġixxa SRB (u mhux kif kellu jaġixxi).
It-tieni aggravju huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset bħala kunsiderazzjoni li ssostni l-konklużjoni ta’ inammissibbiltà tagħha l-fatt li l-qorti Lussemburgiża ċaħdet it-talba ta’ Luxembourg NRA għall-ħall u għall-istralċ ta’ ABLV Luxembourg. Iċ-ċaħda ta’ deċiżjoni ta’ istituzzjoni Ewropea minn qorti nazzjonali ma trendix tali deċiżjoni ineżistenti u ma teliminax il-bżonn ta’ annullament mill-qrati Ewropej.
It-tielet aggravju huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li n-natura volontarja tal-istralċ ta’ ABLV Bank bħala kwistjoni tad-dritt Latvjan tkun rilevanti jekk, kif tikkonferma l-Qorti Ġenerali, l-istralċ kien ordnat mid-deċiżjonijiet ta’ SRB.
Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li effett legali dirett suffiċjenti huwa eskluż minħabba l-fatt li l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati tinvolvi l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali. L-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali fil-kuntest tal-implimentazzjoni hija irrilevanti sa fejn l-allegat effett legali huwa rregolat mid-dritt Ewropew.
Il-ħames aggravju huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li n-natura tal-implimentazzjoni tal-att speċifikament ġudizzjarja hija rilevanti skont l-Artikolu 263 TFUE.
Is-sitt aggravju huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li kwalunkwe diskrezzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali fil-kuntest tal-implimentazzjoni teskludi l-effett legali dirett.
Is-seba’ aggravju huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq fehim skorrett tal-kunċett ta’ “regoli intermedji” kif żviluppat fil-ġurisprudenza.
It-tmien aggravju huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali siltet konklużjonijiet żbaljati mis-sempliċi forma tal-atti kkontestati.
Id-disa’ aggravju huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta naqset milli tapplika l-Artikolu 263 TFUE fi-dawl tal-gwida speċifika pprovduta fir-Regolament Nru 806/2014 dwar l-istħarriġ tal-atti ta’ SRB.
L-għaxar aggravju huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-dritt tal-appellanti skont l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u ħolqot lakuna fil-protezzjoni legali.
Il-ħdax-il aggravju huwa bbażat fuq il-fatt li bħala prekawzjoni d-digriet appellat huwa bbażat fuq distorsjoni manifesta tal-atti kkontestati jekk ġie interpretat fis-sens li l-atti kkontestati ma ordnawx l-istralċ ta’ ABLV Latvia u ta’ ABLV Luxembourg. Dan l-aggravju huwa invokat sempliċement bħala prekawzjoni. L-appellanti ma humiex tal-fehma li hemm bażi sabiex id-digriet appellat jiġi interpretat b’dan il-mod.
It-tnax-il aggravju huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li d-digriet appellat huwa bbażat fuq interpretazzjoni skorretta tal-ġurisprudenza rilevanti, inklużi s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi Trasta Komercbanka et vs BĊE (C-663/17) u Deutsche Post u Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C-463/10).
It-tlettax-il aggravju huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li d-digriet appellat ma huwiex suffiċjentement motivat.
(1) Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014 L 225, p. 1).