Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019TN0754

    Kawża T-754/19: Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Novembru 2019 – Stagecoach Group vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 27, 27.1.2020, p. 53–54 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    27.1.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 27/53


    Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Novembru 2019 – Stagecoach Group vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-754/19)

    (2020/C 27/55)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: Stagecoach Group plc (Perth, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: J. Lesar, Solicitor, u K. Beal, QC)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1352 tat-2 ta’ April 2019 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.44896 implimentata mir-Renju Unit dwar l-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi ta' CFC (ĠU 2019 L 216, p. 1);

    tikkundanna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż tar-rikorrenti.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka disa’ motivi.

    1.

    L-ewwel motiv, li jallega li l-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 107(1) TFUE u/jew wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-għażla tagħha tal-qafas ta’ referenza għall-analiżi tas-sistema ta’ taxxa. Ir-rikorrenti targumenta li l-konvenuta imissha ttrattat il-qafas ta’ referenza bħala s-sistema tat-taxxa fuq il-kumpanniji tar-Renju Unit, u mhux sempliċiment is-sistema tal-Korporazzjoni Kkontrollata minn barra l-Pajjiż (CFC) stess.

    2.

    It-tieni motiv, li jallega li l-konvenuta wettqet żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tagħha tal-Artikolu 107(1) TFUE u/jew wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta adottat approċċ difettuż għall-analiżi tas-sistema CFC. Fil-premessi (124) sa (126) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ttrattat b’mod żbaljat id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 9 tal-Parti 9A tat-Taxation (International and Other Provisions) Act 2010 bħala forma ta’ deroga minn imposta ta’ taxxa ġenerali li tinsab fil-Kapitolu 5 tiegħu.

    3.

    It-tielet motiv, li jallega li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tagħha tal-Artikolu 107(1) TFUE meta fil-premessi (127) sa (151) tad-deċiżjoni kkontestata qieset li l-kriterju tas-selettività kien sodisfatt peress li impriżi li jinsabu f’pożizzjonijiet fattwalment u legalment paragunabbli kienu ttrattati b’mod differenti.

    4.

    Ir-raba’ motiv, li jallega li l-eżenzjoni ta’ 75 % skont l-Artikolu 371ID tat-Taxation (International and Other Provisions) Act 2010 hija ġġustifikat min-natura u mill-istruttura ġenerali tas-sistema ta’ taxxa.

    5.

    Il-ħames motiv, li jallega li l-impożizzjoni ta’ oneru ta’ taxxa fuq CFC li tissodisfa l-eżenzjonijiet stabbiliti fl-imsemmi Kapitolu 9 bħala klassi tikser il-libertà ta’ stabbiliment tar-rikorrenti bi ksur tal-Artikolu 49 TFUE.

    6.

    Is-sitt motiv, li jallega li kien hemm żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-kwistjonijiet tal-eżenzjoni ta’ 75 % u tal-proporzjon fiss.

    7.

    Is-seba’ motiv, li jallega li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma tikkonformax mal-prinċipju ġenerali tal-liġi tal-Unjoni ta’ nondiskriminazzjoni jew ta’ ugwaljanza.

    8.

    It-tmien motiv, li jallega li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta applikat b’analoġija jew meta bbażat ruħha b’mod inġustifikat fuq it-termini tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2016/1164 (1), li ma kienx japplika ratione temporis.

    9.

    Id-disa’ motiv, li jallega li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tagħha tal-Artikolu 107(1) TFUE meta fil-premessa (176) tad-deċiżjoni kkontestata sabet li teżisti klassi ta’ benefiċjarji (li r-rikorrenti tifforma parti minnha) u li kienet kisbet kwalunkwe għajnuna li kellha tiġi rkuprata skont l-Artikolu 2(1) tad-deċiżjoni kkontestata.


    (1)  Direttiva tal-Kunsill (UE) 2016/1164 tat-12 ta' Lulju 2016 li tistabbilixxi regoli kontra l-prattiki ta' evitar tat-taxxa li jaffettwaw direttament il-funzjonament tas-suq intern (ĠU 2016 L 193, p. 1).


    Top