Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019TN0233

    Kawża T-233/19: Rikors ippreżentat fid-9 ta’ April 2019 — Infineon Technologies Dresden vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 213, 24.6.2019, p. 52–52 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    24.6.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 213/52


    Rikors ippreżentat fid-9 ta’ April 2019 — Infineon Technologies Dresden vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-233/19)

    (2019/C 213/51)

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Partijiet

    Rikorrenti: Infineon Technologies Dresden GmbH & Co. KG (Dresden, il-Ġermanja) (rappreżentanti: L. Assmann u M. Peiffer, avukati)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-Deċiżjoni tal-konvenuta nnotifikata bid-dokument C(2018) 3166 (ĠU 2019, L 14, p. 1) tat-28 ta’ Mejju 2018 dwar skema ta’ għajnuna SA.34045 (2013/c) (ex 2012/NN) implimentata mill-Ġermanja għall-konsumaturi ta’ karga bażika skont l-Artikolu 19 tar-Regolament StromNEV, kif ukoll

    tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż tal-kawża.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Ir-rikors huwa bbażat fuq motiv wieħed li permezz tiegħu r-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija illegali sa fejn l-eżenzjoni mit-tariffi tan-netwerk taħt it-tieni sentenza tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament StromNEV ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikoli 107 et seq. TFUE.

    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni, l-ewwel nett, li l-eżenzjoni mit-tariffi tan-netwerk mogħtija fuq il-bażi tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament StromNEV ma hijiex mogħtija minn riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE iżda hija ffinanzjata mill-kumpannija Ġermaniża li topera n-netwerk tal-elettriku, li hija rregolata mid-dritt privat u li l-aġir tagħha ma jistax jiġi attribwit lill-Istat. Is-soprataxxa inkwistjoni lanqas ma tista’ titqies li hija ekwivalenti, fl-applikazzjoni tagħha, għal imposta fuq il-konsum tal-elettriku fil-Ġermanja. Barra minn hekk, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma teżerċita ebda kontroll fuq l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-elettriku li jamministraw dawn il-fondi.

    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-eżenzjoni mit-tariffi tan-netwerk fuq il-bażi tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament StromNEV hija materjalment differenti miċ-ċirkustanzi li kienu inkwistjoni fil-Kawża C-206/06, Essent Netwerk Noord et u fil-Kawża C-262/12, Vent De Colère!. Madankollu, il-każ ineżami jista’ jitqabbel mas-soprataxxa inkwistjoni fil-Kawża C-405/16 P, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, u għalhekk ma għandux jiġi kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat.


    Top